L-Iżvezja — Koordinazzjoni finanzjarja ta' miżuri ta' rijabilitazzjoni
18/12/2015
Id-deċentralizzazzjoni tal-baġits fixklet il-koordinazzjoni effettiva tar-rijabilitazzjoni vokazzjonali fl-Iżvezja. Sat-tmiem tal-2013, ġew stabbiliti 83 assoċjazzjoni ta' koordinazzjoni indipendenti biex jikkoordinaw il-baġit għal rijabilitazzjoni vokazzjonali tal-partijiet kollha, inkluż l-Aġenzija għall-Assigurazzjoni Soċjali, is-Servizz tal-Impjieg Pubbliku, il-kunsilli tal-muniċipalitajiet u tal-kontei. Koordinazzjoni finanzjarja ta' miżuri ta' rijabilitazzjoni tinsab dejjem għaddejja f'225 muniċipalità minn 290. Ir-responsabbiltajiet tal-assoċjazzjonijiet ta' koordinazzjoni jinkludu l-iffissar ta' objettivi għal koordinazzjoni finanzjarja, it-tfassil ta' baġits, il-koordinazzjoni bejn is-sħab, l-allokazzjoni tal-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-isforzi ta' rijabilitazzjoni. L-interventi prinċipalment għandhom fil-mira tagħhom persuni taħt it-tletin sena, dawk li kienu fuq liv fit-tul minħabba mard u dawk b'mard mentali. L-interventi li kellhom fil-mira tagħhom ir-ritorn tal-persuni għax-xogħol kienu ta' suċċess fi 53 % tal-każijiet fl-2013. Evalwazzjoni esterna fuq skala kbira turi li għal kull persuna li tirritorna għax-xogħol, is-soċjetà tirkupra l-investiment tagħha fir-rijabilitazzjoni tiegħu jew tagħha. Barra minn hekk, is-sistema ta' monitoraġġ SUS mifruxa mas-settur kollu turi li 31 % tal-parteċipanti rritornaw għax-xogħol jew għat-taħriġ wara l-intervent tagħhom, filwaqt li 11 % biss irnexxielhom jagħmlu dan qabel l-intervent. Fatturi ta' suċċess jinkludu l-approċċ integrat fost l-esperti. Din is-sistema hija trasferibbli jekk isiru aġġustamenti għar-responsabbiltajiet differenzjati fost l-aġenziji nazzjonali.