Il-kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi 2018-19 toħloq sensibilizzazzjoni dwar is-sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol u tipprovdi informazzjoni dwar kif jiġu evitati r-riskji assoċjati magħhom. Il-kampanja tiffoka b’mod partikolari fuq il-ħaddiema bi ħtiġijiet speċifiċi u timmira gruppi li huma partikolarment sensittivi għar-riskji, bħalma huma l-ħaddiema migranti u ż-żgħażagħ. Bħal Kampanji Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa preċedenti, din hija kkoordinata fuq livell nazzjonali minn punti fokali tal-EU-OSHA u appoġġjata minn sħab uffiċjali tal-kampanja u sħab tal-midja.
Il-kampanja tnediet f’April 2018. Dati ewlenin fil-kalendarju tal-kampanja jinkludu l-Ġimgħat Ewropej għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Ottubru 2018 u 2019) u ċ-ċerimonji tal-Premju tal-Films Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2018 u 2019). Il-kampanja sejra tagħlaq bis-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2019), meta dawk kollha li jkunu kkontribwixxew għall-kampanja jingħaqdu mal-EU-OSHA biex jivvalutaw il-kisbiet tal-kampanja u t-tagħlimiet li nkisbu minnha.