L-OSH u ż-żgħażagħ

Iffukar fuq id-disturbi muskoloskeletali fost it-tfal u ż-żgħażagħ

Kont taf li ħafna disturbi muskoloskeletali (MSDs) jibdew fit-tfulija? Huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-kawżi kif ukoll il-miżuri ta' prevenzjoni minn età bikrija. Rapport ġdid tal-EU-OSHA jispjega l-fatturi ta' riskju u jisħaq fuq l-importanza ta' saħħa muskoloskeletali tajba bħala parti integrali mill-edukazzjoni. 

Il-proġett OSHVET: l-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fit-taħriġ vokazzjonali

It-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) fil-bidu nett ta’ karriera huwa essenzjali għal ħajja tax-xogħol sostenibbli. F’taqsima ġdida fuq il-web, l-EU-OSHA tispjega x’qed tagħmel biex tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fost l-għalliema u l-istudenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali (VET).

Il-proġett OSHVET: Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali

Inwasslu l-messaġġi: sħab u ambaxxaturi nazzjonali pan-Ewropej

Il-proġett għandu l-għan li jibni network estensiv billi jikkapitalizza fuq in-networks eżistenti tal-punti fokali nazzjonali tal-EU-OSHA u l-organizzazzjonijiet sħab Ewropej — l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti għat-Taħriġ Vokazzjonali (EVBB) u l-Forum Ewropew tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali (EfVET).

F’kull pajjiż, l-ambaxxaturi OSHVET, nominati minn EVBB u EfVET u megħjuna minn punti fokali nazzjonali, huma responsabbli għall-koordinazzjoni u l-promozzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett fost in-networks u ċ-ċentri ta’ edukazzjoni vokazzjonali nazzjonali tagħhom. L-ambaxxaturi OSHVET jirrapportaw ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-attività lill-EU-OSHA.

Il-proġett ġie ppilotat b’suċċess f’sitt pajjiżi - il-Belġju, il-Ġermanja, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall u Spanja - qabel ma ġie introdott b’mod usa’.

Inizjattivi Nazzjonali OSHVET

L-appoġġ għal attivitajiet OSHVET huwa disponibbli permezz tal-Għodda ta’ Għajnuna tal-Punt Fokali — FAST tal-EU-OSHA. L-eżempji li ġejjin juru l-firxa tal-inizjattivi kkoordinati mill-ambaxxaturi OSHVET u l-punti fokali nazzjonali, u li saru bħala parti mill-proġett:

  • Fil-Portugall, avveniment u kompetizzjoni tal-vidjo ppromwovew iċ-ċaqliq u l-istreċċjar bħala mod ta’ prevenzjoni tal-MSDs.
  • Fin-Netherlands, jingħataw lekċers “Safe Working with Common Sense” (Xogħol Sikur bis-Sens Komun) mill-esperti lill-kulleġġi vokazzjonali fil-pajjiż kollu.
  • Fil-Belġju, għodda bħal OiRA u Napo għall-Għalliema huma promossi permezz ta’ networks vokazzjonali, u hemm fis-seħħ pjanijiet għal proġett biex iżid is-sensibilizzazzjoni tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni.

Aħbarijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fl-Ewropa kollha - imwassla lilek minn OSHmail!

Kull xahar, il-kompilazzjoni multilingwi tal-aħbarijiet online dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) tilħaq eluf ta’ abbonati fl-Ewropa kollha permezz tal-OSHmail, il-bulettin elettroniku tagħna.

Grazzi mill-qalb lill-abbonati kollha tagħna tal-fiduċja tagħhom, l-interess kontinwu fl-OSH u l-motivazzjoni biex jaħdmu flimkien magħna sabiex nippromwovu postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa fl-Ewropa.

