Osservatorju Ewropew tar-Riskji

L-għan tal-Osservatorju Ewropew tar-Riskji (ERO) tal-EU-OSHA huwa li jidentifika riskji ġodda u emerġenti fis-saħħa u s-sigurtà okkupazzjoni, sabiex itejjeb il-puntwalità u l-effikaċja tal-miżuri preventivi.

Sabiex tikseb dan l-għan, l-ERO jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa, jiddeskrivi x-xejriet u l-fatturi sottostanti, u jantiċipa tibdil fix-xogħol u l-impatt li aktarx ikollu fuq is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali.

Għanijiet

Hekk kif is-soċjetà tagħna tevolvi taħt l-influwenza ta’ teknoloġija ġdida u ċaqliq fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, il-postijiet tax-xogħol tagħna, il-prattiki u l-proċessi tax-xogħol qegħdin jinbidlu kontinwament. Dawn is-sitwazzjonijiet ġodda jġibu magħhom riskji u sfidi ġodda għall-ħaddiema u għall-impjegaturi, li min-naħa tagħhom jitolbu approċċi politiċi, amministrattivi u tekniċi li jiżguraw livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-prevenzjoni effikaċi tista’ tagħmel kontribut importanti għall-għan globali tal-Ewropa 2020 tal-kisba ta’ tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll żieda fir-rata tal-impjiegi minn 69 għal 75 fil-mija. Ħafna nies joħorġu mis-suq tax-xogħol minħabba saħħa u sigurtà okkupazzjonali ħżiena, għalhekk l-antiċipazzjoni aħjar tar-riskji hija essenzjali jekk irridu li ntejbu l-prevenzjoni tar-riskji u niksbu ħajjiet tax-xogħol sostenibbli u rati ogħla tal-impjiegi.

Strateġiji Ewropej suċċessivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol identifikaw il-bżonn li nħejju għal dawn iċ-ċirkostanzi l-ġodda, u enfasizzaw li:

l-antiċipazzjoni ta’ riskji ġodda u emerġenti, kemm jekk huma marbuta mal-innovazzjoni teknika kif ukoll jekk ikkawżati mit-tibdil soċjali, hija vitali jekk irridu li nikkontrollaw ir-riskji.
Dan jeħtieġ, l-ewwel u qabel kollox, osservazzjoni kontinwa tar-riskji nfushom, abbażi tal-ġabra sistematika ta’ informazzjoni u opinjonijiet xjentifiċi.' (Strateġija Komunitarja għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol 2002-2006)

Din is-sejħa tal-istrateġija biex l-EU-OSHA tistabbilixxi Osservatorju Ewropew tar-Riskji biex iwettaq dawn il-kompiti kienet segwita mill-Istrateġija Komunitarja 2007-2012 ta’ wara, li enfasizzat l-importanza tal-antiċipazzjoni tar-riskji, u talbet lill-Osservatorju tal-Aġenzija biex jieħu firxa ta’ inizjattivi.

L-aħħar strateġija Ewropea, il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020, tkompli fuq din it-tema b’sejħa għal appoġġ għas-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tar-Riskji.

Kif jaħdem l-Osservatorju Ewropew tar-Riskji

L-ERO iżid il-valur billi jiġbor u janalizza l-informazzjoni, iqegħidha f’kuntest (b’mod partikolari fir-rigward tal-aġenda soċjali Ewropea u tal-Istrateġija Komunitarja), ifittex xejriet sabiex ‘jantiċipa t-tibdil’, u jikkomunika l-kwistjonijiet ewlenin b’mod effikaċi lill-udjenza fil-miratagħna: dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi. Aħna għandna l-għan ukoll li nistimulaw id-dibattitu u r-riflessjoni fost il-partijiet interessati tal-EU-OSHA u li nipprovdu pjattaforma għad-dibattitu bejn l-esperti u dawk li jfasslu l-politika f’diversi livelli.

L-informazzjoni meħtieġa biex nidentifikaw riskji ġodda u emerġenti tista’ tkun ġejja minn varjetà ta’ sorsi, bħal dejta minn reġistri uffiċjali, id-bibljografija tar-riċerka, it-tbassir tal-esperti jew id-dejta mill-istħarriġ. Sabiex jiġu koperti dawn is-sorsi potenzjali kollha ta’ informazzjoni, aħna norganizzaw l-attivitajiet tagħna madwar tliet oqsma bażiċi: