Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-impjiegi ekoloġiċi

Image
Green Jobs. Two workers wearing personal protection equipment

L-UE qiegħda taħdem ħafna biex tibbilanċja t-tkabbir ekonomiku mal-ħtieġa li jiġi protett l-ambjent, u stabbilixxiet miri ambizzjużi għaliha nnifisha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u t-tnaqqis tal-iskart.

Dan wassal għal firxa wiesgħa ta' impjiegi ekoloġiċi - impjiegi li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-ambjent, jew biex dan jitreġġa' lura għal kif kien. Madankollu, jekk dawn għandhom ikunu tassew sostenibbli, irridu nkunu ċerti li dawn l-impjiegi jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, sikuri u ħielsa mill-periklu. L-impjiegi ekoloġiċi jeħtieġ li jkunu tajbin għall-ħaddiema, kif ukoll tajbin għall-ambjent.

X'inhuma l-impjiegi ekoloġiċi?

L-impjiegi ekoloġiċi jkopru firxa wiesgħa ta' impjiegi differenti f'setturi differenti, u jinvolvu forza tax-xogħol diversa. Jeżistu ħafna definizzjonijiet differenti tat-terminu, bħal dawk tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ewropea jew l-Eurostat. Iżda l-impjiegi ekoloġiċi jistgħu jinftehmu bħala li jikkontribwixxu b'ċertu mod, għall-preservazzjoni jew għat-treġġigħ lura tal-ambjent. Jistgħu jinkludu impjiegi li jgħinu fil-ħarsien tal-ekosistemi u l-bijodiversità, jew inaqqsu l-konsum ta' enerġija u materja prima, jew inaqqsu l-iskart u t-tniġġis. L-għan tagħna f'EU-OSHA huwa li nqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal saħħa u sigurtà tajbin fuq il-post tax-xogħol (OHS) f'dawn l-impjiegi. L-impjiegi ekoloġiċi jeħtieġ li jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, sikuri u ħielsa mill-periklu sabiex jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jissodisfaw l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni Ewropea.

Kif qiegħda tikber l-' ekonomija ekoloġika'?

L-Istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-ħtieġa għal tkabbir li jkun sostenibbli, li tinbena ekonomija effiċjenti fir-riżorsi b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Biex tgħin sabiex dan iseħħ, l-UE stabbilixxiet miri għaliha nnifisha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, billi jiżdied is-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fl-ilħuq tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-Ewropa, u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija. L-ilħuq ta' dawn l-objettivi sejjer iwassal għal tkabbir rapidu fl-'ekonomija ekoloġika' - pereżempju, il-miri biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinovabbli b'20 %, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, huma mistennija li jwasslu għal aktar minn miljun impjieg ġdid fl-UE. L-enerġija solari, l-enerġija mir-riħ, it-teknoloġija tal-bijomassa u r-riċiklaġġ tal-iskart huma l-oqsma tal-ekonomija ekoloġika li qegħdin jesperjenzaw it-tkabbir l-aktar rapidu.

Għaliex huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-OSH fl-impjiegi ekoloġiċi?

Għandna t-tendenza li nassoċjaw il-kelma 'ekoloġiku' mas-sigurtà - iżda dak li hu tajjeb għall-ambjent mhux neċessarjament tajjeb għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li għandhom impjieg ekoloġiku. F'ċerti każijiet, diġà rajna leġiżlazzjoni u teknoloġiji ġodda, imfassla biex iħarsu l-ambjent, u dan iwassal biex il-ħaddiema jitpoġġew f'riskju akbar. Pereżempju, it-tnaqqis tal-ammont ta' skart li jintbagħat fil-miżbliet, wassal għal rati ogħla ta' aċċidenti u mard fost il-ħaddiema li xogħolhom huwa li jipproċessawh.

It-teknoloġiji jew il-proċessi ta' xogħol il-ġodda assoċjati mal-impjiegi ekoloġiċi jistgħu jwasslu għal perikli ġodda, li jitolbu kombinazzjonijiet ġodda ta' ħiliet biex jindirizzawhom: l-għarfien dwar l-OSH il-"qadim" ma jistax jiġi sempliċement ittrasferit lilhom. Pereżempju l-installazzjoni ta' ħiter tal-ilma solari, tinvolvi l-kombinazzjoni tal-ħiliet ta' saqqaf, plamer u elettriċista.

