ESENER 2

L-Istħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER) tal-EU-OSHA huwa stħarriġ estensiv li jħares lejn kif ir-riskji tas-sigurtà u s-saħħa huma ġestiti fuq il-postijiet tax-xogħol Ewropej. Għalkemm id-dejta dwar l-aċċidenti u l-mard relatati max-xogħol hija disponibbli permezz ta’ stħarriġ tal-ħaddiema u sistemi ta’ rapportar, ftit huwa magħruf dwar il-mod kif ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà huma indirizzati fil-prattika. Billi jiġu rrapportati l-bżonnijiet tal-impjegaturi għal appoġġ u kompetenza, u billi jiġi identifikat x’jista’ jħeġġeġ jew jostakola l-prevenzjoni tar-riskju, l-ESENER jgħin sabiex jimtela dak il-vojt fl-għarfien. L-ewwel edizzjoni tal-istħarriġ saret fl-2009.

It-tieni edizzjoni ġabret it-tweġibiet mingħand kważi 50,000 intrapriża dwar l-immaniġġjar tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH) u r-riskji fuq il-post tax-xogħol, b’fokus partikolari fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u r-riskji psikosoċjali. Id-dejta tal-istħarriġ hija disponibbli permezz ta’ tabella operattiva online.

Il-fieldwork għall-edizzjoni l-ġdida sar fl-2014, u jkopri l-intrapriżi kemm tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat fl-UE-28 flimkien mal-Albanija, l-Iżlanda, il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, it-Turkija, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Għall-ewwel darba, l-agrikoltura u s-sajd u l-intrapriżi mikro li jħaddmu 5-10 impjegati ġew inklużi. Dawn wieġbu mistoqsijiet dwar il-fatturi ewlenin tar-riskju fl-intrapriżi tagħhom u rrapportaw dwar kif u għaliex jimmaniġġjawhom, filwaqt li identifikaw ukoll ostakli għall-prevenzjoni. Ħarsa ġenerali sħiħa lejn ir-rapport sejra tkun disponibbli bl-Ingliż fl-2016.