Il-ġestjoni tal-OSH fil-kuntest ta’ forza tax-xogħol li qed tikber fl-età

Image
Ageing and OSH. Older worker at the workplace

Il-ħaddiema akbar fl-età huma parti mill-forza tax-xogħol li qed tikber . Hekk kif in-nies qed jaħdmu għal iżjed żmien, il-ġestjoni tal-OSH għal forza tax-xogħol li qed tikber fl-età saret prijorità.

Iż-żieda fil-livelli ta’ impjieg u t-titwil tal-ħajja tax-xogħol tan-nies ilhom għanijiet importanti tal-politiki nazzjonali u Ewropej sa mill-aħħar tas-snin disgħin. Ir-rata ta’ impjieg fl-UE-27 għal persuni ta’ bejn il-55 u l-64 sena żdiedet minn 40.5 % fl-2005 għal 58.5 % fl-2018. Dan għadu sew taħt ir-rata ta’ impjieg ta’ dawk bejn l-20 u l-64 sena, li kienet ta’ 72.6 % fl-2018.

L-għodda ta’ viżwalizzazzjoni tad-data tal-Barometru tal-OSH toffri xi data ewlenija dwar il-ħaddiema li qed jixjieħu u l-forza tax-xogħol: l-età medjana, ir-rata ta’ impjieg ta’ gruppi ta’ età differenti, it-total u s-sess.

It-tibdil normali relatat mal-età jista’ jkun kemm pożittiv kif ukoll negattiv

Ħafna attribwiti, bħall-għerf, il-ħsieb strateġiku, il-perċezzjoni olistika u l-kapaċità tad-deliberazzjoni, jiżdiedu jew joħorġu għall-ewwel darba maż-żieda fl-età. L-esperjenza tax-xogħol u l-kompetenza wkoll jakkumulaw mal-età.

Iżda xi kapaċitajiet funzjonali, l-iżjed dawk fiżiċi u sensorji, jonqsu b’riżultat tal-proċess naturali tat-tixjiħ. It-tibdil potenzjali fil-kapaċitajiet funzjonali għandu jitqies fil-valutazzjoni tar-riskju (ara hawn taħt), u x-xogħol u l-ambjent tax-xogħol għandhom jiġu mmodifikati biex jindirizzaw dak it-tibdil.

It-tibdil relatat mal-età fil-kapaċità funzjonali mhuwiex uniformi minħabba d-differenzi individwali fl-istil tal-ħajja, in-nutrizzjoni, l-idoneità, il-predispożizzjoni ġenetika għall-mard, il-livell edukattiv, u x-xogħol u ambjenti oħra.

Il-ħaddiema akbar fl-età mhumiex grupp omoġenju; jista’ jkun hemm differenzi konsiderevoli bejn individwi tal-istess età.

It-tixjiħ u x-xogħol

It-tnaqqis relatat mal-età jaffettwa prinċipalment il-kapaċitajiet fiżiċi u sensorji, li huma l-iżjed rilevanti għal xogħol fiżiku iebes. Il-bidla minn industrija estrattiva u tal-manifattura għal industrija tas-servizzi u bbażata fuq l-għarfien, kif ukoll żieda fl-awtomazzjoni u l-mekkanizzazzjoni tal-kompiti u l-użu ta’ tagħmir motorizzat, naqqsu l-ħtieġa għal xogħol fiżiku iebes.

F’dan il-kuntest ġdid, ħafna kapaċitajiet u ħiliet assoċjati ma’ persuni akbar fl-età, bħal ħiliet interpersonali tajbin, is-servizz lill-klijent u s-sensibilizzazzjoni dwar il-kwalità, huma dejjem iżjed ta’ valur.

Barra minn hekk, ħafna tibdil relatat mal-età huwa iżjed rilevanti f’xi attivitajiet professjonali milli f’oħrajn. Pereżempju, it-tibdil fiż-żamma tal-bilanċ għandu implikazzjoni għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar u għall-persunal tas-salvataġġ li jaħdmu f’kundizzjonijiet estremi, jilbsu tagħmir tqil u jerfgħu u jġorru n-nies; it-tnaqqis fil-kapaċità li tittieħed deċiżjoni korretta dwar distanzi u l-veloċità ta’ oġġetti li qed jiċċaqilqu għandu implikazzjoni għas-sewqan billejl iżda ma jaffettwax lill-ħaddiema tal-uffiċċju.

Valutazzjoni tar-riskju sensittiva għall-età

L-età hija biss aspett wieħed ta’ forza tax-xogħol diversa. Valutazzjoni tar-riskju sensittiva għall-età tfisser li jitqiesu l-karatteristiċi relatati mal-età ta’ gruppi ta' etajiet differenti meta jiġu vvalutati r-riskji, inkluż it-tibdil potenzjali fil-kapaċitajiet funzjonali u fil-qagħda tas-saħħa.

Ir-riskji rilevanti b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età jinkludu:

  • Ammont ta’ xogħol fiżiku iebes
  • Perikli relatati max-xogħol bix-xift
  • Ambjenti tax-xogħol sħan, kesħin jew storbjużi

Hekk kif id-differenzi interindividwali jiżdiedu mal-età, m’għandhomx isiru preżunzjonijiet purament abbażi tal-età. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis il-ħtiġijiet tax-xogħol fir-rigward tal-kapaċitajiet u l-qagħda tas-saħħa tal-individwu.

Sir af aktar dwar l-għodda attwali tal- Proġett Interattiv fuq l-Internet dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji (OiRA) disponibbli, il-valutazzjonijiet tar-riskji sensittivi għall-età u l-iżgurar li kulħadd huwa kopert.

Nippromwovu l-kapaċità għax-xogħol u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol

Il-Kapaċità għax-Xogħol hija l-bilanċ bejn ix-xogħol u r-riżorsi individwali; meta x-xogħol u r-riżorsi individwali joqogħdu sew flimkien, il-kapaċità għax-xogħol tkun tajba. Il-fatturi ewlenin li jaffettwaw dan huma:

  • Il-kapaċitajiet tas-saħħa u funzjonali
  • L-edukazzjoni u l-kompetenza
  • Il-valuri, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni
  • L-ambjent tax-xogħol u l-komunità
  • Il-kontenut, il-ħtiġijiet u l-organizzazzjoni tax-xogħol

Il-kapaċità għax-xogħol tista’ titkejjel bl-Indiċi tal-Kapaċità għax-Xogħol. Il-kunċett ta’ kapaċità għax-xogħol jissuġġerixxi li l-azzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għall-promozzjoni tal-kapaċità għax-xogħol għandhom ikopru dawn il-fatturi kollha.

Is-saħħa tan-nies iżjed tard fil-ħajja hija affettwata mill-imġiba tagħhom fir-rigward tas-saħħa iżjed kmieni fil-ħajja. It-tnaqqis fil-kapaċitajiet funzjonali jista’ jittawwal u jiġi mminimizzat bi drawwiet ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha, bħal eżerċizzju regolari u ikel bnin. Il-post tax-xogħol għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha u fl-appoġġ ta’ attivitajiet li jipprevjenu t-tnaqqis fiżiku, u b’hekk jgħin fiż-żamma tal-kapaċità għax-xogħol. Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (WHP) tkopri varjetà ta’ suġġetti inkluż id-dieta u n-nutrizzjoni, il-konsum tal-alkoħol, it-twaqqif tat-tipjip u li persuna jkollha biżżejjed eżerċizzju, irkupru u rqad.

Adattament tax-xogħol u l-ambjent tax-xogħol

Disinn tajjeb tal-post tax-xogħol huwa ta’ benefiċċju għall-gruppi tal-etaijiet kollha, inkluż għall-ħaddiema akbar fl-età. Hekk kif jinbidlu l-kapaċitajiet, ix-xogħol għandu jinbidel ukoll biex jikkumpensa, pereżempju permezz bi:

  • Tfassil mill-ġdid jew rotazzjoni tax-xogħol
  • Brejks qosra aktar spissi
  • Organizzazzjoni mtejba ta’ xogħol bix-xift, eż. sistema ta’ rotazzjoni tax-xifts mgħaġġla (2–3 ijiem)
  • Dawl tajjeb u kontroll tal-istorbju
  • Disinn ergonomiku tajjeb tat-tagħmir

Politiki dwar ir-ritorn għax-xogħol

Il-mard fit-tul jista’ jwassal għal problemi fis-saħħa mentali, esklużjoni soċjali u tluq bikri mis-suq tax-xogħol. L-iffaċilitar tar-ritorn tal-ħaddiema wara l-mard huwa kruċjali għall-appoġġ ta’ forza tax-xogħol li qed tikber fl-età. Eżempji ta’ inizjattivi meħuda biex jiġi promoss ir-ritorn lejn ix-xogħol f’pajjiżi Ewropej jinkludu l-ħolqien tan-‘nota li wieħed ikun kapaċi jaħdem’ minflok in-nota ta’ mard fir-Renju Unit u proġett ta’ intervent għal Ritorn lejn ix-Xogħol fid-Danimarka.

Aqra r-rapport tal-EU-OSHA dwar lura għax-xogħol u sir af aktar fil-folja tal-fatti relatata.