You are here

Napo — sigurtà bi tbissima

Napo — safety with a smile
Napo, bħala l-eroj tas-serje ta’ films animati, jipprovdi introduzzjonijiet divertenti, li jipprovokaw id-diskussjoni, għal suġġetti dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali (OSH) u l-prevenzjoni tar-riskji.

Napo huwa ħaddiem tipiku fi kwalunkwe industrija jew settur. Spiss, huwa espost għal perikli komuni u sitwazzjonijiet ta’ riskju fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, huwa involut b’mod attiv fl-identifikazzjoni tar-riskji u biex jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi.

Napo issa sar l-ambaxxatur ewlieni għall-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa tal-EU-OSHA u ħafna mill-films tiegħu jorbtu ma’ jew jappoġġjaw dawn il-kampanji. Huwa jidher personalment ukoll fl-avvenimenti ewlenin tal-kampanja.

Il-films ta’ Napo

Flimkien mal-kollegi tiegħu, Napo jidher f’serje ta’ films mhux marbutin ma’ lingwa, biex b’hekk nies ta’ kull sfond, kultura u età jkunu jistgħu jifhmu u jidentifikaw lilhom infushom miegħu. Il-films ikopru varjetà wiesgħa ta’ suġġetti dwar is-saħħa u s-sigurtà, pereżempju:

Films ġodda jinħarġu regolarment hekk kif jiġu identifikati s-suġġetti. Il-films huma prodotti mill-Konsorzju Napo, magħmul minn grupp żgħir ta’ organizzazzjonijiet Ewropej relatati mal-OSH u l-EU-OSHA.

Napo għall-għalliema

Napo jgħin ukoll biex jiġu introdotti s-saħħa u s-sigurtà lit-tfal tal-iskejjel primarji. L-EU-OSHA, appoġġjata mill-Konsorzju Napo, żviluppat sett ta’ għodod online dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali għall-għalliema. Qed jiġu pprovduti pakketti ta’ studju li fihom:

  • Messaġġi ewlenin u għanijiet tat-tagħlim
  • Ideat għal attivitajiet u riżorsi online
  • Kampjun ta’ pjanijiet ta' lezzjoni ta’ 45 minuta

Wara skema pilota b’suċċess, dawn il-lezzjonijiet qed jiġu żviluppati u estiżi mal-Ewropa kollha.

iNapo

L-app iNapo, żviluppata minn wieħed mill-membri tal-Konsorzju Napo, INAIL, issa hija disponibbli biex titniżżel, u b’hekk il-films ta’ Napo jkunu aċċessibbli faċilment b’mod mobbli.

Konsorzju Napo

Il-films ta’ Napo huma l-proprjetà ta’ Via Storia, il-kumpanija tal-produzzjoni bbażata fi Strasburgu, Franza, u l-Konsorzju Napo li jiffinanzja u jipproduċi l-films f’isem grupp żgħir ta’ organizzazzjonijiet Ewropej tas-saħħa u s-sigurtà: AUVA (l-Awstrija); DGUV (il-Ġermanja); HSE (ir-Renju Unit); INAIL (l-Italja); INRS (Franza); SUVA (l-Isvizzera); u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA). Barra minn hekk, l-EU-OSHA għandha ftehim ma’ DGUV (f’isem il-Konsorzju) biex tirriproduċi u tipprovdi kopji tal-films ta’ Napo lill-Punti Fokali nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u tal-EFTA.