“Inqas Stress għal aktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol” hija kampanja deċentralizzata miftuħa għal organizzazzjonijiet u individwi f’livelli lokali, nazzjonali u Ewropej. Hija kkoordinata f’livell nazzjonali mill-punti fokali tal-EU-OSHA f’aktar minn 30 pajjiż Ewropew, u appoġġjata minn sħab uffiċjali tal-kampanja – organizzazzjonijiet pan-Ewropej u multinazzjonali u s-sħab tal-kampanja fil-midja.
Matul l-2014 u l-2015, l-EU-OSHA qed tagħmel kampanja biex iżżid l-għarfien dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-istress u tar-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol. Għalkemm jista’ jidher diffiċli li wieħed jindirizza r-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol, din il-kampanja timmira li turi li jistgħu jiġu ttrattati bl-istess mod loġiku u sistematiku bħal kull kwistjoni oħra ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. B’dan il-ħsieb, il-Kampanja tal-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa 2014-15 għandha l-għanijiet ewlenin li ġejjin:
- li żżid l-għarfien dwar il-problema dejjem tikber tal-istress relatat max-xogħol u r-riskji psikosoċjali.
- li tipprovdi u tippromwovi l-użu ta’ għodod u gwida sempliċi u prattiċi għall-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u tal-istress fuq il-post tax-xogħol;
- li tenfasizza l-effetti pożittivi tal-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u tal-istress fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-każ tan-negozju
.