Is-Slovenja — Il-programm "Kura għal ħaddiem b'saħħtu" fil-minjiera tal-faħam ta' Velenje
09/03/2016
Il-minjiera tal-faħam Premogovnik Velenje hija impenjata li tieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, hekk kif stabbilixxiet il-programm "Kura għal ħaddiem b'saħħtu" fl-1998. Il-programm għandu l-għan li jnaqqas l-assenza minħabba l-mard u d-disturbi muskuloskeletali (MSDs), u għandu fil-mira tiegħu l-ħaddiema kollha, filwaqt li l-ħaddiema avvanzati fl-età huma prijorità. Benefiċċji ewlenin japplikaw għall-irġiel li għandhom aktar minn 46 sena u għan-nisa li għandhom aktar minn 45 sena. Valutazzjonijiet interni wasslu għal adattamenti fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li l-intervisti dwar ir-ritorn għax-xogħol irriżultaw f'titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Attivitajiet oħrajn huma identifikati permezz tal-kapaċità tax-xogħol u l-analiżi u l-istatistika dwar l-istruttura tal-età mill-Istitut tas-Saħħa Pubblika. Attivitajiet jinkludu eżamijiet mediċi mfassla apposta, jiem ta' btajjel attivi għal dawk l-impjegati li jinsabu f'riskju, brejks qosra preventivi u attivitajiet sportivi. Evalwazzjoni annwali turi tnaqqis fl-assenza minħabba mard u fir-rati tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u hemm kxif bikri tal-MSDs. Titjib ippjanat jinkludi l-estensjoni ta' taħriġ preventiv għall-impjegati kollha. L-impenn tal-kumpanija jkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fi proġett Ewropew li jdum sentejn dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali (OSH). Fatturi ta' suċċess jinkludu politika b'saħħitha tal-OSH, valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema, l-użu ta' appoġġ estern, miżuri diversi u evalwazzjoni regolari. Il-programm huwa trasferibbli għal industriji oħrajn jekk jiġu implimentati modifikazzjonijiet xierqa.