You are here

Nimmaniġġjaw in-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

Nanomaterials. Worker in a laboratory handling nanomaterials
In-nanomaterjali huma partikoli żgħar, inviżibbli għall-għajn tal-bniedem. Minkejja dan, dawn huma preżenti fil-ħajja tagħna ta' kuljum fi prodotti komuni bħall-ikel, il-kożmetiċi, il-prodotti elettroniċi u l-mediċini.

Xi nanomaterjali huma naturali, filwaqt li oħrajn huma prodotti sekondarji tal-attivitajiet tal-bniedem, jew jiġu mmanifatturati speċifikament għal skop partikolari. Minkejja li n-nanomaterjali għandhom ħafna proprjetajiet ta' benefiċċju, hemm ħafna lakuni fl-għarfien tagħna dwar il-perikli tas-saħħa assoċjati magħhom. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġestjoni ta' dawn il-materjali filwaqt li titkompla r-riċerka.

X'inhuma n-nanomaterjali?

Ħafna organizzazzjonijiet jaqblu fid-definizzjoni tagħhom tan-nanomaterjali dwar il-fatt li huma materjali li fihom partikuli b'dimensjoni esterna waħda jew aktar bejn 1-100 nanomaterjali (nm). Aqra d-definizzjoni tan-nanomaterjali tal-Kummissjoni Ewropea.

In-nanomaterjali, li huma sa 10 000 darba iżgħar minn xagħra ta' bniedem, għandhom daqs komparabbli ma' atomi jew molekoli u jieħdu l-isem tagħhom mill-istruttura żgħira tagħhom (nanometru huwa 10-9 ta' metru). Mhux biss minħabba d-daqs tagħhom iżda anki minħabba l-karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi tagħhom li jinkludu, fost affarijiet oħra, l-għamla u l-erja tas-superfiċje tagħhom, in-nanomaterjali huma differenti fil-proprjetajiet tagħhom mill-istes materjali fuq skala akbar. 

Minħabba dawn id-differenzi, in-nanomaterjali joffru opportunitajiet ġodda u eċċitanti f'oqsma bħall-inġinerija, l-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, il-mediċina u l-farmaċewtiċi, biex insemmu xi ftit. Madankollu, dawn l-istess karatteristiċi li jagħtu l-proprjetajiet uniċi tagħhom għan-nanomaterjali huma responsabbli wkoll mill-effetti li jħallu fuq saħħet il-bniedem u l-ambjent. 

Fejn jinstabu n-nanomaterjali?

Pereżempju, in-nanomaterjali huma preżenti b'mod naturali fl-emissjonijiet tal-vulkani, jew jistgħu jkunu prodotti sekondarji tal-attvitajiet tal-bniedem bħad-dħaħen tad-dijżil jew id-duħħan tat-tabakk.  Iżda ta' interess partikolari huma n-nanomaterjali mmanifatturati. Dawn diġà jinstabu f'firxa wiesgħa ħafna ta' prodotti u applikazzjonijiet.

Xi wħud minn dawn in-nanomaterjali ilhom jintużaw għal għexieren ta' snin bħal pereżempju s-silika amorfa sintetika fil-konkrit, it-tajers u l-prodotti alimentari. Oħrajn ġew skoperti biss aktar reċetement, bħad-dijossidu tan-nano-titanju bħala aġent tal-imblukkar tal-UV fiż-żebgħa jew il-prodotti għall-protezzjoni kontra x-xemx; nano-fidda bħala anti-mikrobjali fl-applikazzjonijiet mediċi u tat-tessuti, jew in-nanotubi ta-karbonju, li jintużaw b'mod wiesa' għas-saħħa mekkanika, il-piż ħafif, il-proprjetajiet ta' dissipazzjoni tas-sħana u l-konduttività elettrika tagħhom f'applikazzjonijiet bħall-prodotti elettroniċi, il-ħażna tal-enerġija, il-vetturi tal-ispazju u l-istrutturi tal-vetturi u t-tagħmir tal-isports. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta' nanomaterjali qegħdin jiġu żviluppati b'mod rapidu u s-suq tagħhom huwa mistenni li jikber.

X'inhuwa t-tħassib dwar is-saħħa u s-sigurtà assoċjat man-nanomaterjali?

Hemm tħassib serju fir-rigward tal-effetti fuq is-saħħa tan-nanomaterjali. Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) sab li kien hemm perikoli ppruvati għas-saħħa assoċjati ma' numru ta' nanomaterjali mmanifatturati. Madankollu, mhux il-materjali kollha neċessarjament għandhom effett tossiku, u huwa meħtieġ approċċ każ b'każ filwaqt li tkompli għaddejja r-riċerka.

L-effetti l-aktar importanti tan-nanomaterjali nstabu fil-pulmuni u fost l-oħrajn jinkludu infjammazzjoni u ħsara fit-tessut, fibrożi u ġenerazzjoni ta' tumuri. Is-sistema kardjovaskulari tista' tiġi affettwata wkoll. Xi tipi ta' nanotubi tal-karbonju jistgħu jwasslu għal effetti bħal tal-asbestos. Minbarra l-pulmuni, in-nanomaterjali nstabu li jilħqu organi u tessuti oħra inkluż il-fwied, il-kliewi, il-qalb, il-moħħ, l-iskeletru u t-tessuti rotob.

Bħala riżultat tad-daqs żgħir u l-erja kbira tagħhom, in-nanomaterjali partikulati f'forma ta' trab jistgħu jippreżentaw riskju ta' splużjoni, filwaqt li l-materjali mhux raffinati rispettivi tagħhom jaf le.

Aqra r-reviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tipi u l-użi tan-nanomaterjali, inkluż l-aspetti tas-sigurtà, u l-analiżi tar-riċensjoni tal-EU-OSHA l-“Espożizzjoni għan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

Kif jiġri l-esponiment għan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol?

Il-ħaddiema jistgħu jiġu f'kuntatt man-nanomaterjali fl-istadju ta' produzzjoni. Iżda ħafna aktar ħaddiema jistgħu jkunu esposti għan-nanomaterjali fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, fejn il-ħaddiema jaf lanqas biss ikunu jafu li jkunu f'kuntatt man-nanomaterjali. Għaldaqstant huwa improbabbli li qegħdin jiġu implimentati miżuri suffiċjenti li jevitaw l-esponiment. Aqra l-analiżi tar-riċensjoni dwar il-perċezzjoni tar-riskji u komunikazzjoni tar-riskji fir-rigward tan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol.

Għalhekk l-esponiment jista' jiġri biss f'varjetà ta' ambjenti ta' postijiet tax-xogħol fejn jiġu użati, immaniġġjati jew ipproċessati n-nanomaterjali u għaldaqstant jidħlu fl-arja u jittieħdu man-nifs, jew jiġu f'kuntatt mal-ġilda; pereżempju fil-kuntesti li jvarjaw mill-kura tas-saħħa jew ix-xogħol fil-laboratorju, sal-manutenzjoni jew ix-xogħol ta' kostruzzjoni.

Sir af aktar dwar l-espożizzjoni għan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

Nimmaniġġjaw ir-riskji tan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tapplika għan-nanomaterjali, minkejja li ma tirreferix b'mod espliċitu għal dawn il-materjali.  Ta' rilevanza partikolari huma d-Direttiva Qafas 89/391/KEE, id-Direttiva dwar l-Aġenti kimiċi 98/24/KE, u d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeniċi 2004/37/KE, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi(REACH u CLP). Dan ifisser li l-impjegaturi huma mitluba jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji tan-nanomaterjali fuq ix-xogħol. Jekk l-użu u l-ġenerazzjoni tan-nanomaterjali ma jistgħux jiġu eliminati jew sostitwiti minn materjali jew proċessi anqas perikolużi, l-esponiment tal-ħaddiema għandu jitnaqqas permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni skont il-ġerarkija ta' kontroll billi tingħata prijorità lil:

  1. miżuri ta' kontroll tekniku fis-sors;
  2. miżuri organizzattivi;
  3. tagħmir ta' protezzjoni personali, bħala l-aħħar soluzzjoni.

Għalkemm għad hemm ħafna inċertezzi, hemm tħassib serju dwar il-perikli għas-saħħa u s-sigurtà tan-nanomaterjali. Għalhekk, l-impjegaturi flimkien mal-ħaddiema għandhom japplikaw approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tar-riskju fl-għażla tal-miżuri ta' prevenzjoni.

Jista' jkun diffiċli biex jiġu identifikati n-nanomatejali, is-sorsi ta' emissjoni u l-livell ta' espożizzjoni tagħhom; madankollu huma disponibbli linji gwida u għodod li jgħinu fil-ġestjoni tar-riskji tan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol.

Aqra l-pariri aktar speċifiċi tal-EU-OSHA dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati n-nanomaterjali fis-settur tal-kura tas-saħħa, u fix-xogħol ta' manutenzjoni. Organizzazzjonijiet oħra ppruduċew ukoll materjal ta' informazzjoni utli ħafna, pereżempju dwar in-nanomaterjali fil-kostruzzjoni  u fl-għamara, jew fir-riċerka u l-iżvilupp.

Sir af kif kumpaniji oħra mmaniġġjaw in-nanomaterjali mill-Eżempji tagħna ta' prattika tajba ta' ġestjoni tan-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol