Fatt elettroniku 64: Motivazzjoni tal-impjegati biex jipparteċipaw fil-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol - sommarju ta’ analiżi bibljografika
18/12/2012
Dan il-fatt elettroniku jiddeskrivi fil-qosor ir-rapport li jippreżenta s-sejbiet ta’ analiżi bibljografika dwar il-fatturi li jimmotivaw lill-impjegati biex jipparteċipaw fil-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (WHP). Dan l-għarfien jista’ jintuża sabiex jitjiebu l-programmi tad-WHP u, konsegwentement, ir-rati ta’ parteċipazzjoni. It-taqsima tar-rapport dwar is-sejbiet hija maqsuma f’żewġ oqsma ewlenin. L-ewwel waħda tiddeskrivi xi wħud mis-sejbiet ewlenin mill-bibljografija li tikkonċerna l-motivazzjoni tal-ħaddiema biex jipparteċipaw fid-WHP, u t-tieni waħda teżamina r-rwol li d-diversità jista’ jkollha fil-parteċipazzjoni u r-reklutaġġ tal-ħaddiema. Id-WHP tiġbor l-isforzi kombinati tal-impjegaturi, il-ħaddiema u s-soċjetà sabiex itejbu s-saħħa u l-benessri tal-persuni fuq ix-xogħol. L-iżvilupp u ż-żamma ta’ ambjent tax-xogħol u forza tax-xogħol f’saħħithom għandhom benefiċċji ċari għall-kumpaniji u l-impjegati, iżda jistgħu jwasslu wkoll għal titjib fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.