Punti ewlenin
20/11/2019

Riskji psikosoċjali u xogħol bilqiegħda: fatturi ta’ riskju rapportati ta’ spiss fl-istħarriġ tal-ESENER tal-2019

photo: Aline Dassel via https://pixabay.com/

Li jkollok tħabbat wiċċek ma’ persuni diffiċli, movimenti ripetittivi tad-dirgħajn u tal-idejn, u l-irfigħ u t-trasport ta’ persuni jew tagħbijiet tqal għadhom ta’ spiss jiġu rapportati mill-intrapriżi bħala fatturi ta’ riskju għas-saħħa tal-ħaddiema fl-Ewropa. Dan huwa skont l-ewwel sejbiet tat-tielet Stħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-3).

Is-sejbiet tal-2019 huma bbażati fuq intervisti li twettqu f’aktar minn 45,000 intrapriża ta’ kull daqs u settur fi 33 pajjiż Ewropew.

Mistoqsijiet addizzjonali inklużi fl-istħarriġ tal-2019 jitfgħu dawl ġdid fuq riskji tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) emerġenti - l-impatt tad-diġitalizzazzjoni, pereżempju, u l-importanza ta’ xogħol bilqiegħda fit-tul, li l-ESENER-3 jiżvela, huwa t-tielet l-aktar fattur ta’ riskju komuni rapportat mill-intrapriżi Ewropej.

Tqabbil mar-riżultati tal-ESENER-2 mill-2014 jidentifika xejriet fil-livell tal-pajjiżi u tal-UE, mhux biss f’fatturi ta’ riskju, iżda wkoll fil-ġestjoni tal-OSH u ta’ xprunaturi u barrieri assoċjati. Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-ġestjoni ta’ riskji psikosoċjali, pereżempju, naqset f’għadd ta’ pajjiżi minkejja li ġie rikonoxxut li approċċ parteċipattiv huwa importanti biex jiġu ttrattati dawn ir-riskji dejjem aktar prevalenti. Min-naħa l-oħra, b’mod pożittiv, il-proporzjon tal-istabbilimenti li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju żdied f’xi pajjiżi.

Dan is-sors uniku ta’ data huwa għodda imprezzabbli, imfassal biex jinforma l-iżvilupp ta’ politiki ġodda u jgħin lill-postijiet tax-xogħol jittrattaw b’mod aktar effettiv l-OSH. Firxa sħiħa ta’ pubblikazzjonijiet u għodda ġdida fjamanti għall-viżwalizzazzjoni tad-data dwar ir-riżultati tal-istħarriġ se jkunu disponibbli mill-2020 ’il quddiem

Ara aktar dwar l-ewwel sejbiet tal-ESENER-3

Żur is-sit web tagħna biex titgħallem aktar dwar ESENER