You are here

Id-Direttiva Qafas dwar l-OHS

Id-Direttiva Qafas Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (Direttiva 89/391 KEE) adottata fl-1989 kienet punt importanti għat-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Din tiggarantixxi rekwiziti minimi għas-saħħa u s-sikurezza fl-Ewropa kollha filwaqt li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jistabbilixxu miżuri aktar stretti.

Direttiva 89/391 - "Direttiva Qafas" dwar l-OHS
tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol - "Direttiva Qafas".

Fl-1989 ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas ħolqu innovazzjonijiet konsiderevoli, fosthom dawn li ġejjin:

  • It-terminu ‘ambjent tax-xogħol’ ġie stabbilit skont il-Konvenzjoni Nru. 155 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u jiddefinixxi approċċ modern li jqis tas-sikurezza tekninka u l-prevenzjoni ġenerali tal-mard.
  • Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-istess livell ta’ saħħa u sikurezza għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha (l-uniku eċċezzjonijiet huma l-ħaddiema domestiċi u ċerti servizzi militari u pubbliċi).
  • Id-Direttiva tobbliga lil min iħaddem jieħu miżuri ta’ prevenzjoni adegwati sabiex il-post tax-xogħol isir aktar f'saħħtu u sikur.
  • Id-Direttiva tintroduċi l-element ewlieni tal-prinċipju ta’ valutazzjoni tar-riskju u tiddefinixxi l-elementi ewlenin tiegħu (eż. l-identifikazzjoni tal-periklu, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem, l-introduzzjoni ta’ miżuri adegwati li jkollhom il-prijorità li jeliminaw is-sorsi tar-riskji, id-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-perikli fuq il-post tax-xogħol).
  • L-obbligu ġdid li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ prevenzjoni jisħaq b’mod impliċitu fuq l-importanza ta’ forom ġodda ta’ ġestjoni ta’ saħħa u sikurezza bħala parti mill-proċessi ta’ ġestjoni ġenerali.

Id-Direttiva Qafas kellha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali sal-aħħar tal-1992. It-trasposizzjoni fuq is-sistemi legali nazzjonali kellha riperkussjonijiet differenti fl-Istati Membri. F’ċerti Stati Membri d-Direttiva Qafas kellha konsegwenzi legali konsiderevoli minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali inadegwata, filwaqt li f’oħrajn ma kienu jenħtieġu jsiru l-ebda bidliet kbar.

Fl-2004 l-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni (COM [2004] 62) dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ wħud mid-direttivi, jiġifieri 89/391 KEE (direttiva qafas), 89/654 KEE (postijiet tax-xogħol), 89/655 KEE (tagħmir fuq il-post tax-xogħol), 89/656 KEE (tagħmir protettiv personali), 90/269 KEE (tqandil manwali ta’ tagħbija) u 90/270 KEE (tagħmir b'display screen)]. Din il-Komunikazzjoni stqarret li kien hemm evidenza li l-leġiżlazzjoni tal-UE kellha influwenza pożittiva fuq l-istandards nazzjonali tas-saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u li dan deher kemm minn fil-leġiżlazzjoni implimentattiva nazzjonali u kemm fl-applikazzjoni prattika f’intrapriżi u f'istituzzjonijiet tas-settur pubbliku.

B’mod ġenerali, ir-rapport ikkonkluda li l-leġiżlazzjoni tal-UE kienet wasslet għat-trawwim ta’ kultura ta’ prevenzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u għar-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tas-sistemi leġiżlattivi nazzjonali. Madankollu, fl-istess ħin, ir-rapport enfasizza għadd ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li kienu qegħdin iżommu lura l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tagħha. Ir-rapport innota wkoll każi fejn kienu nfetħu proċeduri ta’ ksur.