Il-Kampanja Postijiet tax-Xogħol Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa tal-2018-19, Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol u xxerred informazzjoni dwar kif jista' jiġi evitat l-esponiment. Il-kampanja hija kkoordinata fil-livell nazzjonali mill-punti fokali tal-EU-OSHA u appoġġjata minn imsieħba uffiċjali tal-kampanja u tal-midja u min-Netwerk Enterprise Europe. Din għandha ħames objettivi ewlenin:
- Li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza u r-rilevanza tal-immaniġġjar tas-sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa;
- Li tippromwovi valutazzjoni tar-riskju, eliminazzjoni u sostituzzjoni billi tipprovdi għodod prattiċi u eżempji ta’ prattika tajba.
- Li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji ta’ esponiment għal karċinoġeni billi tappoġġja l-iskambju ta’ prattiki tajba.
- Li timmira lejn gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema li huma f’riskju akbar, billi tipprovdi fatti u figuri adattati u gwida dwar prattika tajba.
- Li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-iżviluppi fil-politika u l-leġiżlazzjoni, billi tipprovdi ħarsa ġenerali b’lingwaġġ sempliċi tal-leġiżlazzjoni u l-gwida eżistenti.
Wara t-tnedija fl-24 ta’ April 2018, il-punti ewlenin tal-kampanja jinkludu l-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (Ottubru 2018 u 2019) u l-Avveniment ta' Skambju ta’ Prattika Tajba (kmieni fl-2019). Il-kampanja tikkonkludi biċ-Ċerimonja tal-Premjijiet tal-Prattika Tajba u s-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (it-tnejn f’Novembru 2019). Dawn l-avvenimenti, li huma ospitati mill-EU-OSHA f’Bilbao, joffru opportunità għal dawk li ħadu sehem biex jiċċelebraw is-suċċessi tal-kampanja u jirriflettu fuq dak li tgħallmu.