Il-veloċità li biha hija mistennija li tikber l-ekonomija ekoloġika tista' twassal għal nuqqasijiet fil-ħiliet, b'ħaddiema mingħajr esperjenza li jiġu involuti fi proċessi li ma jkunux ġew imħarrġa għalihom u li għalhekk ipoġġu s-saħħa u s-sigurtà tagħhom f'periklu. Jista' jkun hemm ukoll polarizzazzjoni akbar tal-forza tax-xogħol lejn il-ħiliet, bil-ħaddiema b'ħiliet baxxi mġiegħla jaċċettaw kundizzjonijiet tax-xogħol aktar baxxi. L-aħħar iżda mhux l-anqas, il-pressjoni ekonomika u politika tista' twassal biex jiġi injorat it-tħassib relatat mal-OSH.

Sabiex l-impjiegi ekoloġiċi jkunu tassew sostenibbli, irridu nkunu ċerti li dawn sejrin iħallu benefiċċju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, kif ukoll għall-ambjent. Fl-ekonomija ekoloġika, bħal f'oqsma oħra, OSH tajba għandha rwol essenzjali biex iżżid il-kompetittività u l-produttività. F'dan il-qasam li qiegħed jiżviluppa malajr, irridu nassiguraw li dak li hu tajjeb għall-ambjent ikun tajjeb għall-ħaddiema wkoll.

X'qiegħda tagħmel l-EU-OSHA biex tipprevjeni riskji ġodda u emerġenti relatati mal-OSH fl-impjiegi ekoloġiċi?

Fid-dawl ta' kemm l-ekonomija ekoloġika hija mistennija li tikber malajr, huwa importanti li aħna nantiċipaw kull riskju ġdid jew emerġenti relatat mal-OHS fir-rigward tal-impjiegi ekoloġiċi qabel ma dawn joħorġu. Din hija r-raġuni għala l-EU-OSHA wettqet studju ta' previżjoni ddettaljat, li jagħti ħarsa lejn kif ix-xogħol fl-impjiegi ekoloġiċi x'aktarx jiżviluppaw sal-2020, u xi sfidi futuri relatati mal-OSH dan jista' jġib miegħu. L-istudju identifika numru ta' xenarji futuri possibbli, fid-dawl tal-iżviluppi fit-teknoloġiji ekoloġiċi, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali differenti. L-għan huwa li tingħata attenzjoni għal riskji potenzjali relatati mal-OSH f'dan il-qasam, u li b'mod partikolari, dawk li jfasslu l-politika fuq il-livell tal-UE jingħataw għodod biex ikunu jistgħu jsawwru l-postijiet tax-xogħol tal-ġejjieni, u biex il-ħaddiema tal-Ewropa jinżammu sikuri u b'saħħithom.

Sir af aktar dwar:

Ir-rapport ta' previżjoni dwar l-OSH f'oqsma ekoloġiċi

Is-sommarju tar-rapport u x-xenarji

Il-kartuns li juru r-riskji ġodda u emerġenti relatati mal-OSH fix-xenarji

Informazzjoni prattika dwar il-prevenzjoni tar-riskji fl-impjiegi ekoloġiċi

L-EU-OSHA investigat ukoll aktar fil-fond, il-kwistjonijiet tal-OSH assoċjati ma' oqsma teknoloġiċi ekoloġiċi partikolari enfasizzati fl-istudju ta' previżjoni, bħall-applikazzjonijiet tal-enerġija solari fuq skala żgħira, il-kostruzzjoni ekoloġika jew l-enerġija mir-riħ.

Sir af aktar:

Huma disponibbli wkoll listi ta' verifika biex jiġu identifikati l-perikli potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema assoċjati ma' dawn it-teknoloġiji ekoloġiċi u biex jingħataw eżempji ta' miżuri preventivi. Dawn il-listi ta' verifika jistgħu jintużaw biex isostnu l-proċess ta' valutazzjoni tar-riskju tal-post tax-xogħol: