You are here

Direttivi Ewropej dwar is-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol

European directives on safety and health at work
Direttiva hija att legali previst fit-Trattat tal-UE. Hija vinkolanti fl-intier tagħha u tobbliga lill-Istati Membri jittrasponuha fil-liġi nazzjonali fi żmien stipulat.

L-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti l-awtorità lill-UE li tadotta direttivi fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol. Id-Direttiva Qafas, bl-ambitu ta’ applikazzjoni wiesa’ kollu tagħha kif ukoll direttivi oħrajn li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol huma l-pedamenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Meta jittrasponu d-direttivi tal-UE f’liġi nazzjonali, l-Istati Membri huma ħielsa jadottaw regoli aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti leġiżlattivi fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol jistgħu jvarjaw minn Stat Membru tal-UE għal ieħor.

Direttivi skont is-suġġett

Is-sommarji tad-direttivi huma disponibbli bl-Ingliż biss, iżda l-links li ssib fi tmiem kull sommarju jwasslu għat-test sħiħ tad-direttiva fil-lingwi kollha tal-UE.

Barra mid-Direttiva Qafas, ġiet adottata sensiela ta’ direttivi individwali li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol. Madankollu d-Direttiva Qafas tibqa’ tapplika għas-setturi kollha li huma koperti mid-direttivi individwali. Dawn id-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu meta d-direttivi individwali jkollhom dispożizzjonijiet aktar stretti u speċifiċi. Id-direttivi individwali jfasslu l-prinċipji tad-Direttiva Qafas għal:

  • Kompiti speċifiċi (eż. tqandil manwali ta’ tagħbijiet)
  • Perikli speċifiċi fuq il-post tax-xogħol (eż. esponiment għal sustanzi perikolużi jew għal sustanzi fiżiċi)
  • Setturi u postijiet tax-xogħol speċifiċi (eż. postijiet tax-xogħol temporanji, l-industriji estrattivi, il-bastimenti tas-sajd)
  • Gruppi ta’ ħaddiema speċifiċi (eż. nisa tqal, ħaddiema żgħażagħ, ħaddiema b’kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss)
  • Ċerti aspetti relatati max-xogħol (eż. l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol)

Id-direttivi individwali jiddefinixxu kif għandhom jiġu vvalutati dawn ir-riskji u, f’ċerti każijiet, jistipulaw valuri tal-limitu fuq ċerti sustanzi jew aġenti.

Barra dan, għadd ta’ direttivi tal-UE li huma bbażati fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma relatati ma’ aspetti tas-sigurtà u s-saħħa Fuq dik il-bażi legali, ġiet adottata sensiela ta’ direttivi tekniċi taħt l-hekk imsejjaħ “Approċċ Ġdid” fejn l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni – il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew għall-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) – jistipulaw u jaġġornaw l-istandards Ewropej regolarment.

Il-Proċess Leġiżlattiv Ewropew 

Il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014–2020 jistabbilixxi l-qafas politiku għall-politika Ewropea dwar is-sigurtà u s-saħħa. Il-punt tat-tluq għall-inizjattivi leġiżlattivi fil-livell Ewropew huwa proposta leġiżlattiva abbozzat mill-Kummissjoni Ewropea. Taħt il-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”, huma l-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew li jadottaw direttivi tal-UE. F’xi każijiet, dawn jiddelegaw is-setgħa leġiżlattiva li jadattaw id-direttivi għall-progress tekniku lill-Kummissjoni Ewropea.

Is-Sħab Soċjali Ewropej għandhom rwol vitali fil-proċess Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol, peress li jridu jiġu kkonsultati f’diversi stadji. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet awtonomi. Sa issa, id-djalogu soċjali Ewropew irriżulta fl-adozzjoni ta’ diversi ftehimiet awtonomi.

Sfond storiku tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa

L-ewwel direttivi Ewropej dwar is-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol ġew adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-armonizzazzjoni tas-suq. Dan kien minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza leġiżlattiva espliċita fit-Trattat fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol sa nofs it-tmeninijiet. Qabel dan, is-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali kienu meqjusa bħala anness għall-armonizzazzjoni tas-suq u għall-politiki ekonomiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea. Pereżempju, id-Direttiva 77/576/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar is-sinjali ta’ sikurezza fuq il-post tax-xogħol u d-Direttiva 78/610/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-limiti ta’ esponiment okkupazzjonali għall-monomeri tal-klorur tal-vinil ġew adottati fuq din il-bażi.

L-Att Uniku Ewropew tal-1987 kien pass ewlieni ’l quddiem għaliex introduċa dispożizzjoni legali ġdida dwar il-politika soċjali għat-Trattat bl-għan ta’ “titjib, b’mod speċjali fl-ambjent tax-xogħol, fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”. Bid-dħul ta’ din id-dispożizzjoni fit-Trattat, l-importanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri saret evidenti. Barra minn hekk, il-Kapitolu Soċjali ġdid awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi d-djalogu soċjali bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell Ewropew.

Bit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997, il-kompetenza leġiżlattiva fil-qasam tal-politiki soċjali Ewropej issaħħet iżjed bl-inkorporazzjoni tal-ftehim soċjali fit-Trattat. It-Trattat ta’ Lisbona — minbarra r-rinumerazzjoni tal-Artikoli dwar il-politika soċjali — żamm is-sustanza tad-dispożizzjonijiet tal-ex Artikoli 136 ff TUE (issa l-Artikoli 151 ff tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).