OiRA: għodod bla ħlas u sempliċi għal proċess sempliċi ta’ valutazzjoni tar-riskju

Image
OIRA: Online Interactive Risk Assesment

Il-valutazzjoni tar-riskju hi l-ewwel pass essenzjali fil-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-mard okkupazzjonali. OiRA — Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online — tagħmel dan il-proċess faċli.

Dan jipprovdi r-riżorsi u l-għarfien meħtieġa biex organizzazzjonijiet żgħar u mikro jivvalutaw ir-riskji tagħhom huma stess. Disponibbli bla ħlas fuq il-web, l-għodod tal-OiRA huma aċċessibbli faċilment u huma faċli biex tużahom.

L-OiRA toffri soluzzjoni pass pass għall-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, li jibda bl-identifikazzjoni tar-riskji relatati mal-post tax-xogħol, imbagħad tmexxi lill-utent tul il-proċess tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet preventivi, u finalment għall-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji.

X’inhi l-OiRA?

L-OiRA ġiet stabbilita biex tipprovdi għodod faċli biex tużahom li jiggwidaw lil organizzazzjonijiet żgħar u mikro tul il-process tal-valutazzjoni tar-riskju. Is-software tal-OiRA żviluppat mill-EU-OSHA fl-2009, u li ilu jintuża sa mill-2010, huwa bbażat fuq għodda Olandiża għall-valutazzjoni tar-riskju magħrufa bħala RI&E, li tat prova li kienet ta’ suċċess kbir u użata ħafna. 

Is-software tal-OiRA tal-EU-OSHA jgħin lis-sħab soċjali settorjali (organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati) u lill-Awtoritajiet nazzjonali (ministeri, spettorati tax-xogħol, istituti tal-OSH, eċċ.) biex jipproduċu għodod tal-valutazzjoni tar-riskju speċifiċi għas-settur li jkunu mmirati lejn negozji żgħar.

Ara s-sit web tal-proġett tal-OiRA għal informazzjoni aġġornata dwar il-proġett tal-OiRA (is-sħab tal-OiRA, l-għodod tal-OiRA ppubblikati jew li qed jiġu ppubblikati).

X’inhi l-idea wara l-OiRA?

Il-valutazzjoni tar-riskju hija l-bażi ta’ kwalunkwe approċċ għall-ġestjoni tas-sikurezza u tas-saħħa u hija essenzjali fl-istabbiliment ta’ post tax-xogħol b’saħħtu. 

Permezz tal-OiRA, l-EU-OSHA tappoġġa l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2021–2027, imniedi f’Ġunju 2021. Billi jiffaċilita l-valutazzjoni tar-riskju, l-OiRA timmira li żżid in-numru ta’ kumpaniji mikro u żgħar li jivvalutaw ir-riskji tagħhom u l-kwalità tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom. L-għodod jippermettu lill-kumpaniji jibdew (jew itejbu) il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju. B’dan il-mod l-għodod tal-OiRA jistgħu jgħinu lill-kumpaniji jsiru aktar kompetittivi, pereżempju billi jnaqqsu l-ispejjeż li huma r-riżultat ta’ mard okkupazzjonali u billi jimminimizzaw ir-riskji tal-aċċidenti, kif ukoll itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol globali u l-prestazzjoni organizzazzjonali.

Għalfejn tuża l-OiRA?

Illum il-valutazzjoni tar-riskju hi proċess familjari għal ħafna organizzazzjonijiet, użata f’mijiet ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol madwar l-Ewropa biex tipprevjeni r-riskji. Iżda għal xi kumpaniji, partikolarment organizzazzjonijiet żgħar u mikro, il-valutazzjoni tar-riskju tista’ tkun proċess li joffri sfida. L-OiRA jista’ jagħmel dan il-proċess iktar faċli, billi jipprovdi lill-organizzazzjonijiet bir-riżorsi li jeħtieġu biex jegħlbu din l-isfida.

Billi jużaw l-għodod tal-OiRA, l-organizzazzjonijiet ikunu qed jieħdu wkoll vantaġġ minn ċerti aspetti:

  • L-użu tal-għodod tal-OiRA hu totalment bla ħlas
  • L-għodod huma disponibbli online
  • Hemm applikazzjoni mobbli disponibbli
  • L-għodod huma mmirati għas-settur
  • L-għodod jistgħu jinbidlu skont il-kundizzjonijiet tal-kumpaniji sa ċertu punt
  • L-għodod jagħtu l-possibilità li jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni u li jagħżlu minn lista ta’ miżuri proposti

Kif taħdem l-OiRA?

Hemm ħames passi ewlenin fil-proċess tal-OiRA:

  1. Preparazzjoni: sa ċertu punt l-OiRA tippermetti lill-kumpaniji jfasslu l-valutazzjonijiet tar-riskju għall-ispeċifiċitajiet tagħhom stess billi jwieġbu ftit mistoqsijiet sempliċi
  2. Identifikazzjoni: dan jinvolvi t-tiftix ta’ dawk l-affarijiet fuq il-post tax-xogħol li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara, u l-identifikazzjoni ta’ min jista’ jkun espost għall-periklu
  3. Evalwazzjoni: din il-fażi tikkonsisti fil-prijoritizzazzjoni tar-riskji li ġew identifikati. Il-prijoritizzazzjoni aktar tard tgħin biex jiġi deċiż liema miżuri għandhom jiġu implimentati l-ewwel
  4. Pjan ta’ azzjoni: l-għodda mbagħad se tgħin biex jiġi ġġenerat pjan ta’ azzjoni u biex jiġi deċiż kif jiġu eliminati jew ikkontrollati r-riskji
  5. Rapport: fl-aħħar nett, jiġu ġġenerati awtomatikament rapport u pjan ta’ azzjoni li jistgħu jiġu stampati u/jew iddawnlowdjati, li jippermettu d-dokumentazzjoni tar-riżultati tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju

Kif taċċesssa l-OiRA

Kull m’hemm bżonn biex tirreġistra hu indirizz elettroniku validu. Kull individwu jew organizzazzjoni jistgħu jagħżlu l-aktar għodda li taqbel l-aħjar mal-pajjiż, is-settur u l-kumpanija tagħhom mill-għodod tal-OiRA disponibbli. 

Żur l-għodod disponibbli tal-OiRA għal kull settur u għal kull pajjiż fuq is-sit web tal-proġett OiRA.

Involviment tas-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali

L-għodod tal-OiRA kollha nħolqu minn jew bl-involviment tas-sħab soċjali u/jew l-awtoritajiet nazzjonali. Jekk int sieħeb soċjali jew istitut/awtorità nazzjonali u trid tkun involut u tiżviluppa waħda jew iktar mill-għodod settorjali tal-OiRA, tista’ ssib aktar informazzjoni hawnhekk fuq is-sit web tal-proġett tal-OiRA.