You are here

Punti ewlenin
08/03/2018

Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa: nagħmlu s-sigurtà u s-saħħa tan-nisa fuq il-post tax-xogħol prijorità ta’ kuljum

Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8ta’ Marzu, l-EU-OSHA tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji u l-implikazzjonijiet tagħhom għan-nisa fir-rigward tal-ġestjoni tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali (OSH), b’għarfien speċjali dwar l-impjegati nisa mdaħħla fiż-żmien.

Differenzi speċifiċi għas-sessi fuq il-post tax-xogħol jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-benesseri tan-nisa fuq il-post tax-xogħol bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ prospetti fil-karriera. In-nisa, b’mod ġenerali, u speċifikament nisa mdaħħla fiż-żmien, huma wkoll esposti għal riskji differenti mill-kontropartijiet maskili tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. 

Il-karrieri tan-nisa ta’ spiss huma inqas mobbli minn tal-irġiel, u n-nisa għandhom tendenza jibqgħu f’impjiegi bi gradi baxxi u għandhom aktar probabbiltà li jagħmlu l-istess impjieg għal perjodu ta’ żmien itwal u li jagħmlu xogħol repetittiv. Hija meħtieġa ġestjoni tal-OSH aħjar biex jiġu evitati riskji, inċidenti u mard li n-nisa jaffaċċjaw fuq il-post tax-xogħol.

L-istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) qed imexxi inizjattiva ta’ tolleranza żero lejn il-fastidju sesswali u l-vjolenza sessista fuq il-post tax-xogħol. L-EU-OSHA iffirmat din id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Aġenziji tal-UE b’appoġġ għas-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-impjegati kollha ibbażata fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-trattament indaqs fuq il-post tax-xogħol.

Aqra aktar fl-entrata tal-blog tagħna dwar l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa.

Ara l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali