You are here

 
31/03/2017

Il-ġestjoni ta᾽ siti web multilingwi - eżempju ta᾽ prattika tajba

Fit-30 ta᾽ Marzu 2017, tliet aġenziji - l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)  u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)  - irċevew  il-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba fil-kategorija ta᾽ Eċċellenza fit-twassil ta᾽ servizzi ffokati fuq il-konsumatur/iċ-ċittadin għal proġett innovattiv żviluppat b᾽mod konġunt biex jiffaċilita l-ġestjoni tat-traduzzjoni ta᾽ siti web multilingwi.

Il-Multilingwiżmu huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi l-ugwaljanza taʼ kull lingwa u r-rispett għad-diversità lingwistika u kulturali. It-traduzzjoni hija l-pont bejn in-nazzjonijiet u bejn l-aġenziji Ewropej u ċ-ċittadini tal-UE li huma jaqdu.

Madankollu, il-ġestjoni ta᾽ sit web multilingwi f᾽aktar minn 25 lingwa hija sfida u wieħed ma jistax jaħrab mill-fatt li l-manutenzjoni u l-ispejjeż huma kwistjonijiet reali. It-timijiet tat-teknoloġija tal-lingwa u tal-komunikazzjoni u l-web li laqgħu din l-isfida fi tliet aġenziji tal-UE ikkollaboraw fi proġett innovattiv li jagħmel l-operat ta᾽ siti web multilingwi ħafna aktar maniġġabbli.

L-għodda ta᾽ ġestjoni tat-traduzzjoni li tirriżulta hija integrata bis-sħiħ mas-sistemi u l-għodod operattivi tas-CDT, u tippermetti proċess tat-traduzzjoni simplifikat u kontrollat, mill-għażla tal-kontenut għar-reviżjoni u l-approvazzjoni tat-traduzzjoni tiegħu. L-aġenziji jistgħu jikkontrollaw aħjar l-istatus u l-ispejjeż tat-traduzzjonijiet u ntwera li anki aġenziji żgħar jistgħu jmexxu b᾽suċċess siti web multlingwi li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni fl-UE kollha.

Dan is-softwer ġie ppubblikat bħala sors miftuħ għal Drupal, u għaldaqstant huwa aċċessibbli għal kwalunkwe individwu jew kumpanija li trid tmexxi sit web multilingwi, b᾽xi adattament.

Il-multilingwiżmu huwa fundamentali għall-Unjoni Ewropea u huwa wieħed mill-motivaturi ewlenin tal-EU-OSHA bħala mexxej rikonoxxut fil-promozzjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa.