Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa

Il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa huma l-attività ewlenija tagħna għas-sensibilizzazzjoni. Huma l-mod ewlieni kif inwasslu l-messaġġ tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa kollha.

Il-messaġġ tal-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa huwa — Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jirrigwardaw lil kulħadd. Tajjeb għalik. Tajjeb għan-negozju. Aħna ngħinuk tippromwovi dan billi nħejju gwidi prattiċi u għodda disponibbli bla ħlas. Kull kampanja tinkludi wkoll il-Premjijiet ta’ Prattika Tajba u l-Premju tal-Films dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa.

Il-kampanji issa huma l-ikbar tax-xorta tagħhom fid-dinja. Għaliex ma tingħaqadx magħna u tuża s-Sett ta’ għodod tal-Kampanja tal-OSH online tagħna biex torganizza l-kampanja tiegħek stess?

Il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa ilhom jiġu organizzati mill-2000, qabel taħt it-titolu “Ġimgħat Ewropej tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol”.

Sir af aktar dwar il-kampanji hawn taħt.

2023 - 2025: Xogħol sigur u li jippromwovi s-saħħa fl-era diġitali

Il-kampanja Postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa 2023-25 tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-impatt ta’ teknoloġiji diġitali ġodda fuq ix-xogħol u fuq il-postijiet tax-xogħol u l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) assoċjati. Hija tipprovdi wkoll pjattaforma għall-iskambju ta’ soluzzjonijiet ta prattika tajba.

F’konformità mal-approċċ “viżjoni żero” fir-rigward tal-imwiet relatati max-xogħol tal-Qafas Strateġiku tal-UE għas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027 kif ukoll l-objettivi tal-Istrateġija Diġitali Ewropea, il-kampanja tfittex li tpoġġi l-OSH fi ħdan dibattitu usa’ ta’ politika tal-UE kif ukoll tikkunsidra d-dimensjoni tal-ġeneru u l-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema li jinsabu f’riskju ogħla.

Ħames oqsma prijoritarji jagħtu struttura għall-kampanja:

  • Xogħol fuq pjattaformi diġitali
  • Robotika avvanzata u intelliġenza artifiċjali
  • Xogħol mill-bogħod
  • Sistemi diġitali intelliġenti
  • Ġestjoni ta’ ħaddiema permezz ta’ intelliġenza artifiċjali

Il-kampanja hija prinċipalment ibbażata fuq is-sejbiet u r-riżorsi tal-Ħarsa Ġenerali tal-OSH dwar id-Diġitilizzazzjoni 2020-2023, iżda tinkludi wkoll ir-riċerka tal-EU-OSHA f’oqsma oħra, bħall-Istudji dwar il-prospettiva u l-Ħarsa ġenerali tal-OSH lejn l-Appoġġ għall-Konformità.

2020 - 2022: Healthy Workplaces Lighten the Load

Il-kampanja tal-2020-22 tiffoka fuq il-prevenzjoni ta’ disturbi muskoluskeletali relatati max-xogħol (MSDs). 

L-MSDs ikomplu jkunu wieħed mit-tipi l-aktar prevalenti ta’ problemi tas-saħħa relatati max-xogħol fl-Ewropa.

Ir-riskji relatati mal-qagħda, l-esponiment għal movimenti ripetittivi jew għal pożizzjonijiet ta’ għeja jew ta’ uġigħ, il-ġarr jew it-tqandil ta’ tagħbijiet tqal — dawn il-fatturi kollha ta’ riskju komuni ħafna fuq il-post tax-xogħol jistgħu jikkawżaw l-MSDs. Meta jitqies kemm huma mifruxa sew l-MSDs relatati max-xogħol, jidher ċar li jeħtieġ isir aktar biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar kif dawn jistgħu jiġu evitati.

Il-kampanja tħares lejn il-kawżi ta’ din il-problema persistenti b’mod komprensiv. Din għandha l-għan li tqassam informazzjoni ta’ kwalità għolja dwar is-suġġett, tħeġġeġ approċċ integrat għall-ġestjoni tal-problema, u toffri għodod u soluzzjonijiet prattiċi li jistgħu jgħinu fil-livell tal-post tax-xogħol. 

Sir af aktar dwar id-disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol

2018 – 2019: Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi

L-esponiment għal sustanzi perikolużi huwa ħafna aktar komuni fil-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa milli ħafna nies jimmaġinaw u għandu jsir aktar biex il-ħaddiema jiġu protetti minn tali perikli. L-għan tal-kampanja tal-2018-19 Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi kien li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol u r-riskji li jippreżentaw, u li toħloq kultura ta’ prevenzjoni billi tqassam materjali tal-kampanja u twettaq attivitajiet promozzjonali u ta’ involviment. Din iġġenerat bażi ta’ għarfien dwar kif għandhom jiġu ġestiti b’mod effettiv is-sustanzi perikolużi, inkluża informazzjoni dwar il-qafas legali u ta’ politika eżistenti, soluzzjonijiet ta’ prattika tajba, għodod u strumenti, u ideat għal azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni ta’ suċċess.