Iż-żgħażagħ u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Billi jkunu ġodda għall-post tax-xogħol, iż-żgħazagħ jista’ jkollhom nuqqas ta’ esperjenza u spiss ikollhom nuqqas ta’ maturità kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. Jistgħu ma jagħtux attenzjoni biżżejjed lir-riskji li jiffaċċjaw. Fatturi oħra li jqiegħdu liż-żgħażagħ f’riskju akbar jinkludu:

  • Ħiliet u taħriġ insuffiċjenti
  • Ma jkunux konxji mid-drittijiet tagħhom u mid-dmirijiet tal-impjegatur tagħhom
  • Ma jkollhomx il-kunfidenza biex jitkellmu jekk tinqala’ problema
  • Impjegaturi li ma jirrikonoxxux il-protezzjoni addizzjonali li jeħtieġu ż-żgħażagħ

L-EU-OSHA tipproduċi statistikatimmonitorja r-riskji għaż-żgħażagħ u tappoġġja l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba biex tipproteġihom fuq il-post tax-xogħol.

Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-impjegaturi

Hija r-responsabbiltà tal-impjegatur li jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-ħaddiema żgħażagħ. Għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskji qabel ma jibdew jaħdmu ż-żgħażagħ u jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jipproteġuhom.

Il-ħaddiema ż-żgħażagħ għandhom jingħataw xogħol adattat u jiġu pprovduti b’taħriġ adegwat u superviżjoni. L-impjegaturi għandhom jippromwovu kultura b’saħħitha ta’ sigurtà u jinvolvu lill-ħaddiema żgħażagħ fi kwistjonijiet ta’ sigurtà. Regoli speċjali japplikaw fir-rigward ta’ ħaddiema żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena.

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tistabbilixxi l-obbligi legali għall-impjegaturi. Dawn l-obbligi huma stabbiliti fir-regolamenti ta’ kull Stat Membru. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.

Aqra l-folja tal-fatti għall-impjegaturi.

Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema żgħażagħ

Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jistaqsu, jesprimu t-tħassib tagħhom u jirrifjutaw li jagħmlu xogħol li mhux sigur.

Fl-istess ħin, għandhom responsabbiltajiet li jsegwu l-politiki tal-OSH u jieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom stess u tal-kollegi tagħhom.

Jekk inti ħaddiem żagħżugħ u għandek problema, l-iżjed ħaġa importanti hija li tgħid lil xi ħadd. Tkellem mal-imgħallem tiegħek jekk tista’. Jekk ma tistax, tkellem mar-rappreżentant tas-sigurtà, mal-persunal tas-saħħa okkupazzjonali jew ma’ ġenitur, kustodju jew kollega li tafda. L-organizzazzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u t-trejdjunjins huma sorsi tajba għall-pariri.

  • Staqsi jekk m’intix ċert dwar xi ħaġa
  • Kun af id-drittijiet tiegħek u minn fejn tikseb l-għajnuna
  • Ifhem ir-riskji u x’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza
  • Twettaqx kompiti mingħajr taħriġ — u segwi l-proċeduri

Aqra l-folja tal-fatti għall-ħaddiema żgħażagħ.

Għajnuna għall-edukaturi u għall-ġenituri

L-edukaturi għandhom rwol importanti. Jekk jistgħu jiżviluppaw attitudni tajba għal u l-fehim tal-prevenzjoni tar-riskji fiż-żgħażagħ minn età bikrija, ikunu qed jgħinuhom jibqgħu siguri tul ħajjithom.

Bl-użu tal-karattru popolari ħafna ta’ Napo , l-EU-OSHA ħolqot serje ta’ settijiet ta’ għodod għall-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali għall-għalliema, bl-għan li tintroduċu s-suġġetti tas-saħħa u s-sigurtà lit-tfal tal-iskola primarja b’mod edukattiv, iżda ta’ gost u immaġinattiv bl-użu ta’ vidjows ta’ Napo u attivitajiet kreattivi.

L-edukaturi involuti fl-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali jew esperjenza ta’ xogħol għandhom jikkontrollaw l-arranġamenti tas-saħħa u s-sigurtà mal-impjegaturi tagħhom.

Sir af aktar dwar l-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fl-edukazzjoni.

Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw liż-żgħażagħ billi jiżguraw li dawn jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-ġenituri jistgħu jgħinu wkoll billi jitkellmu magħhom dwar ix-xogħol u l-kulleġġ u s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Aqra l-folja tal-fatti għall-ġenituri.

Id-Direttiva Qafas dwar l-OHS

Direttiva 89/391 - "Direttiva Qafas" dwar l-OHS
tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol - "Direttiva Qafas".

Fl-1989 ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas ħolqu innovazzjonijiet konsiderevoli, fosthom dawn li ġejjin:

  • It-terminu ‘ambjent tax-xogħol’ ġie stabbilit skont il-Konvenzjoni Nru. 155 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u jiddefinixxi approċċ modern li jqis tas-sikurezza tekninka u l-prevenzjoni ġenerali tal-mard.
  • Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-istess livell ta’ saħħa u sikurezza għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha (l-uniku eċċezzjonijiet huma l-ħaddiema domestiċi u ċerti servizzi militari u pubbliċi).
  • Id-Direttiva tobbliga lil min iħaddem jieħu miżuri ta’ prevenzjoni adegwati sabiex il-post tax-xogħol isir aktar f'saħħtu u sikur.
  • Id-Direttiva tintroduċi l-element ewlieni tal-prinċipju ta’ valutazzjoni tar-riskju u tiddefinixxi l-elementi ewlenin tiegħu (eż. l-identifikazzjoni tal-periklu, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem, l-introduzzjoni ta’ miżuri adegwati li jkollhom il-prijorità li jeliminaw is-sorsi tar-riskji, id-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-perikli fuq il-post tax-xogħol).
  • L-obbligu ġdid li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ prevenzjoni jisħaq b’mod impliċitu fuq l-importanza ta’ forom ġodda ta’ ġestjoni ta’ saħħa u sikurezza bħala parti mill-proċessi ta’ ġestjoni ġenerali.

Id-Direttiva Qafas kellha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali sal-aħħar tal-1992. It-trasposizzjoni fuq is-sistemi legali nazzjonali kellha riperkussjonijiet differenti fl-Istati Membri. F’ċerti Stati Membri d-Direttiva Qafas kellha konsegwenzi legali konsiderevoli minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali inadegwata, filwaqt li f’oħrajn ma kienu jenħtieġu jsiru l-ebda bidliet kbar.

Fl-2004 l-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni (COM [2004] 62) dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ wħud mid-direttivi, jiġifieri 89/391 KEE (direttiva qafas), 89/654 KEE (postijiet tax-xogħol), 89/655 KEE (tagħmir fuq il-post tax-xogħol), 89/656 KEE (tagħmir protettiv personali), 90/269 KEE (tqandil manwali ta’ tagħbija) u 90/270 KEE (tagħmir b'display screen)]. Din il-Komunikazzjoni stqarret li kien hemm evidenza li l-leġiżlazzjoni tal-UE kellha influwenza pożittiva fuq l-istandards nazzjonali tas-saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u li dan deher kemm minn fil-leġiżlazzjoni implimentattiva nazzjonali u kemm fl-applikazzjoni prattika f’intrapriżi u f'istituzzjonijiet tas-settur pubbliku.

B’mod ġenerali, ir-rapport ikkonkluda li l-leġiżlazzjoni tal-UE kienet wasslet għat-trawwim ta’ kultura ta’ prevenzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u għar-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tas-sistemi leġiżlattivi nazzjonali. Madankollu, fl-istess ħin, ir-rapport enfasizza għadd ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li kienu qegħdin iżommu lura l-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tagħha. Ir-rapport innota wkoll każi fejn kienu nfetħu proċeduri ta’ ksur.