Punti ewlenin
Back to highlightsStħarriġ ġdid tal-UE jiżvela li l-istress fuq il-post tax-xogħol qed jiżdied fl-Ewropa mill-COVID-19 ’l hawn

Aktar minn 4 minn kull 10 ħaddiema (44 %) jgħidu li l-istress fuq ix-xogħol tagħhom żdied bħala riżultat tal-pandemija, skont stħarriġ tal-ħaddiema tal-EU-OSHA OSH Pulse - Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali fil-postijiet tax-xogħol wara l-pandemija.
L-EU-OSHA tippubblika s-sejbiet tal-istħarriġ biex tfakkar Il-Ġurnata Dinjija tas-Saħħa Mentali, fl-10 ta’ Ottubru. Dawn jitfgħu dawl fuq fatturi ta’ stress fuq is-saħħa mentali u fiżika għall-ħaddiema u l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) implimentati fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom.
Kważi nofs ir-rispondenti (46 %) qalu li kienu esposti għal pressjoni ta’ ħin severa jew tagħbija ta’ xogħol eċċessiva. Fatturi oħra li jikkawżaw stress jinkludu komunikazzjoni jew kooperazzjoni fqira fi ħdan l-organizzazzjoni u nuqqas ta’ kontroll fuq ir-ritmu tax-xogħol jew il-proċessi tax-xogħol. Għadd ta’ kwistjonijiet tas-saħħa relatati max-xogħol li huma normalment assoċjali mal-istress ġie rrappurtat minn proporzjon pjuttost kbir ta’ ħaddiema: 30 % tar-rispondenti rrappurtaw tal-inqas problema waħda tas-saħħa (għeja ġenerali, uġigħ ta’ ras, għeja fl-għajnejn, problemi jew uġigħ fil-muskoli) kkawżata jew aggravata mix-xogħol.
Madankollu, li wieħed jitkellem dwar is-saħħa mentali, ma għadux tabù. Skont 50 % tal-ħaddiema, il-pandemija għamlitha aktar faċli li wieħed jitkellem dwarha fuq ix-xogħol. Iżda, mhux il-ħaddiema kollha jħossuhom komdi jitkellmu dwar kif iħossuhom. Filwaqt li 59 % qalu li jħossuhom komdi jitkellmu mal-maniġer jew mas-superviżur tagħhom dwar is-saħħa mentali tagħhom, 50 % jinkwetaw li l-iżvelar ta’ kundizzjoni tas-saħħa mentali jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-karriera tagħhom.
F’dak li jikkonċerna inizjattivi u attivitajiet fuq il-post tax-xogħol għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tar-riskji, 42 % qalu li fuq il-post tax-xogħol tagħhom tingħata informazzjoni u jiġi pprovdut taħriġ dwar il-benesseri u kif wieħed jindirizza l-istress. L-aċċess għal servizzi ta’ pariri u appoġġ psikosoċjali (38 %) u għal sensibilizzazzjoni u attivitajiet oħra għall-għoti ta’ informazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza (59 %) huwa disponibbli wkoll.
- Sir af aktar dwar L-istħarriġ tal-OSH Pulse
- Aqra r- rapport, is-sommarju u r-rapporti tal-pajjiżi
- Ikseb ir-riżultati kollha tal-UE billi tagħti ħarsa lejn din l-infografika