Punti ewlenin speċifiċi tal-kampanja ġew attribwiti lil gruppi vulnerabbli, is-sostituzzjoni u l-karċinoġeni u l-kanċer relatat max-xogħol, li jirrappreżentaw l-ogħla proporzjon ta’ mard okkupazzjonali fatali fl-UE. Bħala wieħed mil-legati tal-kampanja, l-EU-OSHA tibqa’ tkun sieħba attiva tal-Pjan Direzzjonali dwar il-karċinoġeni, skema Ewropea ta’ azzjoni biex jitnaqqas tali esponiment.

Sir af aktar dwar il-ġestjoni sikura ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol

2016 - 2017: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età

Il-kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età ppromwoviet l-importanza tax-xogħol sostenibbli — jiġifieri, kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u li jieħdu ħsieb is-saħħa mill-bidu sat-tmiem tal-ħajja ta’ persuna. Peress li l-forza tax-xogħol tal-Ewropa qed tixjieħ u l-etajiet tal-irtirar qed jiżdiedu, qed isir dejjem iktar importanti li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu sikuri, li jieħdu ħsieb is-saħħa u ġusti. Dan se jippermetti li n-nies jaħdmu għal perjodu itwal ta’ żmien u jirtiraw f’saħħa tajba.
Il-kampanja enfasizzat modi biex jiġu ġestiti l-OSH fil-kuntest ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ u ħeġġet l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajba. It-tibdil demografiku jaffettwa l-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa. Madankollu, bl-introduzzjoni ta’ miżuri biex ikun żgurat li x-xogħol ikun sostenibbli, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jimminimizzaw l-effetti negattivi u jżidu l-produttività, b’hekk ix-xogħol isir aktar sikur u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa għal kulħadd. 

 Sir af aktar dwar it-tixjiħ u s-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali

2014 - 2015: Inqas Stress għal Aktar Saħħa fuq ix-Xogħol

Ambjent tax-xogħol psikosoċjali ta’ kwalità baxxa jista’ jkollu effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-ħaddiema.

Ir-riskji psikosoċjali jseħħu f’kull post tax-xogħol, iżda anke b’riżorsi limitati biss, dawn jistgħu jiġu vvalutati u ġestiti b’suċċess. Din il-kampanja pprovdiet appoġġ u gwida għall-ħaddiema u l-impjegaturi biex jiġġestixxu l-istress relatat max-xogħol u r-riskji psikosoċjali, u ppromwoviet l-użu ta’ għodod prattiċi u faċli għall-utent biex dan jiġi ffaċilitat.

 Sir af aktar dwar ir-riskji psikosoċjali u l-istress fuq il-post tax-xogħol

2012 - 2013: Naħdmu flimkien għall-prevenzjoni tar-riskju

Il-kampanja tal-Aġenzija għall-2012-2013 iffokat fuq il-prevenzjoni tar-riskju. F’termini sempliċi, il-prevenzjoni hija dwar il-ġestjoni tar-riskji relatati max-xogħol bl-għan aħħari li jitnaqqas l-għadd ta’ inċidenti relatati max-xogħol u l-mard okkupazzjonali.

Ir-responsabbiltà finali għall-ġestjoni tar-riskju hija tal-impjegaturi u tal-maniġment superjuri, iżda l-isforzi tagħhom għandhom probabbiltà kbira li jfallu mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema.

Għal dawn ir-raġunijiet, din il-kampanja poġġiet enfasi speċjali fuq l-importanza tat-tmexxija mill-maniġment superjuri u mis-sidien li jaħdmu flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema.

Sir af aktar dwar it-tmexxija u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

2010 - 2011: Manutenzjoni Sikura

Il-manutenzjoni hija attività komuni ħafna: din taffettwa kull post tax-xogħol, f’kull settur tal-industrija, u tikkonċerna lil kulħadd f’kull livell (mhux biss lill-ħaddiema li fid-deskrizzjoni tal-impjieg tagħhom ikollhom miktub “manutenzjoni”).

Din il-kampanja enfasizzat l-importanza tal-manutenzjoni sikura bħala parti ċentrali mill-prattika ta’ ħidma ta’ saħħa u sigurtà tajba.

U filwaqt li d-dettalji speċifiċi jvarjaw bejn is-setturi tal-industrija (pereżempju skont it-tipi speċifiċi ta’ makkinarji li jintużaw), din identifikat prinċipji li huma komuni għall-manutenzjoni xierqa, fil-postijiet tax-xogħol differenti kollha tal-Ewropa.

L-għanijiet tal-kampanja:

  • Tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-manutenzjoni għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, dwar ir-riskji assoċjati mal-manutenzjoni, u dwar il-ħtieġa li din titwettaq b’mod sikur;
  • Tqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet legali u oħrajn tal-impjegaturi biex titwettaq manutenzjoni sikura, u dwar il-każ tan-negozju biex dan isir;
  • Tippromwovi approċċ sempliċi u strutturat għall-ġestjoni tal-OHS fil-manutenzjoni, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju xierqa (il-“ħames regoli bażiċi”).

Naturalment, l-għan aħħari kien li jitnaqqas l-għadd ta’ persuni li qed iweġġgħu jew li qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa minħabba manutenzjoni inadegwata jew nuqqas ta’ manutenzjoni, issa u fil-futur.

Aktar informazzjoni:

2008 - 2009: Valutazzjoni tar-riskju

Il-valutazzjoni tar-riskju hija l-pedament tal-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-għan ġenerali ta’ din il-kampanja kien li tippromwovi approċċ ta’ ġestjoni integrata għall-valutazzjoni tar-riskju, tgħin lill-organizzazzjonijiet iwettquh b’mod sistematiku, u tittieħed azzjoni fuq ir-riżultati tiegħu.

Din fittxet li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi legali li l-impjegaturi għandhom iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, iżda anke li tiċċara l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju; il-valutazzjoni tar-riskju mhijiex neċessarjament ikkumplikata, burokratika jew kompitu għall-esperti biss. Din irrakkomandat approċċ sempliċi u gradwali, iżda anke wieħed fejn il-forza tax-xogħol tiġi kkonsultata u involuta.

L-għodda Onlibe tagħna ta’ Valutazzjoni tar-Riskju interattiva (OiRA) hija l-legat ta’ din il-kampanja u tista’ titqies bħala s-soluzzjoni tas-seklu 21 għall-isfida li jiġu promossi s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-intrapriżi mikro u żgħar. Il-proġett OiRA għandu l-potenzjal li jgħin bosta eluf ta’ kumpaniji żgħar madwar l-UE biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju b’mod sempliċi u kosteffettiv.

Aktar informazzjoni:

2007 - 2008: L-Inizjattiva tal-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’il Quddiem is-Saħħa

L-inizjattiva tal-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l Quddiem is-Saħħa kellha l-għan tipprovdi lill-impjegaturi u lill-ħaddiema f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) aċċess faċli għal informazzjoni dwar kif jagħmlu l-postijiet tax-xogħol tagħhom aktar sikuri, aktar tajbin għas-saħħa u aktar produttivi.

Din saret fi 12-il Stat Membru Ewropew: Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, il-Bulgarija u r-Rumanija kif ukoll it-Turkija u l-Kroazja.

Il-kampanja kienet immirata lejn l-SMEs bil-messaġġ: “Is-Saħħa u s-Sigurtà jikkonċernaw lil kulħadd. Tajjeb għalik. Tajjeb għan-negozji!”.

Sir af aktar dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali f’intrapriżi mikro u żgħar

2007: Ħaffef il-piż (Disturbi muskuloskeletali)

Id-disturbi muskoloskeletali (MSDs), li jaffettwaw il-muskoli, il-ġogi, l-għeruq, il-ligamenti u n-nervaturi tal-ġisem, huma l-akbar kawża ta’ assenza mix-xogħol prattikament fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Din il-kampanja fittxet li tippromwovi approċċ ta’ ġestjoni integrata għal din il-problema, filwaqt li enfasizzat l-idea li l-impjegaturi, l-impjegati u l-gvern għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-MSDs.

Din enfasizzat il-kunċett tal-“ġestjoni tal-piż”: billi ma jitqiesx biss il-piż li qed jiġi esperjenzat, pereżempju, iżda anke l-piżijiet kollha li qed jitpoġġew fuq il-ġisem minn fatturi ambjentali, u l-pass li bih jitwettaq il-kompitu.

Din enfasizzat ukoll l-importanza li jiġu ġestiti r-ritenzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn lejn ix-xogħol ta’ dawk li jsofru, jew li sofrew, mill-MSDs.

Sir af aktar dwar id-disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol

2006: Bidu sikur - Ħaddiema żgħażagħ

Din il-kampanja kienet iddedikata biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom bidu sikur u b’saħħtu fil-ħajja professjonali tagħhom.

Iż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli f’ambjenti tax-xogħol, fejn spiss ma jkunx hemm provvista xierqa ta’ saħħa u sikurezza okkupazzjonali għalihom.

Madankollu, il-maġġoranza tal-inċidenti u l-problemi tas-saħħa li jaffettwaw lill-ħaddiema żgħażagħ jistgħu jiġu evitati u ż-żgħażagħ huma riċettivi għal informazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u se jaġixxu biex jipproteġu lilhom infushom meta jkunu jafu dwar perikli potenzjali.

Din il-kampanja kienet tinvolvi l-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tar-riskji fost iż-żgħażagħ u l-impjegaturi fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fl-iskejjel u l-kulleġġi: li wieħed jipprova jilħaq liż-żgħażagħ minn età bikrija, biex titrawwem fihom kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju.

Sir af aktar dwar iż-żgħażagħ u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol

2005: Waqqaf dak l-istorbju!

Mhumiex biss il-ħaddiema f’industriji bħall-kostruzzjoni jew il-manifattura li huma f’riskju. L-istorbju jista’ jkun problema f’bosta ambjenti tax-xogħol, minn fabbriki sa azjendi agrikoli, ċentri telefoniċi sa swali tal-kunċerti.

Din il-kampanja ffukat fuq il-kwistjoni li jiġi ġestit l-istorbju fuq il-post tax-xogħol, bil-motto “L-istorbju fuq il-post tax-xogħol – jista’ jiswik aktar mis-smigħ tiegħek”.

Sir af aktar dwar il-problemi tal-istorbju minn OSHwiki

2004: Nibnu fis-sigurtà

Il-kostruzzjoni hija waħda mill-akbar industriji tal-Ewropa.

Sfortunatament, din għandha wkoll waħda mill-agħar rekords tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, problema li tiswa lin-negozji u lill-kontribwenti biljuni ta’ Euro kull sena, minbarra t-tbatija terribbli li tikkawża lill-bnedmin.

Din il-kampanja tfasslet biex tgħin lill-partijiet interessati kollha fl-industrija jibnu ambjent tax-xogħol aktar sikur, aktar b’saħħtu u aktar produttiv.

Aktar informazzjoni: OSHwiki

2003: Sustanzi perikolużi - Immaniġġjahom b’attenzjoni

Madwar l-Ewropa, miljuni ta’ impjegati huma esposti għal sustanzi perikolużi fil-postijiet tax-xogħol tagħhom, u jekk ma jiġux ikkontrollati r-riskji assoċjati, dan jista’ jikkawża ħsara lis-saħħa tal-persuni b’ħafna modi differenti.

Il-leġiżlazzjoni Ewropea tistabbilixxi l-obbligi tal-impjegaturi biex jimmaniġġjaw tali riskji, u hemm disponibbli ammont kbir ta’ gwida għall-impjegaturi u għall-ħaddiema, iżda jeħtieġ li tittieħed azzjoni dwarhom biex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema.

Għan ewlieni ta’ din il-kampanja kien li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji, u li tistimola azzjoni biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-użu ta’ sustanzi perikolużi.

Sir af aktar dwar il-ġestjoni sikura ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol

2002: Naħdmu biex intaffu l-istress

L-istress huwa responsabbli għal miljuni ta’ jiem ta’ xogħol mitlufa kull sena.

Għadd kbir wisq ta’ vittmi jsofru fis-silenzju u għadd kbir ta’ kumpaniji ma jirrealizzawx sa liema punt l-istress jagħmel ħsara lill-prestazzjoni tan-negozju tagħhom.

Din il-kampanja ffukat fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-istress fuq il-post tax-xogħol.

Sir af aktar dwar ir-riskji psikosoċjali u l-istress fuq il-post tax-xogħol

2001: Is-suċċess mhuwiex inċident

Kull sena eluf ta’ nies jinqatlu f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea, u hemm miljuni ta’ inċidenti li jirriżultaw f’assenzi minn xogħol ta’ aktar minn tlett ijiem.

Il-problema hija partikolarment akuta fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Din il-kampanja ffukat fuq il-prevenzjoni ta’ inċidenti relatati max-xogħol.

Sir af aktar dwar is-suġġett minn OSHwiki

2000: Evita d-disturbi muskoloskeletali

Id-disturbi muskoloskeletali (MSDs) huma waħda mill-aktar problemi komuni relatati max-xogħol, li jaffettwaw miljuni ta’ ħaddiema Ewropej fis-setturi kollha tal-impjiegi, bi spiża ta’ biljuni ta’ Euro għall-impjegaturi.

Madankollu, il-parti l-kbira tal-problema tista’ tiġi evitata jew imnaqqsa billi jiġu segwiti r-regolamenti eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-gwida dwar il-prattika tajba.

L-ewwel waħda mill-kampanji tal-EU-OSHA ffukat fuq il-ġestjoni effettiva tar-riskji tal-MSDs.

Sir af aktar dwar id-disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol