
Ir-riskji psikosoċjali u l-istress marbut max-xogħol huma fost l-aktar kwistjonijiet ta' sfida fis-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali. Dawn għandhom impatt sinifikanti fuq is-saħħa ta' individwi, organizzazzjonijiet u ekonomiji nazzjonali.
Madwar nofs il-ħaddiema Ewropej iqisu l-istress bħala komuni fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u dan jikkontribwixxi għal madwar nofs il-jiemkollha ta' xogħol mitlufa. Bħal ħafna kwistjonijiet oħrajn li jirrigwardaw is-saħħa mentali, ħafna drabi l-istress huwa mifhum ħażin jew immalafamat. Madankollu, meta meqjusa bħala kwistjoni organizzazzjonali aktar milli tort individwali, ir-riskji psikosoċjali u l-istress jistgħu jiġu ġestiti bħal kull riskju ieħor ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
X'inhuma r-riskji psikosoċjali u l-istress?
Ir-riskji psikosoċjali ġejjin minn tfassil, organizzazzjoni u ġestjoni ħżiena tax-xogħol, kif ukoll minn kuntest soċjali dgħajjef tax-xogħol, u dawn jistgħu jwasslu għal eżiti psikoloġiċi, fiżiċi u soċjali negattivi bħal stress, kollass mentali u dipressjoni marbuta max-xogħol. Xi eżempji ta' kundizzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal riskji psikosoċjali huma:
- ammonti eċċessivi ta' xogħol;
- talbiet kunfliġġenti u nuqqas ta' ċarezza dwar ir-rwol;
- nuqqas ta' involviment fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ħaddiem u nuqqas ta' influwenza dwar il-mod kif isir ix-xogħol;
- bidla organizzattiva ġestita ħażin, nuqqas ta' sigurtà tax-xogħol;
- komunikazzjoni mhux effettiva, nuqqas ta' appoġġ mill-amministrazzjoni jew il-kollegi;
- fastidju psikoloġiku jew sesswali, vjolenza minn parti terza.
Meta jitqiesu t-talbiet tax-xogħol, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn riskji psikosoċjali bħal ammont eċċessiv ta' xogħol u kundizzjonijiet fejn, għalkemm stimulanti u xi drabi ta' sfida, hemm ambjent tax-xogħol ta' appoġġ li fih il-ħaddiema jkunu mħarrġa tajjeb u mmotivati jaħdmu sal-massimu tal-abbiltà tagħhom. Ambjent psikosoċjali tajjeb isaħħaħ il-prestazzjoni tajba u l-iżvilupp personali, kif ukoll il-benessri mentali u fiżiku tal-ħaddiema.
Il-ħaddiema jesperjenzaw l-istress meta d-domandi tal-impjiegi tagħhom ikunu eċċessivi u akbar mill-kapaċità tagħhom biex jimmaniġġjawhom. Minbarra problemi ta' saħħa mentali, il-ħaddiema li jbatu minn stress fit-tul jistgħu eventwalment jiżviluppaw problemi serji tas-saħħa fiżika bħal mard kardjovaskulari jew problemi muskoloskeletali.
Għall-organizzazzjoni, l-effetti negattivi jinkludu prestazzjoni ġenerali tan-negozju dgħajfa, żieda fl-assenteiżmu, preżenteiżmu (ħaddiema li jidħlu għax-xogħol meta jkunu morda u ma jkunux jistgħu jaħdmu b'mod effettiv) u żieda fir-rati ta' inċidenti u korrimenti. L-assenzi għandhom tendenza li jkunu itwal minn dawk li ġejjin minn raġunijiet oħra u l-istress marbut max-xogħol jista' jikkontribwixxi għal żieda fir-rati ta' rtirar bikri. L-istimi tal-ispiża għan-negozji u s-soċjetà huma sinifikanti u jammontaw għal biljuni ta' euro fil-livell nazzjonali.
Kemm hi sinifikanti l-problema?
Stħarriġ ta’ opinjoni Ewropew li sar mill-EU-OSHA juri kif madwar nofs il-ħaddiema jikkunsidraw li l-problema tal-istress relatat max-xogħol hija komuni fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Fost il-kawżi l-aktar imsemmija tal-istress relatat max-xogħol huma r-riorganizzazzjoni tal-impjieg jew insigurtà fl-impjieg, sigħat tax-xogħol twal jew volum tax-xogħol eċċessiv, u fastidju u vjolenza fuq il-post tax-xogħol. L-EU-OSHA tipprovdi informazzjoni dwar data u evidenza ta' riċerka riċenti relatati mal-prevalenza u l-impatt fuq is-sigurtà u fuq is-saħħa tal-istress relatat max-xogħol u r-riskji psikosoċjali
Huwa maħsub li approċċ preventiv, olistiku u sistematiku għall-immaniġġjar tar-riskji psikosoċjali huwa l-aktar effettiv. L-Isħarriġ ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER) tal-EU-OSHA jesplora kif ir-riskji psikosoċjali huma perċepiti u mmaniġġjati fl-intrapriżi Ewropej, u jidentifika l-motivaturi, l-ostakoli u l-bżonnijiet ewlenin għall-appoġġ. L-istħarriġ juri li r-riskji psikosoċjali huma maħsuba li jirrappreżentaw aktar sfida u huma aktar diffiċli biex jiġu mmaniġġjati minn riskji tas-sigurtà u s-saħħa ‘tradizzjonali’ fuq il-post tax-xogħol. Hemm bżonn li titqajjem sensibilizzazzjoni u jkun hemm għodod prattiċi u sempliċi biex jiffaċilitaw kif jiġu mmaniġġjati l-istress, il-vjolenza u l-fastidju relatati max-xogħol.
X'jista jsir biex jiġu evitati u ġestiti r-riskji psikosoċjali?
Bl-approċċ it-tajjeb, ir-riskji psikosoċjali u l-istress marbut max-xogħol jistgħu jiġu evitati u ġestiti b'suċċess, irrispettivament mid-daqs jew it-tip ta' negozju. Dawn jistgħu jiġu ġestiti bl-istess mod loġiku u sistematiku bħal riskji oħra tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-ġestjoni tal-istress mhix sempliċiment obbligu morali u investiment tajjeb għall-impjegaturi, din hija ordni legali stabbilita fid-Direttiva Qafas 89/391/KEE, appoġġata mill-ftehimiet qafas tas-sħab soċjali dwar l-istress marbut max-xogħol u l-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol.
Barra minn hekk, il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali jirrikonoxxi t-talbiet dejjem jinbidlu u ż-żieda fil-pressjonijiet fil-post tax-xogħol u jħeġġeġ lill-impjegaturi jimplimentaw miżuri addizzjonali u volontarji għall-promozzjoni tal-benessri mentali.
Għalkemm l-impjegaturi għandhom responsabbiltà legali biex jiżguraw li r-riskji fuq il-post tax-xogħol ikunu vvalutati u kkontrollati kif xieraq, huwa essenzjali li l-ħaddiema jkunu involuti wkoll. Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom l-aħjar fehim tal-problemi li jistgħu jseħħu fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Meta dawn jiġu involuti jkun qed jiġi żgurat li l-miżuri implimentati jkunu kemm xierqa kif ukoll effettivi.