Stħarriġ Ewropew ta' Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-2).

It-tieni edizzjoni tal-Istħarriġ Ewropew tal-Intrapriżi dwar ir-Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-2) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (UE-OSHA) ġabret rispons minn ftit inqas minn 50,000 intrapriża dwar l-immaniġġjar u r-riskji fuq il-post tax-xogħol relatati mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH), b'attenzjoni partikolari fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u r-riskji psikosoċjali.

Għalkemm id-dejta dwar l-aċċidenti u l-mard relatati max-xogħol hija disponibbli permezz ta’ stħarriġ tal-ħaddiema u sistemi ta’ rapportar, ftit huwa magħruf dwar il-mod kif ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà huma indirizzati fil-prattika — b'mod partikolari dawk ir-riskji li huma ġodda u għadhom emerġenti. Billi jiġu rrapportati l-bżonnijiet tal-impjegaturi għal appoġġ u kompetenza, u billi jiġi identifikat x’jista’ jħeġġeġ jew jostakola l-prevenzjoni tar-riskju, l-ESENER jgħin sabiex jimtela dan il-vojt fl-għarfien.

L-ewwel edizzjoni tal-istħarriġ saret fl-2009. Il-ħidma bażi għat-tieni edizzjoni saret fl-2014. L-ESENER-2 stħarrġet organizzazzjonijiet kemm privati kif ukoll pubbliċi — minn firxa ta' setturi ta' attività — f'36 pajjiż (it-28 Stat Membru kif ukoll l-Albanija, l-Iżlanda, il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, it-Turkija, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

Għall-ewwel darba, ġew inklużi l-agrikoltura u s-sajd u l-intrapriżi mikro li jħaddmu 5-10 impjegati. Il-mistoqsijiet saru lil dawk li kienu jafu l-aktar dwar il-ġestjoni tal-OSH fl-organizzazzjoni. Dawn wieġbu mistoqsijiet dwar il-fatturi ewlenin tar-riskju fl-intrapriżi tagħhom u rrapportaw dwar kif u għaliex jimmaniġġjawhom, filwaqt li identifikaw ukoll ostakli għall-prevenzjoni.