Kampanji preċedenti dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa

Image
Previous Healthy Workplaces Campaigns

Il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa ilhom jiġu organizzati sa mis-sena 2000, qabel taħt it-titolu ‘Ġimgħat Ewropej tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol’.

Fl-2007, it-tul ta’ kull kampanja żdied minn sena għal sentejn, bi tweġiba għall-bżonn dejjem jiżdied ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà f’livelli differenti billi tiġi pprovduta dejta, informazzjoni u għodod aċċessibbli fuq perjodu ta’ żmien iżjed sostnut.

Il-kampanji kibru minn saħħa għal saħħa, b’:

  • Netwerk usa’ u iżjed b’saħħtu ta’ partijiet interessati u ta’ sħab tal-kampanja u tal-midja impenjati lejn il-kampanja
  • Iżjed materjali tal-kampanja jiġu prodotti u mqassma jew aċċessati online
  • Kopertura tal-midja usa', li tilħaq udjenza iżjed diversa u internazzjonali
  • L-iżvilupp ta’ iżjed riżorsi u inizjattivi ġodda

Is-suċċess tal-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa, il-kapaċità tagħhom li jippenetraw fl-organizzazzjonijiet f’livelli differenti u l-effett kaskata pożittiv kemm fuq dawk li jfasslu l-politika kif ukoll dawk li jwettqu x-xogħol huma riżultat l-iżjed tal-impenn u l-isforz tal-firxa wiesgħa tan-netwerk ta’ sħab, li jiġbor fih il-profili professjonali kollha fuq firxa ta' setturi. Dan in-netwerk huwa ċentrali għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’setturi differenti madwar l-Ewropa kollha.

Aqra aktar dwar il-kampanji preċedenti

2016 - 2017: Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età

Il-kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f’Kull Età ppromwoviet l-importanza tax-xogħol sostenibbli — jiġifieri, kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u li jieħdu ħsieb is-saħħa mill-bidu sat-tmiem tal-ħajja ta’ persuna. Peress li l-forza tax-xogħol tal-Ewropa qed tixjieħ u l-etajiet tal-irtirar qed jiżdiedu, qed isir dejjem iktar importanti li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ikunu siguri, li jieħdu ħsieb is-saħħa u ġusti. Dan jippermetti li n-nies jaħdmu aktar fit-tul u jirtiraw b’saħħithom. Il-kampanja enfasizzat modi kif jiġu mmaniġġjati l-OSH fil-kuntest ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ u ħeġġet l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajba. It-tibdil demografiku jaffettwa l-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa. Madankollu, bl-introduzzjoni ta’ miżuri biex ikun żgurat li x-xogħol ikun sostenibbli, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jimminimizzaw l-effetti negattivi u jżidu l-produttività, b’hekk ix-xogħol isir aktar sigur u li jġib aktar ’l quddiem is-saħħa għal kulħadd.
Tista’ żżur is-sit web arkivjat hawnhekk.

2014 - 2015: Inqas stress għal iktar saħħa fuq ix-xogħol.

healthy workplaces campaign 2014

L-istress huwa t-tieni l-akbar problema ta’ saħħa relatata max-xogħol li spiss tiġi rrapportata fl-Ewropa u, flimkien ma’ riskji psikosoċjali oħrajn, huwa maħsub li jammonta għal aktar minn nofs (50–60 %) tal-ġranet kollha ta’ xogħol mitlufa. Ambjent ta’ xogħol psikosoċjali fqir jista’ jkollu effetti ħżiena sinifikanti fuq is-saħħa tal-ħaddiema.

Ir-riskji psikosoċjali jseħħu f’kull post tax-xogħol, iżda anki bi ftit riżorsi jistgħu jkunu vvalutati u kkontrollati b’suċċess. Din il-kampanja tipprovdi appoġġ u gwida għall-ħaddiema u għal min iħaddem fil-kontroll tal-istress relatat max-xogħol u tar-riskji psikosoċjali, u tippromwovi l-użu ta’ għodod prattiċi u faċli għall-użu sabiex tiffaċilita dan.

2012 - 2013: Naħdmu flimkien biex nevitaw ir-riskji

kampanja dwar il-postijiet tax-xogħol li jġibu 'l quddiem is-saħħa 2012

Il-kampanja tal-Aġenzija għall-2012-2013 tiffoka fuq il-prevenzjoni tar-riskju. Fi kliem sempliċi, il-prevenzjoni tirrigwarda l-ġestjoni tar-riskji relatati max-xogħol bl-għan aħħari li jitnaqqas in-numru ta' aċċidenti relatati max-xogħol u l-mard fuq il-post tax-xogħol.

Ir-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni tar-riskji hija f'idejn min iħaddem u l-maniġment superjuri, iżda l-isforzi tagħhom x'aktarx li jfallu mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema.

Għal dawn ir-raġunijiet, din il-kampanja tagħti attenzjoni partikolari għall-importanza tat-tmexxija mill-maniġment superjuri u s-sidien li jaħdmu flimkien b'parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema.

2010 - 2011: Manutenzjoni Bla Periklu


Il-manutenzjoni hija attività komuni ħafna: taffettwa kull post tax-xogħol, f'kull settur tal-industrija, u tikkonċerna lil kulħadd f'kull livell (mhux biss lill-ħaddiema li fid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom għandhom il-kelma "manutenzjoni").

Din il-kampanja enfasizzat l-importanza ta' manutenzjoni sigura bħala l-qalba ta' prattika tax-xogħol tajba għas-saħħa u s-sigurtà.

U filwaqt li d-dettalji speċifiċi jvarjaw bejn is-setturi differenti tal-industrija (skont pereżempju, it-tip speċifiku ta' makkinarju li jintuża), identifikat prinċipji li huma komuni għal manutenzjoni xierqa, fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Ewropa.

L-objettivi tal-Kampanja

  • Tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-manutenzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, ir-riskji assoċjati mal-manutenzjoni, u l-ħtieġa li din issir f’sigurtà sħiħa;
  • Tqajjem kuxjenza dwar ir-responsabbiltajiet legali u oħrajn ta’ min iħaddem li jagħmel manutenzjoni sigura, u dwar il-fatt li dan ikun jaqbel għan-negozju;
  • Tippromwovi approċċ sempliċi u strutturat lejn il-ġestjoni tal-OSH fil-manutenzjoni, ibbażat fuq evalwazzjoni tar-riskju adattata (il-‘ħames regoli bażiċi’).

L-għan aħħari, naturalment, huwa li tgħin sabiex jonqos in-numru ta’ persuni li qegħdin ikorru jew qegħdin isofru minn mard bħala riżultat ta’ manutenzjoni inadegwata jew nuqqas ta’ manutenzjoni, issa u fil-futur.

Aktar informazzjoni:

2008 - 2009: Valutazzjoni tar-riskju


Il-valutazzjoni tar-riskju hija l-pedament tal-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-għan ġenerali ta' din il-kampanja kien li tippromwovi approċċ ta' ġestjoni integrat għall-valutazzjoni tar-riskju, biex tgħin lill-organizzazzjonijiet iwettquh b'mod sistematiku, u jaġixxu skont ir-riżultati tiegħu.

Fittxet li tqajjem għarfien dwar l-obbligi legali li min iħaddem għandu jwettaq valutazzjonijiet tar-riskju, iżda anki li tiċċara l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju; valutazzjoni tar-riskju mhijiex neċessarjament ikkumplikata, burokratika jew kompitu għall-esperti biss. Hija tirrakkomanda approċċ sempliċi b'pass-pass, u anki wieħed fejn hija kkonsultata u involuta l-forza tax-xogħol.

L- għodda interattiva online tal-Valutazzjoni tar-Riskju (OiRA) tagħna hija l-wirt ta' din il-kampanja u tista' titqies bħala s-soluzzjoni tas-seklu 21 għall-isfida tal-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal mikro-impriżi u l-impriżi ż-żgħar. Il-proġett OiRA għandu l-potenzjal li jgħin lil ħafna eluf ta' kumpaniji żgħar madwar l-UE biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju b'mod sempliċi u kosteffikaċi.

Aktar informazzjoni:

2007 - 2008: L-Inizjattiva tal-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu 'l Quddiem is-Saħħa


L- Inizjattiva tal-Postijiet tax-Xogħol li jġibu 'l quddiem is-Saħħa kellha l-għan li tipprovdi lil min iħaddem u lill-ħaddiema fl-impriżi żgħar u medji (SMEs) b'aċċess faċli għall-informazzjoni dwar kif għandhom jagħmlu l-postijiet tax-xogħol tagħhom aktar siguri, aktar produttivi u li jġibu 'l quddiem is-saħħa.

Din saret fi 12-il Stat Membru Ewropew: Ċipru, ir-Repubblika Ċekka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, il-Bulgarija u r-Rumanija kif ukoll it-Turkija u l-Kroazja.

Il-kampanja kienet immirata lejn l-SMEs b'dan il-messaġġ: "Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jolqtu lil kulħadd. Tajjeb għalik. Tajjeb għan-negozju!'.

Aktar informazzjoni: OSHwiki

2007: Ħaffef il-piż (Problemi muskuloskeletali)


Il-mard muskuloskeletali (MSDs), li jaffettwa l-muskoli, il-ġogi, it-tendini, il-ligamenti u n-nervituri tal-ġisem, huwa l-akbar kawża ta' assenza mix-xogħol prattikament fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Din il-kampanja fittxet li tippromwovi approċċ ta' ġestjoni integrata għal din il-problema, b'enfażi fuq l-idea li min iħaddem, l-impjegati u l-gvern għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-MSDs.

Enfasizzat il-kunċett tal-"ġestjoni tal-piż": li pereżempju ma jiġix ikkunsidrat biss il-piż li jkun qiegħed jinġarr, iżda l-istrapazz kollu fuq il-ġisem mill-fatturi ambjentali, u l-pass li bih ikun qiegħed jitwettaq il-kompitu.

Enfasizzat ukoll l-importanza tal-ġestjoni tar-ritenzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn għax-xogħol ta' dawk li jsofru, jew li sofrew, mill-MSDs.

Aktar informazzjoni: Problemi muskuloskeletali

2006: Ibda bit-Tajjeb - Ħaddiema żgħażagħ


Din il-kampanja kienet iddedikata għall-iżgurar li ż-żgħażagħ ikollhom bidu sigur u tajjeb għall-ħajja tax-xogħol tagħhom.

Iż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli fl-ambjenti tax-xogħol, fejn ħafna drabi jkun hemm ambjent ta' saħħa u sigurtà mhux adegwat għalihom.

Madankollu, ħafna mill-aċċidenti u l-problemi tas-saħħa li jaffettwaw lill-ħaddiema żgħażagħ jistgħu jiġu evitati u ż-żgħażagħ huma riċettivi għal informazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u jaġixxu sabiex jipproteġu lilhom infushom meta jkunu jafu bil-perikli potenzjali.

Din il-kampanja kienet tinvolvi sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji fost iż-żgħażagħ u min iħaddem fil-post tax-xogħol, u anki fl-iskejjel u l-kulleġġi: tipprova tilħaq liż-żgħażagħ minn età bikrija, sabiex titrawwem fihom kultura ta' prevenzjoni tar-riskji.

Aktar informazzjoni: ħaddiema żgħażagħ

2005: Aqta' dak l-Istorbju!


Għexieren ta' miljuni ta' impjegati fl-Ewropa huma esposti għal livelli ta' storbju potenzjalment perikolużi għal mill-anqas kwart tal-ħin tagħhom fuq ix-xogħol, u mhumiex biss il-ħaddiema fl-industriji bħall-kostruzzjoni jew il-manifattura li jinsabu f'riskju.

L-istorbju jista' jkun problema f'ħafna ambjenti tax-xogħol, minn fabbriki sa rziezet, minn 'call centres' sa swali tal-kunċerti.

Din il-kampanja ffukat fuq il-kwistjoni tal-ġestjoni fuq ix-xogħol bl-islogan "L-istorbju fuq ix-xogħol - jista' jiswik iktar mis-smigħ tiegħek".

Aktar informazzjoni: OSHwiki

2004: Nibnu fis-sigurtà


Il-kostruzzjoni hija waħda mill-akbar industriji tal-Ewropa.

Sfortunatament, għandha wkoll wieħed mill-agħar rekords f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, problema li tiswa kull sena biljuni ta' Euro lin-negozji u lill-kontribwenti, minbarra t-tbatija kbira li tikkaġuna lill-bnedmin.

Din il-kampanja kienet imfassla biex tgħin lill-partijiet interessati kollha fl-industrija biex jibnu ambjent tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib 'il quddiem is-saħħa.

Aktar informazzjoni: OSHwiki

2003: Sustanzi perikolużi - Użahom bil-galbu


Madwar l-Ewropa, miljuni ta' impjegati huma esposti għal sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, u n-nuqqas ta' kontroll ta' dawn ir-riskji assoċjati jista' jagħmel ħsara lis-saħħa tal-persuni b'ħafna modi differenti.

Il-leġiżlazzjoni Ewropea tistabbilixxi l-obbligi ta' min iħaddem biex jittratta riskji bħal dawn, u hemm disponibbli ammont kbir ta' linji gwida għal min iħaddem u għall-ħaddiema, iżda jeħtieġ li tittieħed azzjoni fuq dan jekk trid tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema.

Għan ewlieni ta' din il-kampanja kien li tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji, u li tistimula azzjoni għat-tnaqqis tar-riskji tas-saħħa minħabba l-użu ta' dawn is-sustanzi perikolużi.

Aktar informazzjoni: Sustanzi perikolużi

2002: Xogħol fuq stress


L-istress huwa responsabbli għat-telf ta' miljuni ta' jiem ta' xogħol kull sena.

Wisq vittmi jsofru fis-silenzju u wisq kumpaniji ma jirrealizzawx kemm l-istress jagħmel ħsara fil-prestazzjoni tan-negozju tagħhom.

Din il-kampanja ffukat fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-istress fuq il-post tax-xogħol.

Aktar informazzjoni: Stress

2001: Is-Suċċess Mhux Inċident


Kull sena eluf ta' persuni jmutu f'aċċidenti fuq il-post tax-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea, u jkun hemm miljuni ta' aċċidenti li jwasslu għal assenzi mix-xogħol ta' aktar minn tliet ijiem.

Il-problema hija partikolarment kbira fl-impriżi żgħar u medji.

Din il-kampanja ffukat fuq il-prevenzjoni tal-aċċidenti relatati max-xogħol.

Aktar informazzjoni: Temi

2000: Agħti dahrek lill-problemi muskuloskeletali


Id-disturbi muskuloskeletali (MSDs) huma wħud mill-aktar mard komuni relatat max-xogħol, li jolqot lil miljuni ta' ħaddiema Ewropej fis-setturi kollha tal-impjiegi, bi spiża ta' biljuni ta' euro għal min iħaddem.

Madankollu, parti kbira mill-problema tista' tiġi evitata jew imnaqqsa billi jiġu segwiti regolamenti u linji gwida eżistenti tas-saħħa u s-sigurtà dwar prattika tajba.

L-ewwel waħda mill-kampanji tal-EU-OSHA ffukat fuq il-ġestjoni effettiva tar-riskji tal-MSDs.

Aktar informazzjoni: Problemi muskuloskeletali

Aktar informazzjoni: Temi

Kampanji Ewropej dwar is-SLIC

Kampanji Ewropej dwar is-SLIC mis-SLIC (Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol):