Il-prevenzjoni tal-frodi

Għal dan l-għan, l-Aġenzija adottat strateġija komprensiva kontra l-frodi li tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tad-diversi partijiet interessati.

Din hija f’konformità mar-Regolament finanzjarju tal-Aġenzija (l-Artikolu 30 u 111) u mar-rekwiżiti mill-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu tal-approċċ komuni dwar il-futur tal-Aġenziji tal-UE mill-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali.

Links utli

Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitt ta’ interessi

Bl-istess mod, l-EU-OSHA hi impenjata biex tiżgura l-integrità tad-deċiżjonijiet u l-informazzjoni maħruġa mill-Aġenzija u biex trawwem responsabbiltà b’rabta’ max-xogħol u l-attivitajiet tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet, il-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitt ta’ interess għandhom rwol importanti.

Meta jinħatru u kull 4 snin, il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ interessi u ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi f’konformità mal-politika tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi. L-informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw għall-esperti esterni.

Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata t-trasparenza, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi tad-Direttur Eżekuttiv u tal-membri tal-persunal f’karigi għoljin huma disponibbli wkoll għall-pubbliku.

Links utli

Il-politika tal-Aġenzija dwar il-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess

L-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess tal-Bord ta’ Tmexxija, tal-Bord Eżekuttiv u tal-Gruppi Konsultattivi

L-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi tad-Direttur Eżekuttiv u tal-membri tal-persunal f’karigi għoljin

Good Practices for the Management Board members at EU-OSHA

L-EU-OSHA għandha punt fokali nazzjonali f’kull Stat Membru, li d-dettalji tiegħu jistgħu jiġu aċċessati liberament.

Nominati minn kull gvern bħala r-rappreżentant uffiċjali tal-EU-OSHA f’dak il-pajjiż, il-punti fokali huma tipikament l-awtorità nazzjonali kompetenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u huma l-kontributuri primarji għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tal-EU-OSHA.

X'inhi l-bażi legali għall-punti fokali nazzjonali?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jirrikjedi l-istabbiliment ta’ punt fokali nazzjonali li jkun l-awtorità nazzjonali kompetenti jew istituzzjoni nazzjonali indikata minnhom.

Il-punt fokali nazzjonali huwa obbligat li jqis l-opinjoni tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika.

Kif joperaw il-punti fokali nazzjonali?

Kull punt fokali jimmaniġġja n-netwerk tripartitiku tiegħu magħmul minn korpi tal-gvern u rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi. In-netwerk nazzjonali jirrifletti s-sitwazzjoni fl-Istat Membru u mhux stabbilit mill-EU-OSHA.

Dan in-netwerk jipprovdi kontribut għax-xogħol tal-EU-OSHA u l-mekkaniżmu li jxerred il-prodotti u l-informazzjoni lill-partijiet interessati nazzjonali. Barra minn hekk, il-punti fokali huma attivi fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-kampanji tal-EU-OSHA kif ukoll fin-nomina ta’ esperti nazzjonali għall-gruppi u s-seminars tal-Aġenzija.

U dwar l-Istati li mhumiex Membri?

In-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein, bħala pajjiżi taż-ŻEE, għandhom ukoll punti fokali nazzjonali li jipparteċipaw bis-sħiħ fin-netwerk tal-punti fokali tal-EU-OSHA, u huma trattati bl-istess mod bħall-Istati Membri. L-Iżvizzera, bħala pajjiż tal-EFTA, tipparteċipa wkoll fin-netwerk tal-punti fokali tal-EU-OSHA.

L-EU-OSHA għandha wkoll punti fokali nazzjonali mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u mit-Turkija permezz ta’ programm iffinanzjat mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). Attwalment qed jipparteċipaw il-pajjiżi li ġejjin: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo (skont UNSCR 1244/99), il-Montenegro, is-Serbja, u t-Turkija.

L-iskop ta’ din il-kooperazzjoni huwa li dawn il-pajjiżi jitħejjew għall-parteċipazzjoni sħiħa futura fin-netwerk tal-EU-OSHA u biex isir kontribut għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju. L-attivitajiet appoġġati huma fil-biċċa l-kbira relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni u li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet tal-OSH f’konformità mal-Kampanji għal Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ‘l Quddiem is-Saħħa.

L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ħolqot Sett ta’ għodod għall-Kampanja tal-OSH, websajt iddedikata biex tipprovdi gwida pass pass għall-ippjanar u l-organizzazzjoni ta’ kampanji promozzjonali tal-OSH effikaċi, irrispettivament mid-daqs tal-organizzazzjoni tiegħek.

Hija faċli biex tużaha u tipprovdi l-pariri kollha meħtieġa biex tibda kampanja.

Kif nużaha?

Is-sett ta’ għodod għandu jgħin fl-ippjanar ta’ kampanja u fid-deċiżjoni dwar:

  • il-Messaġġi tagħha
  • L-udjenza fil-mira tagħha
  • Id-distribuzzjoni ġeografika tagħha
  • Il-baġit allokat lilha, u aktar

Iżda mhuwiex sett ta’ regoli stretti li jridu jiġu segwiti. Minflok, is-sett ta’ għodod jagħti għażla ta’ rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu adattati għal kull organizzazzjoni u għaċ-ċirkostanzi individwali tagħha.

Għodod u eżempji

Is-sett ta’ għodod jissuġġerixxi riżorsi li għandhom jgħinu biex il-kampanja tkun suċċess, inkluż għodod għal:

  • Komunikazzjoni mal-midja
  • Reklamar
  • Avvenimenti

Joffri għajnuniet u suġġerimenti prattiċi u jipprovdi eżempji mid-dinja reali tal-użu tagħhom.

Eluf ta' negozji u organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa huma mitluba jwieġbu kwestjonarju li jiffoka fuq:
  • Ir-riskji tas-sigurtà u tas-saħħa ġenerali fuq il-post tax-xogħol u kif inhuma ġestiti
  • Riskji Psikosoċjali, bħal stress, bullying u fastidju
  • Motivaturi u ostakli għall-ġestjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
  • Parteċipazzjoni tal-ħaddiem fil-prattiki tas-saħħa u s-sigurtà.

Ir-riżultati li ħarġu minn dawn l-intervisti huma kkumplimentati b'analiżi sekondarja li tinvolvi serje ta' studji fil-fond li jiffokaw fuq suġġetti speċifiċi. F'dawn l-istudji huma applikati metodoloġiji tar-riċerka kwantitattivi u kwalitattivi biex jgħinu fil-fehim aħjar tas-sejbiet ewlenin li ħarġu mill-istħarriġ.

ESENER 2024

ESENER 2019

ESENER 2014

ESENER 2009

Billi jkunu ġodda għall-post tax-xogħol, iż-żgħazagħ jista’ jkollhom nuqqas ta’ esperjenza u spiss ikollhom nuqqas ta’ maturità kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. Jistgħu ma jagħtux attenzjoni biżżejjed lir-riskji li jiffaċċjaw. Fatturi oħra li jqiegħdu liż-żgħażagħ f’riskju akbar jinkludu:

  • Ħiliet u taħriġ insuffiċjenti
  • Ma jkunux konxji mid-drittijiet tagħhom u mid-dmirijiet tal-impjegatur tagħhom
  • Ma jkollhomx il-kunfidenza biex jitkellmu jekk tinqala’ problema
  • Impjegaturi li ma jirrikonoxxux il-protezzjoni addizzjonali li jeħtieġu ż-żgħażagħ

L-EU-OSHA tipproduċi statistika, timmonitorja r-riskji għaż-żgħażagħ u tappoġġja l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba biex tipproteġihom fuq il-post tax-xogħol.

Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-impjegaturi

Hija r-responsabbiltà tal-impjegatur li jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-ħaddiema żgħażagħ. Għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskji qabel ma jibdew jaħdmu ż-żgħażagħ u jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jipproteġuhom.

Il-ħaddiema ż-żgħażagħ għandhom jingħataw xogħol adattat u jiġu pprovduti b’taħriġ adegwat u superviżjoni. L-impjegaturi għandhom jippromwovu kultura b’saħħitha ta’ sigurtà u jinvolvu lill-ħaddiema żgħażagħ fi kwistjonijiet ta’ sigurtà. Regoli speċjali japplikaw fir-rigward ta’ ħaddiema żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena.

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tistabbilixxi l-obbligi legali għall-impjegaturi. Dawn l-obbligi huma stabbiliti fir-regolamenti ta’ kull Stat Membru. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.

Aqra l-folja tal-fatti għall-impjegaturi.

Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema żgħażagħ

Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jistaqsu, jesprimu t-tħassib tagħhom u jirrifjutaw li jagħmlu xogħol li mhux sigur.

Fl-istess ħin, għandhom responsabbiltajiet li jsegwu l-politiki tal-OSH u jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom stess u tal-kollegi tagħhom.

Jekk inti ħaddiem żagħżugħ u għandek problema, l-iżjed ħaġa importanti hija li tgħid lil xi ħadd. Tkellem mal-imgħallem tiegħek jekk tista’. Jekk ma tistax, tkellem mar-rappreżentant tas-sigurtà, mal-persunal tas-saħħa okkupazzjonali jew ma’ ġenitur, kustodju jew kollega li tafda. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.

  • Staqsi jekk m’intix ċert dwar xi ħaġa
  • Kun af id-drittijiet tiegħek u minn fejn tikseb l-għajnuna
  • Ifhem ir-riskji u x’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza
  • Twettaqx kompiti mingħajr taħriġ — u segwi l-proċeduri

Aqra l-folja tal-fatti għall-ħaddiema żgħażagħ.

Għajnuna għall-edukaturi u għall-ġenituri

L-edukaturi għandhom rwol importanti. Jekk jistgħu jiżviluppaw attitudni tajba għal u l-fehim tal-prevenzjoni tar-riskji fiż-żgħażagħ minn età bikrija, ikunu qed jgħinuhom jibqgħu siguri tul ħajjithom.

Bl-użu tal-karattru popolari ħafna ta’ Napo , l-EU-OSHA ħolqot serje ta’ settijiet ta’ għodod għall-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali għall-għalliema, bl-għan li tintroduċu s-suġġetti tas-saħħa u s-sigurtà lit-tfal tal-iskola primarja b’mod edukattiv, iżda ta’ gost u immaġinattiv bl-użu ta’ vidjows ta’ Napo u attivitajiet kreattivi.

L-edukaturi involuti fl-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali jew esperjenza ta’ xogħol għandhom jikkontrollaw l-arranġamenti tas-saħħa u s-sigurtà mal-impjegaturi tagħhom.

Sir af aktar dwar l-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fl-edukazzjoni.

Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw liż-żgħażagħ billi jiżguraw li dawn jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-ġenituri jistgħu jgħinu wkoll billi jitkellmu magħhom dwar ix-xogħol u l-kulleġġ u s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Aqra l-folja tal-fatti għall-ġenituri.

