Problemi muskuloskeletali

Il-problemi muskuloskeletali (MSDs) huma wieħed mill-aktar uġigħ komuni relatat max-xogħol. Madwar l-Ewropa, dawn jaffettwaw miljuni ta’ ħaddiema bi spiża ta’ biljuni ta’ euro għall-impjegaturi. Meta jiġu indirizzati l-MSDs mhux biss titjieb il-ħajja tal-ħaddiema, iżda dan ikun tajjeb ukoll għan-negozju.
Problemi muskuloskeletali normalment jaffettwaw id-dahar, l-għonq, l-ispallejn u d-dirgħajn, iżda r-riġlejn jistgħu jiġu affettwati wkoll. Dawn ikopru kwalunkwe ħsara jew problema fil-ġogi jew f’tessuti oħra. Il-problemi tas-saħħa jvarjaw minn uġigħ żgħir għal kundizzjonijiet mediċi iżjed serji, li jkunu jeħtieġu kemm ħin il-bogħod mix-xogħol, kif ukoll trattament mediku. F’każijiet iżjed kroniċi, jistgħu anke jwasslu għal diżabilità u l-bżonn tat-telf tal-impjieg.
Iż-żewġ gruppi ewlenin tal-MSDs huma l-uġigħ jew il-korrimenti fid-dahar u problemi fid-dirgħajn relatati max-xogħol (magħrufa b’mod komuni bħala ‘korrimenti ta’ strapazz ripetittiv’).
Kawżi tal-MSDs
Ħafna mill-MSDs relatati max-xogħol jiżviluppaw matul iż-żmien. Normalment ma jkunx hemm kawża waħda tal-MSDs; spiss diversi fatturi jaħdmu flimkien. Il-kawżi fiżiċi u l-fatturi tar-riskju organizzazzjonali jinkludu:
- L-immaniġġjar ta’ tagħbijiet, b’mod speċjali meta persuna tintlewa u titgħawweġ
- Movimenti ripetittivi jew qawwija
- Il-qagħdiet skomdi u statiċi
- It-theżżiż, dawl ħażin jew ambjenti tax-xogħol kesħin
- Xogħol li jsir b’ritmu mgħaġġel
- Ħinijiet twal bilqiegħda jew bilwieqfa fl-istess pożizzjoni
Qed tikber l-evidenza li torbot l-MSDs mal-fatturi ta’ riskju psikosoċjali (b’'mod speċjali meta kkombinati mar-riskji fiżiċi), inkluż:
- Xogħol li jirrikjedi ħafna mill-ħaddiem jew awtonomija baxxa
- Livell baxx ta’ sodisfazzjon mix-xogħol
Prevenzjoni
Ma teżistix soluzzjoni waħda, u kultant ikunu meħtieġa l-pariri ta’ esperti għal problemi serji jew li ma jkunux komuni. Madankollu, ħafna soluzzjonijiet huma ċari u mhux għaljin, pereżempju li jiġi pprovdut karru biex jassisti fl-immaniġġjar tal-oġġetti jew li tinbidel il-pożizzjoni tal-oġġetti fuq skrivanija.
Sabiex jindirizzaw l-MSDs, l-impjegaturi għandhom jużaw kombinazzjoni ta’:
- Valutazzjoni tar-riskji: jittieħed approċċ olistiku, li jivvaluta u jindirizza l-firxa sħiħa ta’ kawżi (ara hawn fuq)
- Parteċipazzjoni tal-impjegati: l-inklużjoni tal-persunal u tar-rappreżentanti tagħhom fid-diskussjonijiet dwar problemi u soluzzjonijiet possibbli
Aqra iżjed dwar il-prevenzjoni tal-MSDs relatati max-xogħol.
Azzjoni
L-azzjonijiet ta’ prevenzjoni jistgħu jinkludu tibdil fi:
- It-tqassim tal-post tax-xogħol: adatta t-tqassim biex jitjiebu l-qagħdiet tax-xogħol
- Tagħmir: kun żgur li huwa ddisinjat b’mod ergonomiku u adattat għall-kompiti
- Il-ħaddiema: tejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji, ipprovdi taħriġ dwar metodi tajbin ta' ħidma
- Kompiti: biddel il-metodi ta’ ħidma jew l-għodda
- Ġestjoni: ippjana x-xogħol biex tevita xogħol ripetittiv jew xogħol fit-tul b’qagħdiet ħżiena. Ippjana brejks ta’ mistireħ, dawwar il-kompiti jew alloka x-xogħol mill-ġdid
- Fatturi organizzazzjonali: żviluppa politika dwar l-MSD
Fl-approċċ tal-ġestjoni tal-MSDs jeħtieġ li jitqiesu wkoll il-monitoraġġ tas-saħħa, il-promozzjoni tas-saħħa u r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema li diġà jbatu minn MSDs.
Il-leġiżlazzjoni Ewropea
L-importanza tal-prevenzjoni tal-MSDs diġà hija rikonoxxuta fid-direttivi Ewropej, fir-regolamenti tal-Istati Membri u fil-linji gwida tal-prattika tajba. Id-direttivi rilevanti jinkludu d-Direttiva ‘Qafas’ ġenerali dwar l-OSH u d-direttivi li jkopru dawn is-suġġetti li ġejjin: l-immaniġġjar manwali tat-tagħbijiet, it-tagħmir tax-xogħol, l-istandards minimi għall-postijiet tax-xogħol u għax-xogħol li jsir fuq skrins ta’ kompjuters.
Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea organizzat konsultazzjoni dwar azzjonijiet possibbli mill-Komunità, inkluż leġiżlazzjoni ġdida. Il-pjanijiet possibbli ġew sospiżi sakemm issir reviżjoni tad-Direttivi tal-UE fl-2014-15. L-MSDs huma prijorità rikonoxxuta mill-Istati Membri tal-UE u mis-Sħab soċjali Ewropej.
L-EU-OSHA timmonitorja l-inċidenza, il-kawżi u l-prevenzjoni tal-MSDs. L-EU-OSHA tappoġġja wkoll il-kondiviżjoni ta' prattiki tajba.



