Network Enterprise Europe
In-Network Enterprise Europe (EEN) jgħin lin-negozji biex jinnovaw u jikbru fuq skala internazzjonali. Huwa l-akbar network ta’ appoġġ fid-dinja għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b’ambizzjonijiet internazzjonali.
In-Network huwa attiv fuq livell dinji. Jgħaqqad flimkien esperti minn organizzazzjonijiet membri li huma magħrufa għall-eċċellenza tagħhom fl-appoġġ ta’ negozji.
Il-Proġett dwar Sħubija fil-Komunikazzjoni (CPP) għandu l-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni tal-importanza tal-OSH għall-SMEs u biex dawn jingħataw aċċess faċli għal informazzjoni prattika u kuntatti utli fil-livelli nazzjonali u reġjonali, fosthom laqgħat ta’ sħubija nazzjonali, pakketti ta’ sensibilizzazzjoni u attivitajiet oħra bħall-Premjijiet għall-OSH tal-EEN.
Il-membri tal-EEN huma wħud mis-sħab ewlenin li jgħinu lill-EU-OSHA tilħaq l-objettivi tagħha, flimkien mad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW), il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-SMEs (EISMEA) u l-punti fokali nazzjonali tal-EU-OSHA.
Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs:
Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) huwa s-servizz tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-tlestija tas-suq intern għal prodotti u servizzi; jgħin lill-UE biex issir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva; għat-trawwim tal-intraprenditorija u t-tkabbir billi jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji ż-żgħar; għall-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-appoġġ għall-aċċess għas-swieq globali għall-kumpaniji tal-UE; u l-ħolqien ta’ politika dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, il-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-UE u n-negozjati fis-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), u l-assistenza lill-innovaturi dwar kif jużaw b’mod effettiv id-drittijiet tal-PI.
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA):
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA) ġiet stabbilita fl-1 ta’ April 2021 bil-għan li tissaħħaħ l-innovazzjoni fis-suq uniku, billi jinħolqu sinerġiji qawwija biex jiġi appoġġat l-irkupru tal-ekonomija Ewropea u l-attivitajiet kollha tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u l-programmi relatati mal-SMEs jiġu raggruppati f’Aġenzija waħda.
L-Aġenzija hija, tabilħaqq, responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u tiġġestixxi programmi oħra tal-UE fl-oqsma tal-appoġġ għall-SMEs, l-ekosistemi tal-innovazzjoni, is-suq uniku, il-politika tal-konsumatur u l-investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni.
L-Ambaxxaturi tan-Network Enterprise Europe fil-qasam tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u r-rwol tagħhom
L-EEN ilu mill-2009 jikkoopera mal-EU-OSHA biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-OSH fost l-SMEs u l-mikrointrapriżi. Biex iwettaq dan il-kompitu, l-EEN jinnomina Ambaxxaturi fil-qasam tal-OSH fil-livell tal-pajjiż. Ir-rwol tagħhom jinkludi l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet, il-promozzjoni tal-OSH għall-SMEs fil-livell nazzjonali u r-rappurtar lura lill-EU-OSHA darba fis-sena dwar l-attivitajiet ta’ OSH tagħhom.
Fl-2021, il-programm ġie estiż għal sitt pajjiżi mhux tal-UE (jiġifieri pajjiżi li jirċievu assistenza finanzjarja taħt l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA): l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija) u ġew innominati l-Ambaxxaturi tal-EEN fil-qasam tal-OSH taħt l-IPA.
Ara l-lista sħiħa tal-Ambaxxaturi tal-EEN fil-qasam tal-OSH
Fi ħdan is-CPP, ir-rwol tal-Grupp Ta’ Ħidma dwar is-Sħubiji ta’ Komunikazzjoni (Communication Partnership Working Group, CPWG), li huwa magħmul minn tliet punti fokali nazzjonali, tliet Ambaxxaturi tal-EEN fil-qasam tal-OSH u rappreżentanti tal-EU-OSHA, tad-DĠ GROW u tal-EIASME, huwa prinċipalment biex jipprovdi parir strateġiku u espert dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija tal-EU-OSHA dwar is-sħubiji ta’ komunikazzjoni.
Il-Premju tan-Network Enterprise Europe għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Fil-qafas tal-Kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa tal-aġenzija, l-għan tal-Premju għall-OSH tal-EEN huwa biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-OSH għall-SMEs u biex dan l-aspett jiġi promoss. Il-membri tal-EEN tas-27 Stat Membru, kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u l-pajjiżi tal-IPA, huma mistiedna jressqu għal rikonoxximent kwalunkwe proġett tagħhom li għandu l-għan li jippromwovi s-saħħa u s-sigurtà b’mod aħjar fuq il-post tax-xogħol fl-SMEs u li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin: attivitajiet u avvenimenti li jippromwovu l-OSH; il-bini ta’ networks; u l-komunikazzjoni u pubblikazzjonijiet stampati u online.