Is-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa huwa l-qofol ta’ għadd ta’ tragwardi ta’ suċċess tal-kampanja mmirati biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ xogħol sostenibbli, inklużi: Ġimagħtejn Ewropej għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; ċerimonja waħda ta’ Premjijiet Ewropej ta’ Prattika Tajba; u żewġ Premjijiet tal-Films dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa.
“Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età” kienet kampanja deċentralizzata miftuħa għall-organizzazzjonijiet u l-individwi fil-livell lokali, nazzjonali u dak Ewropew. Din kienet ikkoordinata fil-livell nazzjonali mill-punti fokali tal-EU-OSHA f’aktar minn 30 pajjiż Ewropew, u appoġġjata minn sħab tal-kampanja uffiċjali — organizzazzjonijiet pan-Ewropej u multinazzjonali u s-sħab tal-midja tal-kampanja.
Il-Premju tal-Film dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa jonora dokumentarji dwar suġġetti relatati max-xogħol bħala parti mill-Kampanji tal-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ‘l Quddiem is-Saħħa ta’ madwar l-Ewropa tal-UE-OSHA. Dan il-premju jiġi ppreżentat kull sena fl-International Leipzig Festival for Documentary and Animated Film (Festival Internazzjonali ta' Leipzig għal Films Dokumentarji u Animati) (DOK Leipzig), li din is-sena ser isir bejn it-30 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Novembru 2017.
Rebbieħa tal-Premju tal-Film ta’ Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa tal-2017
Before the bridge | l-Istati Uniti | Lewis Wilcox
Dan hu film dokumentarju qasir bl-għan li tinxtered sensibilizzazzjoni dwar kif l-awtomatizzazzjoni ser taffettwa l-futur tal-umanità. Dehriet ċari minn karozza li tinstaq ta’ xenarji post-apokalittiċi: bini rrovinat ta’ fabbriki, djar imġarrfa, arja tqila. Imbagħad: immaġnijiet mingħajr trab ta’ mħażen enormi, idejn robotiċi, forklifts. Katalgu ta’ ritratti ta’ diżastru jiltaqa’ ma’ storja ta’ fantaxjenza. M’hemm l-ebda superlattiviżmu ta’ Hollywood, iżda l-effetti tal-awtomatizzazzjoni u tar-robotizzazzjoni tad-dinja tax-xogħol. L-eżempju: Indiana. Daqqa t'għajn ta’ malajr lejn l-Amerika ta’ Trump – u l-futur tal-ekonomija.
Turtle Shells | il-Ġermanja | Tuna Kaptan
Liġijiet Ewropej dwar il-protezzjoni tal-annimali, operazzjonijiet barranin tal-Forzi Armati Ġermaniżi u fekruna maqbuda, li l-qoxra tagħha ġiet miżbugħa bil-bandiera tar-ribelli Sirjani. Kollha jkunu mexjin lejn ċentru ta’ salvataġġ tar-rettili fi Munich, immexxi minn Dr. Markus Baur. Speċjalista tal-armata Ġermaniża qiegħed jitgħallem kif iġib ruħu ma' rettili perikolużi - hu jrid jibqa’ kalm, jaqbad, jinnewtralizza. Sadanittant, Baur jinforma lis-sid Sirjan tal-fekruna li probabbilment il-fekruna mhux se tingħatalha lura taħt il-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ispeċi. Film b’diversi perspettivi f’nofs terrarji tal-ħġieġ li jesplora r-rabtiet bejn l-annimali, il-bnedmin u l-gwerra.
Nomina speċjali
Alien | it-Turkija | Morteza Atabaki
U mis-silenzju u mid-dlam tistenbaħ ... ħlejqa li tiċċaqlaq u ddur kollha kemm hi. Imgħażel bojod, sofor u lewn id-deheb f’rotazzjoni sinkronizzata vigoruża. Iduru f’piruwetti jleqqu f’ħanut tax-xogħol qadim mimli toqob u fetħiet żgħar, huma jdawwru l-ħajta l-kbira, fejn jissagrifikaw lilhom infushom. F’nofs is-sħana u l-istorbju tal-erwieħ tal-magna storika hemm raġel anzjan ħotbi, xi drabi jħaddem sinna, xi drabi jħaddem il-konduttur.
Nomini
- When the Bull Cried (il-Belġju, il-Bolivja, dir. Karen Vázquez Guadarrama, Bart Goossens)
- Dying Breed (ir-Renju Unit, dir. Mick Catmull)
- Time to Read Poems (il-Korea t’Isfel, dir. Soojung Lee)
- Machines (l-Indja, il-Ġermanja, il-Finlandja, dir. Rahul Jain)
- The Mermaid Kingdom (il-Messiku, dir. Luiz Rincón)
- Carbon Nights (l-Iżvizzera, dir. Robert Müller)
- Delta (l-Ukraina, il-Ġermanja, dir. Oleksandr Technyskyi)