Il-Premju għal Films Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu jonora l-aqwa dokumentarju dwar suġġetti relatati max-xogħol. Il-premju huwa ppreżentat mill-EU-OSHA fil-Festival Internazzjonali ta' Leipzig għal Films Dokumentarji u Animati (DOK Leipzig).
Minbarra l-premju ta' €8,000, 1,000 kopja tal-film rebbieħ sejrin jiġu prodotti f'għażla ta' tmien lingwi tal-UE u mqassma madwar l-Ewropa minn EU-OSHA.
Fl-2011, il-premju ġie ppreżentat lid-Direttriċi Ġermaniża Carmen Losmann għall-film tagħha Work Hard Play Hard, esplorazzjoni ta' teoriji moderni ta' organizzazzjoni u ta' ġestjoni tax-xogħol. Ir-rebbieħ tal-premju tal-2010 kien id-direttur Ċek Tomas Kudrna għall-film tiegħu All that Glitters dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'minjiera tad-deheb fil-Kyrgyzstan. L-ewwel edizzjoni fl-2009 ġiet ippreżentata lid-direttur Olandiż Ton Van Zantvoort għal A Blooming Business li juri l-kundizzjonijiet ta' ħidma ibsin ħafna f'industrija tal-fjuri globalizzata.