Il-Kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa 2020-2022, Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jħaffu l-Piż, timmira lejn is-sensibilizzazzjoni ta’ MSDs relatati max-xogħol u xxerred informazzjoni dwar kif dawn jistgħu jiġu evitati u ġestiti. Il-kampanja hija kkoordinata fil-livell nazzjonali mill-punti fokali tal-EU-OSHA u appoġġata minn sħab uffiċjali tal-kampanja u tal-midja u min-Network Enterprise Europe. Din għandha sitt objettivi ewlenin:
- Is-sensibilizzazzjoni tal-importanza li jiġu evitati MSDs billi tipprovdi fatti u ċifri dwar l-esponiment għall-MSDs u l-impatt tagħhom fuq l-individwi, in-negozji u s-soċjetà;
- Il-promozzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni proattiva tal-MSDs billi tipprovdi aċċess għal għodod, gwida, u materjali awdjoviżivi u oħrajn ta’ appoġġ relevanti;
- Biex turi li l-MSDs huma kwistjoni għal kulħadd iżda jistgħu jiġu indirizzati b’suċċess;
- It-titjib tal-għarfien ta’ fatturi ta’ riskju ġodda u emerġenti tal-MSD;
- Il-promozzjoni tal-importanza tal-appoġġ għall-ħaddiema b’MSDs kroniċi li jerġgħu jiġu integrati u jibqgħu fil-post tax-xogħol, u turi kif dan jista’ jinkiseb;
- It-tħeġġiġ ta’ kollaborazzjoni effettiva billi jinġiebu flimkien partijiet ikkonċernati u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba.