Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar is-sorsi u d-definizzjonijiet tat-termini fil-glossarju tar-riskji psikosoċjali, jekk jogħġbok, ara dan il-fajl

A

Awtonomija tal-impjieg

tirreferi għal kemm il-ħaddiema jistgħu jinfluwenzaw kif iwettqu xogħlhom. Din tista’ tkun relatata pereżempju ma’ metodi ta’ ħidma u ppjanar.

Awtostigma

L-awtostigma tirreferi għas-sitwazzjoni fejn individwu stigmatizzat ikun internalizza l-attitudnijiet u l-attribuzzjonijiet negattivi bħala parti mill-identità tiegħu.

B

Bullying (jew fastidju)

Normalment imwettaq minn individwi fi ħdan l-organizzazzjoni, il-fastidju huwa proċess eskalatorju li jinvolvi tentattivi ripetuti ta’ theddid, intimidazzjoni, li ma jagħmlux ġieħ, jew umiljazzjoni ta’ kollega wieħed jew aktar. L-awtur fuq il-post tax-xogħol jista’ jkun superviżur, kollega, subordinat, klijent, u jista’ jkun kwalunkwe persuna li magħha jiġi f’kuntatt ħaddiem minħabba xogħlu.

Burnout (Eżawriment)

Sindromu li jirriżulta minn stress kroniku relatat max-xogħol, b’sintomi kkaratterizzati minn tliet elementi: sentimenti ta’ tnaqqis ta’ enerġija jew ta’ eżawriment; żieda fid-distanza mentali mill-impjieg, jew sentimenti ta’ negattiviżmu jew ċiniżmu relatati mal-impjieg ta’ dak li jkun; u tnaqqis fl-effikaċja professjonali.

D

Dipressjoni

hija disturb mentali komuni. Tinvolvi burdata dipressa jew telf ta’ pjaċir jew telf ta’ interess f’attivitajiet għal perjodi twal ta’ żmien. Id-dipressjoni hija differenti mill-bidliet regolari fil-burdata u s-sentimenti dwar il-ħajja ta’ kuljum. (Id-dipressjoni hija magħrufa wkoll bħala “disturb dipressiv”).

Diversità fuq il-post tax-xogħol

Id-diversità tirreferi għall-preżenza ta’ differenzi f’ambjent partikolari. Fuq il-post tax-xogħol, dan jista’ jfisser varjetà ta’ karatteristiċi personali, inklużi r-razza, l-etniċità, il-ġeneru, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, l-istatus ta’ diżabilità, l-isfond soċjoekonomiku, u l-livell ta’ edukazzjoni. Post tax-xogħol divers huwa marbut mill-qrib mal-inklużjoni. Filwaqt li d-“diversità” hija dwar min, l-“inklużjoni” hija dwar kif, ara wkoll > Postijiet tax-xogħol inklużivi.

E

Evalwazzjoni tar-riskji psikosoċjali

L-identifikazzjoni sistematika ta’ perikli psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u l-evalwazzjoni tal-potenzjal tagħhom li jikkawżaw korriment jew ħsara, li jirriżultaw f’deċiżjonijiet dwar jekk jistgħux jiġu eliminati u, jekk le, liema miżuri preventivi jew protettivi huma fis-seħħ u għandhom ikunu fis-seħħ biex jikkontrollaw ir-riskju.

F

Fastidju (jew bullying)

Normalment imwettaq minn individwi fi ħdan l-organizzazzjoni, il-fastidju huwa proċess eskalatorju li jinvolvi tentattivi ripetuti ta’ theddid, intimidazzjoni, li ma jagħmlux ġieħ, jew umiljazzjoni ta’ kollega wieħed jew aktar. L-awtur fuq il-post tax-xogħol jista’ jkun superviżur, kollega, subordinat, klijent, u jista’ jkun kwalunkwe persuna li magħha jiġi f’kuntatt ħaddiem minħabba xogħlu.

Fastidju morali (Mobbing)

Normalment imwettaq minn individwi fi ħdan l-organizzazzjoni, il-fastidju morali huwa proċess eskalatorju li jinvolvi tentattivi ripetuti minn grupp ta’ ħaddiema biex jheddu, jintimidaw, ixejnu, jew jumiljaw kollega wieħed jew aktar. Il-fastidju morali fuq il-post tax-xogħol jista’ jinbeda mis-superviżuri, mill-kollega, mis-subordinati jew mill-klijenti, jiġifieri minn kwalunkwe persuna li magħha ħaddiem jiġi f’kuntatt minħabba xogħlu. Filwaqt li l-EU-OSHA tiddefinixxi “mobbing” fis-sens tal-oriġini Ingliża bħala li ġej minn grupp ta’ aggressuri (ġejjin minn folla), f’ħafna pajjiżi Ewropej “mobbing” jintuża bħala ekwivalenti għal fastidju/bullying.

Fastidju sesswali (fuq il-post tax-xogħol)

Kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali li sseħħ bl-iskop jew bl-effett li tkisser id-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

Fatturi psikosoċjali

Elementi tat-tfassil u l-immaniġġjar tax-xogħol u l-kuntesti soċjali u organizzazzjonali tiegħu, pereżempju d-domandi emozzjonali, l-ammont ta’ xogħol, l-appoġġ soċjali.

I

Id-disturbi mentali

huma kkaratterizzati minn disturb klinikament sinifikanti fil-konjizzjoni, fir-regolamentazzjoni emozzjonali, jew fl-imġieba ta’ individwu. Dawn normalment ikunu assoċjati ma’ diffikultà jew ma’ insuffiċjenza f’oqsma ta’ funzjonament importanti.

Il-prestazzjoni tax-xogħol

tindika kemm ħaddiem individwali jirnexxilu fit-twettiq tax-xogħol ta’ kuljum b’mod li jgħin lill-organizzazzjoni tilħaq l-għanijiet tagħha.

K

Kontroll tar-riskji psikosoċjali

Proċess ta’ trattament proattiv tal-perikli psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol, li jibda mit-tħejjija u mill-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni tar-riskji psikosoċjali, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-miżuri rispettivi u r-rieżami tal-miżuri għall-iżgurar ta’ adattament u titjib kontinwi tal-interventi.

Kultura organizzazzjonali

Sett ta’ valuri, twemmin, tifsira u aspettattivi kondiviżi li jsawru kif in-nies jaħdmu u jinteraġixxu fi ħdan organizzazzjoni. Din tinfluwenza l-komunikazzjoni, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ambjent tax-xogħol ġenerali

M

Miżuri individwali

F’termini ta’ prevenzjoni ta’ riskji psikosoċjali, il-miżuri individwali jirreferu għal miżuri li jindirizzaw u jappoġġjaw lill-individwu b’kuntrast mal-aspetti organizzazzjonali jew tekniċi li qed jinbidlu. Miżuri individwali jistgħu jirreferu għal taħriġ dwar kif għandhom jiġu ttrattati klijenti diffiċli, korsijiet ta' konoxxenza, taħriġ, aċċess għal pariri kunfidenzjali, eċċ.

Miżuri organizzazzjonali

Fil-kuntest tal-OHS, il-miżuri organizzazzjonali jirreferu għall-bidla fl-aspetti organizzazzjonali, fil-proċessi tax-xogħol u fit-tfassil tal-impjiegi biex tiġi minimizzata l-ħsara potenzjali għall-ħaddiema. F’termini ta’ riskji psikosoċjali, miżuri organizzazzjonali possibbli huma l-kjarifika tar-responsabbiltajiet u l-kompiti, struzzjonijiet ċari, skedi tax-xogħol flessibbli, rotazzjoni tax-xogħol, titjib tal-arranġamenti ta’ sostituzzjoni, it-tiswir tal-kultura organizzazzjonali, eċċ.

N

Newrodiversità

Newrodiversità tirreferi għall-idea li l-bnedmin kollha għandhom profili konjittivi, kapaċitajiet newroloġiċi u punti pożittivi u sfidi diversi, li għandhom jiġu rikonoxxuti u rispettati.

P

Perikli psikosoċjali

Aspetti negattivi tal-fatturi psikosoċjali li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa tal-ħaddiema u eżiti organizzazzjonali oħra, pereżempju awtonomija baxxa jew appoġġ soċjali batut.

Post tax-xogħol psikoloġikament f’saħħtu u sikur

Post tax-xogħol li jippromwovi l-benesseri psikosoċjali tal-ħaddiema u jaħdem b’mod attiv biex jipprevjeni ħsara lis-saħħa psikoloġika u fiżika tal-ħaddiema inkluż b’modi negliġenti, imprudenti, jew intenzjonali.

Postijiet tax-xogħol inklużivi

Post tax-xogħol inklużiv huwa wieħed li jiżgura li kull ħaddiem iħossu apprezzat u rikonoxxut għall-kontribuzzjonijiet uniċi tiegħu, filwaqt li jirrispetta wkoll id-differenzi u d-diversità tal-ħaddiema. Il-postijiet tax-xogħol inklużivi huma bbażati fuq miżuri proattivi biex jeliminaw il-preġudizzju, id-diskriminazzjoni, u l-opportunitajiet mhux ugwali u jadattaw għall-kapaċità ta’ kull ħaddiem.

Preżenteiżmu

Tirreferi għal meta xi ħadd imur għax-xogħol minkejja li jkun marid jew imweġġa’, filwaqt li l-kundizzjoni tiegħu ma tħallihx iwettaq prestazzjoni effettiva u/jew sikura.

Programmi ta’ ritorn għax-xogħol

Programmi li huma mfassla biex itejbu l-kapaċità tal-ħaddiema li jirritornaw għax-xogħol u jibqgħu fl-impjieg wara perjodu ta’ assenza minħabba mard, li jinvolvu kombinazzjoni ta’ kura medika, riabilitazzjoni, u interventi u appoġġ iffukati fuq ix-xogħol.

Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

Il-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (WHP, Workplace Health Promotion) hija l-isforzi kkombinati tal-prinċipal, tal-ħaddiema u tas-soċjetà biex itejbu s-saħħa u l-benesseri tal-persuni fuq il-post tax-xogħol.
Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ kombinazzjoni ta’:

  • titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ambjent tax-xogħol
  • promozzjoni ta’ parteċipazzjoni attiva, u
  • inkoraġġiment tal-iżvilupp personali.

Promozzjoni tas-saħħa mentali

Għandha l-għan li tippromwovi s-saħħa mentali pożittiva billi żżid il-benesseri psikoloġiku, il-kompetenza u r-reżiljenza, u billi toħloq kundizzjonijiet u ambjenti ta’ għajxien ta’ appoġġ. Il-promozzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol tinkludi inizjattivi pprovduti mill-prinċipal biex tittejjeb is-saħħa mentali tal-ħaddiema.

R

Riskji psikosoċjali

Il-potenzjal ta’ perikli psikosoċjali li jikkawżaw ħsara psikoloġika, soċjali jew fiżika. Meta nirreferu għal riskji psikosoċjali, għalhekk niffokaw fuq kif il-perikli psikosoċjali jistgħu jissarrfu f'impatti attwali fuq is-saħħa tal-ħaddiema u r-riżultati organizzazzjonali.

S

Saħħa mentali

Stat ta’ benesseri li fih l-individwu jwettaq il-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha stess, jista’ jlaħħaq mal-istress normali tal-ħajja, jista’ jaħdem b’mod produttiv u li jħalli l-frott, u jista’ jikkontribwixxi għall-komunità tiegħu jew tagħha

Stigma tas-saħħa mentali

L-istigma tas-saħħa mentali hija meta n-nies jiġu ġġudikati, esklużi jew ittrattati b’mod inġust minħabba li jkunu qed jesperjenzaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Din l-istigma spiss ikollha l-għeruq tagħha f’nuqqas ta’ fehim, biża’ jew sterjotipi, u tista’ twassal għal sentimenti ta’ mistħija u diskriminazzjoni.

Stress relatat max-xogħol

L-istress relatat max-xogħol jista’ jiġi definit bħala mudell ta’ reazzjonijiet emozzjonali, konjittivi, ta’ mġiba u fiżjoloġiċi għal aspetti avversi u noċivi tal-kontenut tax-xogħol, tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ambjent tax-xogħol. Huwa stat ikkaratterizzat minn livelli għoljin ta’ tqanqil u ta’ dwejjaq u ħafna drabi minn sentimenti li persuna tħossha li mhux qed tlaħħaq.

Suwiċidju relatat max-xogħol

huwa suwiċidju li jew ġie kkawżat mix-xogħol jew li x-xogħol ikkontribwixxa għalih.

V

Vjolenza minn partijiet terzi

Il-vjolenza minn partijiet terzi tinvolvi atti ta’ aggressjoni fiżika jew psikoloġika/verbali mwettqa minn individwi minn barra l-kumpanija, mhux mill-kollegi.