In-nisa u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Image
Women and health at work. Female worker at the workplace

L-irġiel u n-nisa mhumiex l-istess bijoloġikament (differenzi fis-sess) u l-kompiti li jwettqu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u kif jiġu trattati mis-soċjetà mhumiex l-istess (differenzi fil-ġeneru).

Dawn id-differenzi jistgħu jaffettwaw il-perikli li jiffaċċjaw l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol u kif jiġu vvalutati u kkontrollati. Din hija r-raġuni għaliex l-EU-OSHA tirriċerka u tqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tal-OSH li jiffaċċjaw in-nisa fuq il-post tax-xogħol.

Differenzi li jistgħu jaffettwaw l-OSH

Jeżistu differenzi li jaffettwaw ir-riskji li jiffaċċjaw l-irġiel u n-nisa. In-nisa:

  • Jaħdmu f’setturi speċifiċi u f’tipi ta’ xogħol speċifiċi
  • Jibbilanċjaw responsabbiltajiet doppji fuq il-post tax-xogħol u fid-dar
  • Mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli ta’ superviżuri u maniġment
  • Huma fiżikament differenti mill-irġiel, għalkemm spiss ikun hemm iżjed varjazzjoni bejn in-nisa milli bejn l-irġiel u n-nisa, pereżempju, fir-rigward ta’ saħħa fiżika.
  • Iwettqu kompiti li spiss huma preżunti b’mod ħażin li huma siguri u faċli

Dawn id-differenzi spiss ma jiġux rikonoxxuti fil-prattika tas-saħħa u s-sigurtà. Barra minn hekk, l-ammont tax-xogħol u r-riskji relatati mal-istress għan-nisa fuq il-post tax-xogħol huma spiss sottovalutati. L-EU-OSHA għandha l-għan li tenfasizza dawn id-differenzi u tgħin biex ittejjeb l-OSH ’'oqsma li jaffettwaw l-iżjed lin-nisa.

X’jistgħu jagħmlu l-impjegaturi

Approċċ sensittiv għall-ġeneru fir-rigward tal-OSH ifisser li jiġu rikonoxxuti u meqjusa d-differenzi bejn il-ħaddiema rġiel u nisa.

L-impjegaturi jistgħu:

  • Jimmiraw biex jagħmlu x-xogħol iżjed sigur u faċli għal kulħadd
  • Jinkludu kwistjonijiet tal-ġeneru fil-valutazzjoni tar-riskji
  • Iħarsu lejn ix-xogħol reali li jkun sar u jevitaw preżunzjonijiet dwar min jinsab fir-riskju u għaliex
  • Joffru flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol
  • Jinvolvu lin-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OSH

Dan l-approċċ huwa ta’ benefiċċju għall-impjegati kollha, mhux biss in-nisa.

Aqra l-folji tal-fatti tal-EU-OSHA għall-impjegaturi dwar kwistjonijiet tal-ġeneru u l-valutazzjoni tar-riskji.

Ir-rwol tal-EU-OSHA

L-għan ewlieni huwa l-għajnuna biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru jitqiesu meta jitfasslu politiki u jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol u fil-livell tal-UE. L-EU-OSHA tirriċerka b’mod attiv ir-riskji u x-xejriet relatati mal-ġeneru. Dan jinkludi riċerka ffukata fuq setturi fejn jaħdmu n-nisa, bħat-tindif, u fuq riskji li jiffaċċjaw b’mod partikolari n-nisa. Aħna nintegraw ukoll il-ġeneru f’oqsma oħra ta’ riċerka.

Nipprovdu għodda u pariri biex ngħinu lill-impjegaturi jidentifikaw u jimplimentaw valutazzjoni tar-riskji sensittiva għall-ġeneru.

Ara wkoll ir-riċerka tal-EU-OSHA dwar riskji u xejriet ġodda fis-saħħa u s-sigurtà tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u skopri gwidi ta’ prattika tajba u għodda għall-valutazzjonijiet tar-riskji.