Kanċer relatat max-xogħol

Waħda mill-akbar problemi tas-saħħa li jiffaċċjaw il-postijiet tax-xogħol madwar l-Ewropa u tabilħaqq madwar id-dinja, hija l-kanċer relatat max-xogħol. Fl-2015, dan ammonta għal madwar 53 % tal-imwiet kollha relatati max-xogħol fl-UE u f’pajjiżi żviluppati oħrajn. Skont il-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni, fl-2016, kull sena jkun hemm madwar 120 000 każ ta’ kanċer relatat max-xogħol bħala riżultat tal-esponiment għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol fl-UE, li jwassal għal madwar 80 000 mewta fis-sena.

Madankollu, ir-radjazzjoni, l-istress u fatturi oħra relatati mal-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ilkoll kemm huma ġew konnessi ma’ kanċer relatat max-xogħol. Barra minn hekk, l-evidenza li titfaċċa tissuġġerixxi li l-esponiment okkupazzjonali għal interferenti endokrinali (pereżempju xi pestiċidji) jew nanomaterjali jista’ jikkawża l-kanċer.

Din l-istatistika allarmanti wasslet għal azzjoni. Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tipproteġi l-ħaddiema minn kanċer relatat max-xogħol permezz ta’ inizjattiva dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Dan se jinkiseb parzjalment billi tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni sabiex tistabbilixxi limiti ta’ esponiment għal kimiki komuni li jikkawżaw il-kanċer fil-postijiet tax-xogħol Ewropej.

Ara l-proġett tagħna: L-istħarriġ dwar l-esponiment tal-ħaddiema dwar il-fatturi tar-riskju tal-kanċer fl-Ewropa