L-esponiment għal sustanzi perikolużi huwa ħafna iktar komuni fil-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa milli bosta nies jimmaġinaw. Is-sustanzi perikolużi fuq ix-xogħol jistgħu jikkawżaw firxa wiesgħa ta’ problemi tas-saħħa u mard, kif ukoll joħolqu riskji għas-sigurtà. Il-kampanja tal-2018-19 għandha l-għan li toħloq sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji maħluqa minn sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol u li tippromwovi kultura ta’ prevenzjoni tar-riskji.
L-għanijiet tal-kampanja
- Li żżid l-għarfien dwar l-importanza tal-prevenzjoni tar-riskji minn sustanzi perikolużi, sabiex b’hekk tgħin fit-tneħħija tan-nuqqas ta’ fehim li jiġri spiss.
- Li tippromwovi l-valutazzjoni tar-riskji billi tipprovdi informazzjoni dwar għodod prattiċi u toħloq opportunitajiet għall-qsim tal-prattiki tajba, b’enfażi speċifika fuq:
- l-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol
- il-ġerarkija tal-miżuri preventivi (jiġifieri billi ssegwi l-ġerarkija spjegata fil-leġiżlazzjoni sabiex dejjem jintgħażel l-aktar tip effettiv ta’ miżura).
- Li ssaħħaħ l-għarfien dwar ir-riskji marbutin mal-esponimenti għall- karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol billi tappoġġja l-iskambju ta’ prattiki tajba; l-EU-OSHA hija firmatarja tal-patt ta’ impenn favur il- Pjan Direzzjonali tal-UE dwar il-Karċinoġeni.
- Li timmira gruppi ta’ ħaddiema bi ħtiġijiet speċifiċi u b’livelli għolja ta’ riskji billi tipprovdi informazzjoni apposta kif ukoll eżempji ta’ prattiki tajba. Ir-riskju jista’ jkun ogħla minħabba li dawn il-ħaddiema jkunu mingħajr esperjenza, ma jkunux infurmati jew ikunu fiżikament aktar vulnerabbli, jew minħabba li jibdlu l-impjieg tagħhom b’mod frekwenti, jew jaħdmu f’setturi fejn l-għarfien dwar din il-kwistjoni jkun baxx, jew minħabba sensittività fiżjoloġika ogħla jew differenti (eż. f’apprendisti taż-żgħażagħ, jew differenzi bejn l-irġiel u n-nisa).
- Li żżid l-għarfien dwar il-qafas leġiżlattiv li diġà hemm fis-seħħ sabiex jipproteġi lill-ħaddiema, kif ukoll li tixħet dawl fuq l-iżviluppi fil-politiki.
Raġunament
Minkejja ħafna leġiżlazzjoni maħsuba mmirata biex tipproteġi lill-ħaddiema minn sustanzi perikolużi, dawn għadhom jippreżentaw riskji għas-sigurtà u għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Għadd kbir ta’ nies fl-Unjoni Ewropea huma esposti għal sustanzi perikolużi fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, peress li ħafna drabi l-perikli ma jkunux viżibbli jew mifhuma tajjeb — jistgħu jkunu kkawżati minn dħaħen jew trab, jew l-esponimenti jistgħu jiġru b’mod aċċidentali — jista’ jkun li ma jiġux indirizzati b’mod xieraq. Ħafna drabi ma tittieħed ebda azzjoni qabel ma jkun tard wisq.
Billi jaħdmu flimkien, il-maniġment u l-ħaddiema jistgħu jibnu kultura qawwija ta’ prevenzjoni tar-riskji fejn is-sostituzzjoni tkun parti mir-rutini tal-prevenzjoni u l-protezzjoni. Valutazzjoni kompleta tar-riskji hija pass kruċjali fil-proċess kollu.
Avvenimenti tal-kampanja
Uħud mid-dati ewlenin tal-kampanja huma:
- Laqgħa tas-sħubija tal-UE: Marzu 2018
- Tnedija tal-kampanja u t-Tnedija tal-Premji għall-Prattika Tajba: April 2018
- Il-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol: Ottubru 2018
- Premju tal-Films Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa: Novembru 2018
- Avveniment ta’ Skambju ta’ Prattika Tajba: It-tieni kwart tal-2019
- Il-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol: Ottubru 2019
- Premju tal-Films Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa: Novembru 2019
- Is-Summit dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa u ċ-Ċerimonja tal-Premjijiet għal Prattika Tajba: Novembru 2019
Min jista’ jieħu sehem? Kif tista’ tinvolvi ruħek?
Kull min huwa interessat fis-sigurtà u fis-saħħa fuq il-post tax-xogħol huwa aktar milqugħ li jieħu sehem. B’mod partikolari, aħna nħeġġu lill-gruppi li ġejjin biex isemmgħu leħinhom favur il-kampanja:
- il-punti fokali tal-EU-OSHA u n-netwerks tagħhom;
- is-sħab soċjali (Ewropej u nazzjonali);
- il-kumitati settorjali dwar id-djalogu soċjali;
- dawk li jfasslu l-politika (Ewropea u nazzjonali);
- l-intrapriżi kbar, il-federazzjonijiet settorjali u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs;
- l-istituzzjonijiet Ewropej u n-netwerks tagħhom (Netwerk Enterprise Europe);
- organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej;
- il-professjonisti fil-qasam tal-OSH u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;
- il-komunità ta’ riċerka dwar l-OSH;
- l-ispettorati tax-xogħol u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;
- il-midja.
Hemm kull xorta ta’ modi kif tista’ tinvolvi ruħek. Pereżempju, inti (jew l-organizzazzjoni tiegħek) tista’:
- tqajjem kuxjenza billi tiċċirkola l-materjal tal-kampanja;
- torganizza avvenimenti u attivitajiet;
- tuża u tippromwovi l-għodod prattiċi;
- issir sieħeb uffiċjali tal-kampanja;
- iżżur is-sit elettroniku tal-kampanja u ssegwi l-hashtag tal-kampanja #EUhealthyworkplaces fuq il-midja soċjali (Facebook, Twitter u LinkedIn).
Għajnuna prattika
Tista’ ssib għażla kbira ta’ riżorsi fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-kampanja fuq www.healthy-workplaces.eu, inklużi:
- gwida tal-kampanja komprensiva;
- sensiela ta’ folji ta’ informazzjoni dwar suġġetti prijoritarji;
- għodda elettronika prattika li toffri gwida dwar il-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi fuq ix-xogħol;
- bażi tad-data bi studji fuq każi, għodod u materjali oħra dwar prattiki tajbin;
- preżentazzjonijiet, powsters, fuljetti u infografiji li jistgħu jintużaw biex jippromwovu l-kampanja;
- l-għodda tal-kampanja li tappoġġjak fl-attivitajiet tal-kampanja tiegħek;
- bażi tad-data b’materjal awdjoviżiv li jqajjem sensibilizzazzjoni u filmati animati bil-karattru Napo;
- links utli.