Kważi nofs il-ħaddiema tal-UE probabbilment huma esposti għal fatturi ta’ riskju tal-kanċer, skont stħarriġ tal-EU-OSHA

Press releases

Back to press releases
For immediate release - 18/12/2025 - 08:00

Kważi nofs il-ħaddiema tal-UE probabbilment huma esposti għal fatturi ta’ riskju tal-kanċer, skont stħarriġ tal-EU-OSHA

Image
Workers opening a container

© Jack Tamrong - stock.adobe.com

Kważi 47 miljun ħaddiem tal-UE setgħu ġew esposti għal mill-inqas fattur ta’ riskju tal-kanċer wieħed matul l-aħħar ġimgħa tax-xogħol tagħhom, skont l-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema (WES, Workers’ Exposure Survey) dwar il-fatturi ta’ riskju tal-kanċer okkupazzjonali fl-Ewropa. Imwettaq mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA, European Agency for Safety and Health at Work), l-istħarriġ jenfasizza lakuni sinifikanti fil-prevenzjoni u jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta’ interventi mmirati u bbażati fuq l-evidenza biex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema u jitnaqqas il-piż tal-kanċer okkupazzjonali madwar l-Ewropa. 

Ir-rapport finali ta’ ħarsa ġenerali lejn l-istħarriġ (1), li jkopri 98.5 miljun ħaddiem Ewropew, jipprovdi l-aktar data komprensiva s’issa dwar l-esponiment probabbli tal-ħaddiema għal 24 fattur magħruf ta’ riskju tal-kanċer f’sitt Stati Membri tal-UE: il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Ungerija u l-Finlandja. L-aktar rapport reċenti jenfasizza li 46.6 miljun ħaddiem iffaċċjaw esponiment għal wieħed jew aktar mir-riskji tal-kanċer matul l-aktar ġimgħa tax-xogħol reċenti tagħhom.

Rati ta’ esponiment u disparitajiet bejn il-ħaddiema

  • L-aktar esponimenti komuni huma għar-radjazzjoni ultravjola solari, l-emissjonijiet tal-egżost mill-magni diżil, il-benżen, is-silika kristallina respirabbli u l-formaldeid.  
  • Għall-kuntrarju tal-esponiment għal sustanzi kimiċi industrijali oħra, l-esponiment għall-formaldeid huwa distribwit b’mod aktar mifrux fost il-popolazzjoni tax-xogħol, bi probabbilment 6.4 % tal-ħaddiema kollha esposti. Iċ-ċirkostanzi ta’ dan l-esponiment huma pjuttost diversi, pereżempju meta wieħed jaħdem bil-kolla jew bil-plywood, waqt it-tifi tan-nar jew il-ftuħ ta’ kontejners tal-merkanzija.
  • L-esponiment għat-trab tal-injam jispikka fost il-fatturi ta’ riskju tal-kanċer fl-istħarriġ: nofs il-ħaddiema affettwati esperjenzaw esponiment ta’ livell għoli matul il-ġimgħa tax-xogħol li għaddiet, li jirrappreżentaw 1.6 % tal-ħaddiema kollha.
  • Madwar 11.1 % tal-ħaddiema huma esposti f’livell għoli għal mill-inqas waħda mill-24 sustanza.  
  • L-esponimenti multipli huma komuni wkoll: Probabbilment 26.1 % tal-ħaddiema kienu esposti għal mill-inqas żewġ fatturi ta’ riskju tal-kanċer fl-istess ġimgħa.
  • Il-ħaddiema akbar fl-età għandhom it-tendenza li jkollhom esponiment ogħla għal aktar minn fattur ta’ riskju wieħed, iżda f’livelli aktar baxxi meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra.
  • Dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema temporanji spiss jiffaċċjaw rati ta’ esponiment ogħla, filwaqt li x-xejriet tal-esponiment ivarjaw ukoll bejn l-irġiel u n-nisa skont is-settur u t-tip ta’ xogħol involut.

 

“Kważi nofs il-ħaddiema Ewropej huma probabbilment esposti għal aġenti li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol, u miljuni jiffaċċjaw livelli għoljin ta’ riskju jew esponimenti multipli. Kull sena, aktar minn 100 000 persuna fl-UE jitilfu ħajjithom minħabba kanċer relatat max-xogħol. Dawn is-sejbiet jiżvelaw lakuni sinifikanti fil-prevenzjoni u ħtieġa urġenti ta’ interventi mmirati u bbażati fuq l-evidenza biex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema u jitnaqqas il-piż tal-kanċer okkupazzjonali madwar l-Ewropa.”

William Cockburn, Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA

 

Miżuri ta’ kontroll u lakuni fil-prevenzjoni

L-istħarriġ, li sar bejn Settembru 2022 u Frar 2023, juri differenzi importanti bejn is-setturi, it-tipi ta’ impjiegi u l-gruppi demografiċi, u jissottolinja l-importanza ta’ interventi u politiki mmirati.  

Id-WES jeżamina wkoll kif il-postijiet tax-xogħol jimmaniġġjaw ir-riskji ta’ esponiment. L-użu ta’ miżuri ta’ kontroll bħall-ventilazzjoni, sistemi magħluqa u tagħmir ta’ protezzjoni personali jvarja ħafna. Xi setturi, inklużi l-laboratorji kimiċi, jirrapportaw użu konsistenti tal-kontrolli tekniċi. F’ħafna oħrajn, il-kontrolli jintużaw biss okkażjonalment jew ma jintużaw xejn. Pereżempju, aktar minn żewġ terzi tal-ħaddiema esposti għall-emissjonijiet tal-egżost minn magni diżil matul il-manutenzjoni tal-vetturi rrappurtaw li ma ħadux miżuri protettivi.

Dawn is-sejbiet jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni aħjar u aktar konsistenti ta’ miżuri tekniċi, organizzattivi u protettivi personali, skont il-ġerarkija stabbilita tal-prevenzjoni.

Ninformaw il-politika u l-azzjoni

Id-data tad-WES tipprovdi evidenza robusta u komparabbli biex tappoġġa l-iżvilupp tal-politika u l-istrateġiji ta’ prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol. L-EU-OSHA kkontribwixxiet b’mod attiv għall-proċess li għaddej tal-Kummissjoni Ewropea biex taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, li bdiet diversi snin ilu u li għadha għaddejja. Ir-riċerka tagħna hija l-bażi ta’ din il-ħidma leġiżlattiva, u s-sejbiet tal-istħarriġ se jinfurmaw l-emendi li jistgħu jsiru fil-futur. Dawn jappoġġaw ukoll il-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027, tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, u tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar il-Karċinoġeni.

L-istrateġiji effettivi tal-prevenzjoni jridu jikkunsidraw it-tipi u l-livelli differenti ta’ esponiment esperjenzati minn gruppi diversi ta’ ħaddiema. L-approċċi speċifiċi għas-settur u ċċentrati fuq il-ħaddiem huma essenzjali biex jitnaqqsu r-riskji u tiġi protetta s-saħħa.

Aċċessa s-sejbiet


(1) L-ewwel sejbiet inħarġu f’Novembru 2023.

 

Noti lill-editur:
L-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema (WES) huwa stħarriġ telefoniku fuq skala kbira bbażat fuq il-popolazzjoni li sar bejn Settembru 2022 u Frar 2023 f’sitt Stati Membri tal-UE. Dan jistma l-esponiment probabbli tal-ħaddiema għal 24 fattur ta’ riskju magħrufa tal-kanċer, inklużi sustanzi kimiċi industrijali, sustanzi ġġenerati mill-proċess, taħlitiet u aġenti fiżiċi.

Id-WES juża l-għodda tas-Sistema ta’ Valutazzjoni tal-Esponiment tal-Bażijiet tad-Data Integrata Okkupazzjonali (OccIDEAS) u jipprovdi data ponderata rappreżentattiva ta’ 98.5 miljun ħaddiem.

Il-pubblikazzjonijiet tad-WES preċedenti jinkludu rapporti qosra u tekniċi, rapport dwar il-metodoloġija, rapport relatat mas-suġġett dwar il-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u diversi fuljetti.

Il-kanċers okkupazzjonali huma l-kawża ewlenija tal-imwiet relatati max-xogħol fl-UE, responsabbli għal aktar minn 100 000 fatalità fis-sena, kif rikonoxxut fil-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar il-Karċinoġeni.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq https://osha.europa.eu.