Id-Danimarka — Il-Programm Nazzjonali Daniż Dwar ir-Ritorn għax-Xogħol
18/12/2015
Il-programm stabbilixxa proċess ta' intervent bikri, multidixxiplinari u kkoordinat biex jippromwovi r-ritorn għax-xogħol fi ħdan is-sistema eżistenti ta' benefiċċji għall-mard. Dan ikkonsista minn tliet elementi ewlenin: timijiet multidixxiplinarji stabbiliti fil-muniċipalitajiet; valutazzjonijiet standardizzati tal-kapaċità tax-xogħol u proċeduri ta' mmaniġġjar tal-assenza minħabba mard; kors ta' taħriġ komprensiv rigward ir-ritorn għax-xogħol għall-membri tat-tim. It-timijiet multidixxiplinarji kienu jikkonsistu f'uffiċjal muniċipali tal-benefiċċju għall-mard, fiżjoterapista, psikologu, tabib speċjalizzat fis-saħħa ġenerali, soċjali jew okkupazzjonali u psikjatra. L-uffiċjal tal-assenza minħabba l-mard kellu r-rwol ta' koordinatur. Laqgħat multidixxiplinarji ta' kull ġimgħa ntużaw biex jiżviluppaw pjanijiet individwali rigward ir-ritorn għax-xogħol, b'segwiti biex jintraċċaw il-progress tagħhom. Riżultati preliminari varjaw bejn il-muniċipalitajiet; madankollu, fiż-żewġ muniċipalitajiet li wrew riżultati pożittivi, analiżi ta' kost-benefiċċju wriet li l-programm kien ta' benefiċċju ekonomiku. Parteċipanti sodisfatti enfasizzaw l-importanza li jkunu involuti fid-deċiżjonijiet u fl-istabbilment ta' fiduċja mat-tim multidixxiplinari. L-isfidi inkludew konfużjoni dwar ir-rwoli tal-membri tat-tim u għajnuna limitata għal kwistjonijiet ta' saħħa mentali. Jenħtieġ li tiġi eżerċitata kawtela jekk jiġi adottat programm ta' din ix-xorta, peress li dan jirrikjedi adattament sinifikanti għal sistemi lokali ta' benefiċċji għall-mard.