You are here

Parteċipazzjoni tat-tmexxija u tal-ħaddiema

Leadership and workers participation. Conductor leading a concert
Tmexxija b’saħħitha, effikaċi u viżibbli hija vitali għal saħħa u sigurtà tajba fuq il-post tax-xogħol. U saħħa u sigurtà tajba huma essenzjali biex iwasslu għas-suċċess ta’ negozju.

Il-protezzjoni tal-impjegati minn aċċidenti u mard mhux biss hija dmir legali u etiku — hija sinjal ta’ negozju li aktarx li jikber u jirnexxi.

It-tnaqqis tar-riskju minn fuq għal isfel

Il-mexxejja tal-intrapriża — il-maniġment superjuri, id-diretturi u/jew il-bord — huma f’pożizzjoni li jipprevjenu l-aċċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol. Dan jistgħu jagħmluh billi:

  • Jimpenjaw ruħhom għal strateġija effikaċi għall-ġestjoni tal-OSH u jikkomunikawha
  • Jiżviluppaw sistemi robusti ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà
  • Jimmonitorjaw il-prestazzjoni ta’ dawk is-sistemi
  • Jagħtu eżempju tajjeb billi jsegwu f’kull ħin il-proċeduri kollha ta’ sigurtà
  • Jimmotivaw lill-persunal biex jipparteċipa fl-iżgurar ta’ saħħa u sigurtà tajbin

Il-konsegwenzi ta’ tmexxija ħażina

It-tmexxija ineffikaċi jew ineżistenti tal-OSH tista’ tirriżulta f'aċċidenti jew anke f’fatalitajiet kif ukoll saħħa mentali u fiżika ħażina fost il-ħaddiema. Tista’ tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ kumpanija. Tmexxija ħażina jista’, fil-fatt, ikollha spejjeż finanzjarji sinifikanti b’riżultat ta’, pereżempju, ġranet ta’ mard, ħin moħli u ħlasijiet ta’ kumpens.

Tmexxija tajba tal-OSH, min-naħa l-oħra:

  • Tipprevjeni l-aċċidenti u l-mard
  • Iżżid il-produttività u l-effiċjenza
  • Ittejjeb il-moral tal-impjegati
  • Tgħin lin-negozji jirbħu kuntratti ġodda u jattiraw impjegati ta’ kwalità għolja

It-tmexxija tas-saħħa u s-sigurtà

Hemm xi passi sempliċi li tista’ tieħu biex tiżgura li l-organizzazzjoni tiegħek tibbenefika minn tmexxija tajba tal-OSH. Dawn huma xi għajnuniet prattiċi, ibbażati fuq gwida żviluppata mill-Health and Safety Executive Brittaniku:

  • Wettaq valutazzjonijiet regolari tar-riskji u ħu azzjoni fuq ir-riżultati
  • Dejjem qis l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sigurtà meta tintroduċi membri ġodda tal-persunal, proċessi u metodi tax-xogħol ġodda
  • Tmexxija viżibbli hija tmexxija effikaċi. Kun żgur li l-mexxejja jagħmlu żjarat regolari fuq il-‘post tax-xogħol’ tal-organizzazzjoni tiegħek biex jitkellmu mal-impjegati dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet relatati mal-OSH
  • Uri impenn billi tiżgura li l-kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà jkunu dejjem fuq l-aġenda fil-laqgħat tal-bord
  • Ipprovdi taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà lill-mexxejja kollha, biex tippromwovi sensibilizzazzjoni ikbar dwar il-valur tal-OSH

Naħdmu flimkien — l-involviment tal-impjegati

Waħda fatturi ewlenin għal tmexxija tajba tal-OSH hija l-involviment tal-ħaddiema. L-impjegaturi għandhom dmir legali li jikkonsultaw mal-impjegati dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà. Iżda hemm benefiċċji li wieħed imur lil hinn mir-rekwiżiti minimi. Il-ġestjoni tal-OSH hija aktar probabbli li tirnexxi jekk tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u tistabbilixxi djalogu bejn l-impjegati u l-maniġment.

Fl-2012, l-EU-OSHA organizzat kampanja ta’ sentejn dwar dan is-suġġett, imsejħa Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa 2012-2013 Naħdmu Flimkien biex Nevitaw ir-Riskji.

Din il-kampanja ntemmet b’avveniment ta’ valutazzjoni komparattiva li matulu s-sħab tal-kampanja skambjaw eżempji ta’ prattika tajba, b’workshops dwar suġġetti bħal ‘Taħriġ fit-tmexxija’ u ‘Il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà ta’ organizzazzjoni’. Aqra sommarju tal-avveniment.