You are here

CLP — Klassifikazzjoni, Ittikkettar u Imballaġġ ta’ sustanzi kimiċi u taħlitiet

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jallinja l-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE mal-GHS (Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi), sistema tan-Nazzjonijiet Uniti li tidentifika sustanzi kimiċi perikolużi u li tgħarraf lill-utenti dwar dawn il-perikli. Għandu wkoll rabtiet mal-leġiżlazzjoni REACH. Ir-Regolament tas-CLP daħal fis-seħħ fl-20 ta'Jannar 2009 u gradwalment issostitwixxa l-klassifika u t-tikkettar tad-Direttivi dwar is-Sustanzi Perikolużi (67/548/KEE) u l-Preparazzjonijiet Perikolużi (1999/45/KE). Iż-żewġ direttivi ġew imħassra fl-1 ta' Ġunju 2015.

Il-GHS ġiet adottata minn ħafna pajjiżi madwar id-dinja u issa qed tintuża wkoll bħala l-bażi għal regolamenti internazzjonali u nazzjonali dwar it-trasport għal prodotti perikolużi.

Il-perikli tas-sustanzi kimiċi jiġu kkomunikati permezz ta’ kliem ta' senjalazzjoni u pittogrammi fuq tikketti u skedi ta’ data tas-sigurtà.

Pittogrammi ġodda inkwadrati bl-aħmar jieħdu post is-simboli familjari oranġjo dwar il-perikli.

Termini ġodda ħadu post dawk qodma:

  • taħlitiet minflok preparazzjonijiet
  • perikolużi minflok ta’ periklu
  • pittogrammi minflok simboli
  • dikjarazzjonijiet dwar il-perikli minflok frażijiet dwar ir-riskji
  • dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni minflok frażijiet dwar is-sigurtà
  • il-Kliem ta’ senjalazzjoni (eż. Periklu, Twissija) ħa post l-Indikazzjonijiet ta’ Periklu.

 

Niżżel il-poster tagħna u l-fuljett fuq il-pittogrammi ta' periklu spjegati

Ara Napo fil-.... Periklu: Sustanzi kimiċi!


© Napo Consortium

Klassifikazzjoni

Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-fornituri jridu jiddeċiedu dwar il-klassifikazzjoni ta’ sustanza jew taħlita. Din tissejjaħ awtoklassifikazzjoni.

F’xi każijiet, id-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ sustanza kimika tittieħed fil-livell tal-Komunità biex tiġi żgurata ġestjoni adegwata tar-riskju. L-Istati Membri, il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream jistgħu jipproponu l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanza li trid tiġi armonizzata madwar l-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni se ssir disponibbli fl-inventarju C&L wkoll.

Ġeneralment, dawn ikunu l-iktar sustanzi kimiċi perikolużi: karċinoġeniċi, mutaġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni jew sensitizzaturi respiratorji, prodotti bijoċidali jew għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-klassifikazzjonijiet kollha ta’ sustanzi kimiċi li ġew armonizzati qabel skont il-leġiżlazzjoni preċedenti (Direttiva dwar is-Sustanzi Perikolużi) ġew ikkonvertiti fi klassifikazzjonijiet armonizzati tas-CLP. Huwa obbligatorju li l-fornituri japplikaw dawn il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati.

Punti ewlenin

  • Fittex tikketti ta' periklu u skedi ta’ data ta’ sigurtà (SDS) ġodda.
  • Ħarreġ lill-ħaddiema biex jifhmu u jagħrfu l-informazzjoni tal-ittikkettar CLP.
  • Ara li l-użu tiegħek tas-sustanza jew it-taħlita huwa kopert fl-SDS u li mhuwiex wieħed minn dawk mhux rakkomandati.
  • Segwi l-pariri pprovduti fuq it-tikketti u l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà l-ġodda.
  • Ara jekk inbidlitx il-klassifikazzjoni.
  • Evalwa r-riskji għall-ħaddiema u aġġorna l-valutazzjonijiet tar-riskju għall-post tax-xogħol tiegħek jekk ikun hemm bżonn.
  • Jekk int impjegatur, informa lill-ħaddiema tiegħek dwar dawn il-bidliet.
  • Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar it-tikketta jew l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà l-ġdida, kellem lill-fornitur tiegħek.

Sors: DĠ Impjiegi

il-paġni web tal-ECHA dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi u t-taħlitiet kimiċi (23 lingwa tal-UE)

Ittikkettar

Il-fornituri jridu jwaħħlu tikketta ma’ sustanza jew taħlita li tinsab fl-imballaġġ skont is-CLP qabel iqegħduha fis-suq meta:

  • Sustanza tkun ikklassifikata bħala perikoluża
  • Taħlita jkun fiha sustanza waħda jew iktar ikklassifikati bħala perikolużi ’l fuq minn ċertu livell stabbilit

Artiklu tal-OSHwiki dwar l-Ittikkettar ta’ sustanzi kimiċi

il-paġni web tal-ECHA dwar l-Ittikkettar u l-Imballaġġ (23 lingwa tal-UE)

Inventarju tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar

L-Inventarju tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar (C&L) huwa bażi ta’ data b’informazzjoni bażika dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar dwar sustanzi kimiċi nnotifikati u rreġistrati rċevuti minn manifatturi u importaturi. Fih ukoll il-lista ta’ klassifikazzjonijiet armonizzati legalment vinkolanti (Anness VI għar-Regolament tas-CLP). Huwa stabbilit u miżmum mill-ECHA.

Aktar informazzjoni