Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tiġi kondiviża bejn il-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u tiġi ttrasferita bejn Stat Membru u ieħor kull sitt xhur, fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. L-uffiċċju tal-Presidenza jinvolvi responsabbiltà sinifikanti: l-Istat Membu ospitanti jippresjedi l-laqgħat tal-Kunsill tal-UE, wieħed mill-korpi ewlenin ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, matul il-mandat tiegħu. Barra minn hekk, il-Presidenza hija responsabbli biex tiżgura li l-Istati Membri jaħdmu f’armonija, jinnegozjaw kompromessi meta jkun hemm bżonn, u jaġixxu dejjem fl-interess tal-UE kollha kemm hi.

Il-programm ta’ ħidma tal-Presidenza jiġi kondiviż bejn tliet Stati Membri (it-“trio tal-Presidenza”) fuq perjodu ta’ 18-il xahar. Il-Presidenza tistabbilixxi miri ddettaljati li hija trid tilħaq matul il-perjodu tal-mandat tagħha u, mal-membri l-oħrajn tat-trio tal-Presidenza, objettivi iktar fit-tul li b’mod realistiku ma jkunux jistgħu jintlaħqu f’sitt xhur biss.

Żur is-sit web tal-Kunsill tal-UE għal aktar informazzjoni dwar il-Presidenza attwali.