Dawn id-differenzi jistgħu jaffettwaw il-perikli li jiffaċċjaw l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol u kif jiġu vvalutati u kkontrollati. Din hija r-raġuni għaliex l-EU-OSHA tirriċerka u tqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tal-OSH li jiffaċċjaw in-nisa fuq il-post tax-xogħol.

Differenzi li jistgħu jaffettwaw l-OSH

Jeżistu differenzi li jaffettwaw ir-riskji li jiffaċċjaw l-irġiel u n-nisa. In-nisa:

  • Jaħdmu f’setturi speċifiċi u f’tipi ta’ xogħol speċifiċi
  • Jibbilanċjaw responsabbiltajiet doppji fuq il-post tax-xogħol u fid-dar
  • Mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli ta’ superviżuri u maniġment
  • Huma fiżikament differenti mill-irġiel, għalkemm spiss ikun hemm iżjed varjazzjoni bejn in-nisa milli bejn l-irġiel u n-nisa, pereżempju, fir-rigward ta’ saħħa fiżika.
  • Iwettqu kompiti li spiss huma preżunti b’mod ħażin li huma siguri u faċli

Dawn id-differenzi spiss ma jiġux rikonoxxuti fil-prattika tas-saħħa u s-sigurtà. Barra minn hekk, l-ammont tax-xogħol u r-riskji relatati mal-istress għan-nisa fuq il-post tax-xogħol huma spiss sottovalutati. L-EU-OSHA għandha l-għan li tenfasizza dawn id-differenzi u tgħin biex ittejjeb l-OSH ’'oqsma li jaffettwaw l-iżjed lin-nisa.

X’jistgħu jagħmlu l-impjegaturi

Approċċ sensittiv għall-ġeneru fir-rigward tal-OSH ifisser li jiġu rikonoxxuti u meqjusa d-differenzi bejn il-ħaddiema rġiel u nisa.

L-impjegaturi jistgħu:

  • Jimmiraw biex jagħmlu x-xogħol iżjed sigur u faċli għal kulħadd
  • Jinkludu kwistjonijiet tal-ġeneru fil-valutazzjoni tar-riskji
  • Iħarsu lejn ix-xogħol reali li jkun sar u jevitaw preżunzjonijiet dwar min jinsab fir-riskju u għaliex
  • Joffru flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol
  • Jinvolvu lin-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-OSH

Dan l-approċċ huwa ta’ benefiċċju għall-impjegati kollha, mhux biss in-nisa.

Aqra l-folji tal-fatti tal-EU-OSHA għall-impjegaturi dwar kwistjonijiet tal-ġeneru u l-valutazzjoni tar-riskji.

Ir-rwol tal-EU-OSHA

L-għan ewlieni huwa l-għajnuna biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru jitqiesu meta jitfasslu politiki u jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol u fil-livell tal-UE. L-EU-OSHA tirriċerka b’mod attiv ir-riskji u x-xejriet relatati mal-ġeneru. Dan jinkludi riċerka ffukata fuq setturi fejn jaħdmu n-nisa, bħat-tindif, u fuq riskji li jiffaċċjaw b’mod partikolari n-nisa. Aħna nintegraw ukoll il-ġeneru f’oqsma oħra ta’ riċerka.

Nipprovdu għodda u pariri biex ngħinu lill-impjegaturi jidentifikaw u jimplimentaw valutazzjoni tar-riskji sensittiva għall-ġeneru.

Ara wkoll ir-riċerka tal-EU-OSHA dwar riskji u xejriet ġodda fis-saħħa u s-sigurtà tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u skopri gwidi ta’ prattika tajba u għodda għall-valutazzjonijiet tar-riskji.

L-MSDs relatati max-xogħol jaffettwaw id-dahar, l-għonq, l-ispallejn u d-dirgħajn kif ukoll ir-riġlejn. Dawn ikopru kull ħsara jew disturb tal-ġogi jew ta’ tessuti oħra. Il-problemi tas-saħħa jvarjaw minn uġigħ minuri sa kundizzjonijiet mediċi aktar serji li jkunu jeħtieġu jiem liberi mix-xogħol jew trattament mediku. F’każijiet aktar kroniċi, jistgħu anke jwasslu għal diżabilità u l-ħtieġa tat-telf tal-impjieg.

Kawżi tal-MSDs

Il-biċċa l-kbira tal-MSDs relatati max-xogħol jiżviluppaw matul iż-żmien. Normalment ma jkunx hemm kawża waħda ta’ MSDs; diversi fatturi tar-riskju ta’ spiss ikunu kkombinati, inklużi fatturi fiżiċi u bijomekkaniċi, fatturi organizzattivi u psikosoċjali, u fatturi individwali.

Fatturi tar-riskju fiżiċi u bijomekkaniċi jistgħu jinkludu:

  • Tqandil ta’ tagħbijiet, b’mod speċjali meta persuna tintlewa u titgħawweġ
  • Movimenti ripetittivi jew qawwija
  • Qagħdiet skomdi u statiċi
  • Vibrazzjoni, dawl ħażin jew ambjenti tax-xogħol kesħin
  • Xogħol li jsir b’ritmu mgħaġġel
  • Ħinijiet twal bilqiegħda jew bilwieqfa fl-istess pożizzjoni

Fatturi tar-riskju organizzattivi u psikosoċjali jistgħu jinkludu:

  • Domandi kbar ta’ xogħol u awtonomija baxxa
  • Nuqqas ta’ pawżi jew opportunitajiet biex tinbidel il-qagħda
  • Xogħol b’veloċità għolja, inkluż bħala konsegwenza tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda
  • Xogħol għal ħinijiet twal jew bix-xift
  • Bullying, fastidju u diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol
  • Livell baxx ta’ sodisfazzjon tax-xogħol

B’mod ġenerali, il-fatturi psikosoċjali u organizzattivi kollha (b’mod speċjali meta kkombinati ma’ riskji fiżiċi) li jistgħu jwasslu għal stress, għeja, ansjetà jew reazzjonijiet oħrajn, li mbagħad jgħollu r-riskju ta’ MSDs.

Fatturi ta’ riskju individwali jistgħu jinkludu:

  • Storja medika preċedenti
  • Kapaċità fiżika
  • Stil ta’ ħajja u drawwiet (eż. tipjip, nuqqas ta’ eżerċizzju)

Valutazzjoni tar-riskju

Ma teżistix soluzzjoni waħda, u xi drabi jkunu meħtieġa l-pariri ta’ esperti għal problemi serji jew li ma jkunux komuni. Madankollu, ħafna soluzzjonijiet huma ċari u ma jiswewx ħafna flus, pereżempju li jiġi pprovdut karru biex jassisti fl-immaniġġjar tal-oġġetti jew li tinbidel il-pożizzjoni tal-oġġetti fuq skrivanija.

Sabiex jindirizzaw l-MSDs, l-impjegaturi għandhom jużaw kombinazzjoni ta’:

  • Valutazzjoni tar-riskju: jittieħed approċċ olistiku, li jivvaluta u jindirizza l-firxa sħiħa ta’ kawżi (ara hawn fuq). Huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati dawk il-ħaddiema li jistgħu jkunu f’riskju akbar li jbatu mill-MSDs. Il-prijorità hija li jiġu eliminati r-riskji iżda wkoll li x-xogħol jiġi adattat għall-ħaddiema.
  • Parteċipazzjoni tal-ħaddiema: l-inklużjoni tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom fid-diskussjonijiet dwar problemi u soluzzjonijiet possibbli.

Aqra aktar dwar il-prevenzjoni tal-MSDs relatati max-xogħol.

Pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni

Wara li titlesta l-valutazzjoni tar-riskju, għandha ssir lista ta’ miżuri skont il-prijorità, u l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom. L-azzjonijiet għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni primarja, iżda wkoll fuq miżuri li jimminimizzaw il-gravità ta’ kwalunkwe korriment. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jirċievu informazzjoni, edukazzjoni u taħriġ xierqa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u jkunu jafu kif jevitaw perikli u riskji speċifiċi.

Il-miżuri jistgħu jkopru l-oqsma li ġejjin:

  • Tqassim tal-post tax-xogħol: it-tqassim jiġi adattat biex jitjiebu l-qagħdiet tax-xogħol
  • Tagħmir: jiġi żgurat li huwa mfassal b’mod ergonomiku u adattat għall-kompiti
  • Kompiti: jinbidlu l-metodi ta’ xogħol jew l-għodda
  • Maniġment: ix-xogħol jiġi ppjanat biex jevita xogħol ripetittiv jew xogħol fit-tul b’qagħdiet ħżiena. Jiġu ppjanati pawżi ta’ mistireħ, ikun hemm rotazzjoni tal-impjiegi jew ix-xogħol jiġi allokat mill-ġdid
  • Fatturi organizzattivi: tiġi żviluppata politika tal-MSD għat-titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-ambjent psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u l-promozzjoni tas-saħħa muskoloskeletali

L-azzjonijiet ta’ prevenzjoni għandhom iqisu wkoll il-bidliet teknoloġiċi fit-tagħmir u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tax-xogħol u bidliet relatati ta’ modi kif jiġi organizzat ix-xogħol.

Fl-approċċ tal-ġestjoni tal-MSDs jeħtieġ li jitqiesu wkoll il-monitoraġġ tas-saħħa, il-promozzjoni tas-saħħa u r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema li diġà jbatu minn MSDs.

Riċerka dwar l-MSDs relatati max-xogħol

L-EU-OSHA wettqet proġett ġenerali tal-OSH dwar l-MSDs relatati max-xogħol pluriennali. L-għan kien li jiġu investigati l-kwistjonijiet assoċjati mal-MSDs relatati max-xogħol, jitjieb il-fehim tagħna ta’ dan is-suġġett u jiġu identifikati modi effettivi ta’ kif jiġu indirizzati l-MSDs relatati max-xogħol. Il-proġett ħares ukoll lejn il-politiki u l-miżuri fuq il-post tax-xogħol biex tiġi megħjuna l-prevenzjoni tal-MSDs relatati max-xogħol u l-ġestjoni tal-MSDs kroniċi, inkluż l-appoġġ għar-ritorn għax-xogħol u r-rijabilitazzjoni tal-ħaddiema. Il-proġett ġenerali tal-OSH jindirizza l-ħtiġijiet ta’ min ifassal il-politika u r-riċerkaturi u jikkomplementa l-Kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa 2020-2022.

Il-leġiżlazzjoni Ewropea

L-importanza tal-prevenzjoni tal-MSDs diġà hija rikonoxxuta fid-direttivi Ewropej, fl-istrateġiji tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, fir-regolamenti tal-Istati Membri u fil-linji gwida ta’ prattika tajba.

Ir-riskji tal-MSD relatati max-xogħol jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-OSH, li għandha l-għan li tipproteġi l-ħaddiema minn riskji relatati max-xogħol b’mod ġenerali u tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impjegatur biex jiżgura s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Xi riskji relatati mal-MSDs jiġu indirizzati minn direttivi speċifiċi, b’mod partikolari d-Direttiva dwar it-Tqandil Manwali, id-Direttiva dwar l-Apparat ta’ Wiri fuq Skrin u d-Direttiva dwar il-Vibrazzjoni. Id-Direttiva dwar l-Użu tat-Tagħmir tax-Xogħol tindirizza l-pożizzjonijiet adottati mill-ħaddiema meta jużaw tagħmir tax-xogħol u tagħmilha ċara li l-impjegaturi għandhom iqisu l-prinċipji ergonomiċi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-OSH.

L-EU-OSHA timmonitorja l-inċidenza, il-kawżi u l-prevenzjoni tal-MSDs. L-EU-OSHA tappoġġa wkoll il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba.

Is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) ta’ spiss huma ġestiti ħażin f'MSEs, b'ħaddiema f'riskju akbar ta' aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard relatat max-xogħol. Il-kwistjoni hija prijorità fl-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fil-Qafas Strateġiku tal-Kummissjoni Ewropea u fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-proġett b’firxa wiesgħa tal-EU-OSHA "It-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'intrapriżi żgħar u mikro" (‘Improving OSH in micro and small enterprises’) (2014-18) kellu l-għan li jidentifika fatturi ewlenin ta' suċċess, fir-rigward ta’ politiki, strateġiji u soluzzjonijiet prattiċi, biex titjieb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'MSEs fl-Ewropa.

X’tgħidilna r-riċerka dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'MSEs?

L-ewwel fażi tal-proġett żvelat il-firxa tal-isfidi tal-OSH li jiffaċċjaw l-MSE madwar l-Ewropa u xi wħud mill-fatturi li jikkontribwixxu għal ġestjoni ħażina tal-OSH f'dawn l-intrapriżi. Ir-riċensjoni Kuntesti u arranġamenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'intrapriżi żgħar u mikro fl-UE tindika "nuqqas ġenerali u multidimensjonali ta’ riżorsi", li jikkawża proporzjon sostanzjali ta' MSEs biex isegwu strateġiji kummerċjali ta’ 'low road'. Il-karatteristiċi ewlenin ta’ kumpaniji bħal dawn huma pożizzjoni ekonomika dgħajfa; tħassib dwar sopravivenza ekonomika; nuqqas ta’ investiment fl-OSH; għarfien limitat, għarfien u kompetenza min-naħa tas-sidien-ġestjonarji; u attitudnijiet u prijoritajiet li ma jiffavorixxux lill-OSH.

Il-perspettiva tal-post tax-xogħol

L-attitudnijiet u l-prattiki tal-OSH fl-MSEs ġew esplorati permezz ta’ 360 intervista fid-dettall kemm mal-ħaddiema kif ukoll mas-sidien-ġestjonarji. Uħud mill-attitudnijiet osservati ta' spiss inkludew approċċ reattiv qawwi għall-OSH; il-perċezzjoni li "sens komuni" hija miżura suffiċjenti ta’ OSH u t-twemmin li r-riskji huma "parti mill-impjieg". Madankollu, instabu wkoll eżempji ta’ prattiki tajbin.

Aqra r-rapport Saħħa u sigurtà f'intrapriżi żgħar u mikro fl-UE: l-opinjoni mill-post tax-xogħol.

Hemm prattiki tajbin li nistgħu nibnu fuqhom?

Hemm varjetà ta’ eżempji minn madwar l-Ewropa ta' politiki, strateġiji u għodda ta’ OSH li rnexxew li huma mmirati lejn l-OSH f'MSEs. Aktar minn 40 intervent bħal dan huma deskritti fid-dettall f’Saħħa u sigurtà f'intrapriżi mikro u żgħar fl-UE: minn politika għal prattika — deskrizzjoni ta' eżempji tajbin.

L-eżempji tajbin ġew esplorati aktar biex jiddeterminaw "x'jaħdem, għal min u f'liema ċirkostanzi", inkluż il-potenzjal wiesa’ tagħhom għal impatt pożittiv u trasferibbiltà.

Aqra r-rapport Minn politika għall-prattika: politiki, strateġiji, programmi u azzjonijiet li jappoġġjaw l-OSH f'intrapriżi żgħar u mikro, li jesplora wkoll l-esperjenzi tal-intermedjarji tal-OSH li jaħdmu mal-MSEs.

Kif nistgħu niżguraw li l-politiki u l-interventi tal-OSH jaslu għand MSEs?

Is-sejbiet ġenerali tal-proġett ġew analizzati biex jipprovdu rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-iżvilupp ta’ programmi u interventi ta' politika aktar effettivi mmirati biex itejbu l-OSH fl-MSEs. Is-saħħa u s-sigurtà fl-intrapriżi żgħar u mikro fl-UE Ir-rapport finali mill-proġett SESAME ta’ tliet snin jindika l-importanza ta':

  • involviment tal-atturi regolatorji ewlenin kollha;
  • it-tisħiħ ta’ spezzjonijiet regolatorji;
  • l-offerta ta’ soluzzjonijiet sostenibbli, faċilment applikabbli u trasferibbli;
  • l-integrazzjoni aħjar tal-OSH f'sistemi edukattivi speċifiċi għas-settur;
  • l-involviment ta’ trade unions u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fl-iżvilupp ta' politiki li jistgħu jilħqu l-MSEs;
  • arranġamenti aħjar tal-katina tal-forniment.

L-EU-OSHA tgħin lill-MSEs jevalwaw ir-riskji tagħhom fuq il-post tax-xogħol

Valutazzjoni tar-riskju xierqa hija ċ-ċavetta għal postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa. Madankollu, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju jista’ jkun pjuttost ta’ sfida, b’mod partikolari għal MSEs, li jista’ ma jkollhomx biżżejjed riżorsi jew għarfien biex jagħmlu dan b’mod effettiv.

Il-pjattaforma ta’ Evalwazzjoni tar-Riskju Interattiv onlajn (OiRA) tal-EU-OSHA għandha l-għan li tegħleb dan. OiRA hija l-ewwel inizjattiva fil-livell tal-UE li għandha l-għan li tħeġġeġ lill-MSE (prinċipalment permezz tal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri) biex jevalwaw ir-riskji tagħhom.

Biex titgħallem aktar dwar il-valutazzjoni tar-riskju fuq ix-xogħol f'MSEs, ara dan l-artikolu OSHwiki relatat.

Aħna nimplimentaw il-viżjoni tagħna billi:

  • Jiġu pprovduti evidenza u għarfien dwar ir-riskji attwali, ġodda u emerġenti rigward l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà u s-saħħa u l-prevenzjoni tagħhom, biex jiġu appoġġati t-tfassil tal-politika u r-riċerka.
  • Jiġi promoss u ffaċilitat l-iżvilupp ta’ għodod u riżorsi li jagħtu s-setgħa lin-networks u lis-sħab tal-Aġenzija biex isir titjib fil-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
  • Jiġu xprunati azzjonijiet biex titqajjem sensibilizzazzjoni u biex jinbena networking sabiex l-Aġenzija u l-partijiet ikkonċernati tagħha jkunu jistgħu jrawmu kultura pożittiva ta’ prevenzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol.

L-attivitajiet ewlenin tagħna

  • Il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa — il-kampanji tagħna ta’ sentejn joħolqu sensibilizzazzjoni dwar suġġetti tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali (OSH) madwar l-Ewropa
  • Il-proġett Interattiv fuq l-Internet tal-Valutazzjoni tar-Riskji (OiRA) — aħna nipprovdu għodod online għall-valutazzjoni tar-riskji għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji fuq il-post tax-xogħol
  • L-istħarriġ ESENER — dan l-istħarriġ estensiv jipprovdi ritratt ta’ kif ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà huma mmaniġġjati fuq il-postijiet tax-xogħol Ewropej
  • OSHwiki  — enċiklopedija online kollaborattiva ta’ informazzjoni preċiża u affidabbli dwar l-OSH
  • Proġetti mbassra — aħna nenfasizzaw u nistudjaw riskji ġodda u emerġenti fl-OSH permezz ta’ proġetti ta’ tbassir iddedikati
  • Ħarsiet ġenerali lejn l-OSH — aħna nipprovdu ħarsiet ġenerali lejn suġġetti speċifiċi tal-OSH u nidentifikaw il-prijoritajiet
  • Films tan-NAPO  — serje ta’ films qosra, divertenti, mhux marbutin ma’ lingwa dwar suġġetti importanti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Fil-fatt, fl-2015, 17 % tal-ħaddiema fl-UE rrappurtaw li kienu esposti għal prodotti jew sustanti kimiċi għal mill-inqas kwart tal-ħin tax-xogħol tagħhom, proporzjon li prattikament ma nbidilx mis-sena 2000 'l hawn, u 15 % irrappurtaw li belgħu dħaħen jew trab fuq il-post tax-xogħol.

Ċerti sustanzi perikolużi ħafna — bħall-asbestos jew il-bifenili poliklorinati (PCBs) — issa huma pprojbiti jew taħt kontroll strett. Madankollu, għadhom jintużaw b'mod wiesa' ċerti sustanzi li jistgħu jkunu perikolużi, u hemm leġiżlazzjoni fis-seħħ biex tiżgura li r-riskji assoċjati magħhom jiġu ġestiti kif xieraq.

Ir-riskji għas-saħħa

Il-problemi tas-saħħa li jistgħu jiġu kkawżati meta wieħed jaħdem b'sustanzi perikolużi jvarjaw minn irritazzjoni ħafifa tal-għajnejn u tal-ġilda sa effetti serji, bħal difetti fit-twelid u kanċer. L-effetti jistgħu jkunu akuti jew fit-tul, u ċerti sustanzi jistgħu jkollhom effett kumulattiv. Uħud mill-perikli l-aktar komuni huma:

Ċerti sustanzi perikolużi joħolqu riskji għas-sigurtà, bħar-riskju ta’ nar, splużjoni jew soffokazzjoni. Barra minn hekk, normalment sustanzi perikolużi jkollhom diversi minn dawn il-karatteristiċi.

Aġenti bijoloġiċi

Batterji, virusijiet, fungi u parassiti jinstabu f'ħafna setturi. Normalment ma jkunux jidhru u għalhekk ir-riskju li jippreżentaw jista' ma jiġix ikkunsidrat.

Il-ħaddiema f'ċerti setturi huma f'periklu partikolari li jiġu esposti għal aġenti bijoloġiċi perikolużi: il-kura tas-saħħa, l-agrikoltura, is-servizzi veterinarji, it-tindif u l-manutenzjoni, id-drenaġġ u l-ġestjoni tal-iskart, il-ġardinaġġ u x-xogħol fil-laboratorju.

Sir af aktar:

Riskji emerġenti

It-teknoloġiji ġodda, is-setturi li jespandu u l-bidliet fil-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol jistgħu jirriżultaw f'riskju akbar ta' periklu minn aġenti bijoloġiċi jew kimiċi. Fis-settur tal-ambjent, pereżempju, it-teknoloġiji innovattivi jistgħu jinvolvu riskji li ftit huma mifhuma. Biex nagħtu eżempju ieħor, kulma jmur aktar ħaddiema qed ikunu esposti għal sustanzi perikolużi fi professjonijiet ta' servizzi bħall-kura fid-dar u l-immaniġġjar tal-iskart, fejn l-esponiment huwa varjat iżda l-għarfien dwar il-perikli involuti huwa limitat. Huwa essenzjali aktar minn qatt qabel li min iħaddem u l-ħaddiema jifhmu r-riskji potenzjali u jieħdu azzjoni preventiva.

Sir af aktar dwar ir-riskji emerġenti, l-impjiegi ekoloġiċi u n-nanomaterjali.

Aktar informazzjoni dwar ir-riskji emerġenti:

Miżuri preventivi u ġestjoni ta' sustanzi perikolużi

Biex il-ħaddiema jiġu protetti minn sustanzi perikolużi, l-ewwel pass huwa li ssir valutazzjoni tar-riskju. Imbagħad, għandhom jittieħdu azzjonijiet biex kemm jista' jkun jitneħħew jew jitnaqqsu r-riskji. U, finalment, is-sitwazzjoni għandha tkun immonitorjata b'mod regolari u tiġi riveduta l-effettività tal-passi meħuda.

L-Istati Membri u l-EU-OSHA żviluppaw għadd ta' mudelli sabiex jgħinu lill-impriżi żgħar u medji jwettqu valutazzjoni tar-riskju. L-Għodda elettroniku dwar is-Sustanzi Perikolużi tipprovdi lill-impjegaturi bl-appoġġ u b'pariri li għandhom bżonn biex jimmaniġġjaw b’mod effettiv is-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol. Bażi tad-data ta' għodod prattiċi u gwida tinkludi miżuri prattiċi għall-postijiet tax-xogħol, bħal gwida dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji u dwar kif jiġi sostitwit jew eliminat l-użu ta' sustanzi perikolużi, studji tal-każ u varjetà ta' strumenti.

Aqra aktar fil-paġna tal-OSHwiki dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju għas-sustanzi perikolużi. 

L-impjegaturi għandhom iqisu wkoll kwalunkwe grupp vulnerabbli, bħall-ħaddiema żgħażagħ, tqal jew li qed ireddgħu, li għalihom hija meħtieġa protezzjoni speċjali bil-liġi. Gruppi ta' ħaddiema oħrajn, bħal ħaddiema migranti, persunal mhux imħarreġ jew bla esperjenza, u kuntratturi, bħal persunal tat-tindif, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati u li titfassal prevenzjoni għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-ġerarkija tal-prevenzjoni

Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tistabbilixxi ġerarkija ta' miżuri li l-impjegaturi jridu jieħdu sabiex jikkontrollaw ir-riskji minn sustanzi perikolużi għall-ħaddiema.

  • L-eliminazzjoni u s-sostituzzjoni huma fil-quċċata tal-ġerarkija tal-miżuri ta' kontroll. Fejn possibbli, għandu jiġi eliminat l-użu ta' sustanzi perikolużi billi jinbidel il-proċess jew il-prodott li fihom tintuża s-sustanza.
  • Jekk l-eliminazzjoni ma tkunx possibbli, għandha tinstab sustanza mhux perikoluża jew inqas perikoluża minflok dik perikoluża.
  • Jekk sustanza jew proċess ma jistgħux jiġu eliminati jew sostitwiti, l-esponiment jista' jkun evitat jew imnaqqas permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi. Dawn jinkludu, pereżempju, il-kontroll tal-emissjoni mis-sors (sistema magħluqa jew ventilazzjoni tal-egżost), jew it-tnaqqis tan-numru ta' ħaddiema esposti għas-sustanza perikoluża, u t-tul ta' żmien u l-intensità tal-esponiment.
  • Bil-liġi, l-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) huwa l-aħħar rimedju meta l-esponiment ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mod adegwat b'mezzi oħrajn.

Aqra iktar:

Komunikazzjoni tajba

Biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom, il-ħaddiema għandhom jinżammu infurmati dwar:

  • Is-sejbiet tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-impjegatur tagħhom
  • Il-perikli li jkunu esposti għalihom u kif jistgħu jiġu affettwati
  • X’għandhom jagħmlu biex iżommu lilhom infushom u lil ħaddieħor sigur
  • Kif jiċċekkjaw u jindunaw li l-affarijiet mhumiex sew
  • Lil min għandhom jirrappurtaw il-problemi
  • Ir-riżultati ta' kwalunkwe monitoraġġ tal-esponiment jew tas-sorveljanza tas-saħħa
  • Miżuri preventivi li għandhom jittieħdu f'każ ta' xogħol ta' manutenzjoni
  • L-ewwel għajnuna u proċeduri ta' emerġenza

Aqra l-fatt elettroniku tal-EU-OSHA dwar is-sustanzi perikolużi u l-komunikazzjoni ta' suċċess fuq il-post tax-xogħol

Il-limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol

L-UE u l-Istati Membri stabbilixxew Limiti ta' Esponiment Fuq ix-Xogħol (OELs) għal għadd ta' sustanzi perikolużi li għandhom jiġu rrispettati.

Valuri OELs vinkolanti (li jfisser li għandhom jiġu sodisfatti) u indikattivi (bħala indikazzjoni ta’ x’għandu jinkiseb) għal sustanzi perikolużi huma wkoll stabbiliti fid-Direttivi Ewropej dwar l-OSH. L-OELs għal sustanzi perikolużi huma informazzjoni importanti għall-valutazzjoni u għall-immaniġġjar tar-riskji. Ħafna Stati Membri tal-UE jistabbilixxu l-OELs nazzjonali tagħhom stess, li ġeneralment jinkludu aktar sustanzi mid-direttivi tal-UE. Madankollu, l-OELs ġew stabbiliti biss għal għadd limitat tas-sustanzi li attwalment jintużaw fuq il-post tax-xogħol.

Karċinoġeni

Hemm bosta sustanzi perikolużi kklassifikati bħala karċinoġeni li l-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għalihom. Uħud huma ġġenerati mill-proċessi tax-xogħol infushom.

Hemm dispożizzjonijiet speċifiċi fl-UE li jipproteġu lill-ħaddiema. Skont id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, l-impjegaturi jridu jivvalutaw u jevitaw jew jimminimizzaw l-esponiment għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni. Minbarra li japplikaw il-ġerarkija ta' miżuri preventivi:

  • Huma għandhom jissostitwixxu karċinoġenu jew mutaġenu sa fejn ikun teknikament possibbli b'sustanza, taħlita jew proċess li mhumiex perikolużi jew daqstant perikolużi.
  • Fejn dan ma jkunx possibbli, għandhom jiżguraw li dan, sa fejn ikun teknikament possibbli, ikun immanifatturat u użat f'sistema magħluqa.
  • Fejn sistema magħluqa ma tkunx teknikament possibbli, l-impjegaturi għandhom inaqqsu l-esponiment sa fejn ikun teknikament possibbli, billi jillimitaw il-kwantitajiet u jżommu n-numru ta' ħaddiema esposti kemm jista' jkun baxx.

Iridu wkoll:

  • Jiddemarkaw iż-żoni ta' riskju u jużaw sinjali adegwati ta' twissija u ta' sigurtà
  • Ifasslu l-proċessi tax-xogħol b'mod li jimminimizzaw ir-rilaxx tas-sustanza
  • Jevakwaw il-karċinoġeni jew il-mutaġeni mis-sors, iżda jirrispettaw l-ambjent
  • Jużaw proċeduri ta' kejl xierqa (b'mod speċjali għad-detezzjoni bikrija ta' esponiment anormali minn avveniment jew inċident imprevedibbli)
  • Jużaw miżuri ta' protezzjoni individwali jekk il-miżuri ta' protezzjoni kollettivi mhumiex suffiċjenti
  • Jipprovdu miżuri ta' iġjene (tindif regolari)
  • Ifasslu pjanijiet ta' emerġenza
  • Jużaw kontenituri ssiġillati u tikkettati b'mod ċar u viżibbli għall-ħżin, l-immaniġġjar u t-trasport u għar-rimi tal-iskart

Għandhom ukoll rekwiżiti ta' informazzjoni speċifiċi għall-ħaddiema u għall-awtoritajiet u jridu jżommu rekords ta' ħaddiema esposti u tar-riżultati tal-kejl u tas-sorveljanza tas-saħħa.

Artikoli tal-OSHwiki: Asbestos, Silika Kristallina Respirabbli

Żur it-taqsima tal-web dwar il-kanċer relatat max-xogħol

Kun af aktar dwar il-Pjan Direzzjonali dwar il-karċinoġeni

Salvagwardji legali

Kull min huwa involut fl-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi fil-postijiet tax-xogħol jeħtieġ li jkun konxju dwar il-qafas leġiżlattiv li jkopri s-sustanzi perikolużi fl-UE.

Il-leġiżlazzjoni tal-OSH hija mmirata biex tħares lill-ħaddiema minn riskji ta' sigurtà u tas-saħħa inġenerali u minn sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol (eż. id-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi, id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, u d-direttivi dwar il-valuri limiti). Din tirrikjedi li l-impjegaturi jwettqu valutazzjoni tar-riskji kollha tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inklużi r-riskji minn sustanzi perikolużi, u jistabbilixxu miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni xierqa. Sib sommarji tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

L-għan huwa li jiġi żgurat li r-riskji jiġu indirizzati mis-sors u li l-miżuri kollettivi — jiġifieri, il-miżuri li jipproteġu grupp ta’ ħaddiema b’mod sistematiku — jsiru l-ewwel prijorità.

Il-leġiżlazzjoni REACH u r-Regolament CLP jeżiġu li l-manifatturi u l-fornituri ta’ sustanzi kimiċi jiżguraw li jiġu pprovduti tikketti standardizzati dwar is-sigurtà, pittogrammi tal-periklu u skedi ta’ data ta’ sigurtà. Dawn jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sustanzi u l-perikli assoċjati magħhom, kif ukoll gwida dwar il-ħżin, l-immaniġġjar u l-prevenzjoni tar-riskji. Regolamenti u linji gwida oħra jkopru aspetti speċifiċi bħall-manifattura, il-forniment, it-trasport u l-ittikkettar ta’ sustanzi perikolużi, u ħafna drabi dawn huma rilevanti wkoll għall-post tax-xogħol.

Ir-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda l-Istati Membri huma intitolati wkoll li jinkludu dispożizzjonijiet oħrajn jew aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Għaldaqstant huwa importanti li l-impriżi jiċċekkjaw il-leġiżlazzjoni speċifika f'kull pajjiż rilevanti.

Sir af aktar dwar: