Benefiċċju għal kulħadd: is-sħab jgħinu lill-EU-OSHA tixpruna xogħol diġitali sigur u li jġib ’il quddiem is-saħħa

Press releases

Back to press releases
Hold on for press release until 28/02/2024 - 01:00 For immediate release - 28/02/2024 - 01:00

Benefiċċju għal kulħadd: is-sħab jgħinu lill-EU-OSHA tixpruna xogħol diġitali sigur u li jġib ’il quddiem is-saħħa

Aktar minn 90 organizzazzjoni ngħaqdu flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u l-Kampanja ta’ Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (HWC) għall-2023-25 biex jiġi żgurat li l-bniedem jitqiegħed fiċ-ċentru tad-diġitalizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Billi jissieħbu f’“Xogħol sigur u li jġib ’il quddiem is-saħħa fl-era diġitali” bħala sħab uffiċjali tal-kampanja, huma għandhom rwol essenzjali fis-suċċess tal-kampanja filwaqt li jgawdu minn diversi vantaġġi u opportunitajiet.

Is-sħab tagħna huma l-ixprun wara s-suċċess tal-Kampanja ta’ Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa. L-għarfien espert u l-impenn tagħhom biex jiżguraw il-benesseri tal-ħaddiema u l-kompetittività tan-negozju jamplifikaw il-messaġġ, u d-diversità kbira tagħhom tiżgura li dan jilħaq il-biċċa l-kbira tas-setturi u l-pajjiżi fl-Ewropa kollha. Bil-fiduċja kemm tal-EU-OSHA kif ukoll tan-networks tagħha, huma jagħtu eżempju ewlieni għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-era diġitali.

William Cockburn
Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA

L-EU-OSHA tilqa’ s-sħab uffiċjali tal-kampanja (OCPs) — organizzazzjonijiet minn varjetà ta’ setturi madwar l-Ewropa inklużi kumpaniji u assoċjazzjonijiet kemm mid-dominji pubbliċi kif ukoll minn dawk privati. Filwaqt li ħafna minnhom irritornaw biex jaffermaw mill-ġdid id-dedikazzjoni tagħhom għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) fl-Ewropa, ħafna oħrajn ġodda ddeċidew li jingħaqdu wkoll. Kollha kemm huma jispiraw u jħeġġu lill-oħrajn biex jimmaniġġjaw b’suċċess forza tax-xogħol sigura u li ġġib ’il quddiem is-saħħa f’dinja dejjem aktar diġitalizzata.

Bħala sħab tal-kampanja, huma jipparteċipaw b’mod attiv billi jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet diretti mal-ħaddiema, jorganizzaw u jipparteċipaw f’workshops, żjarat fuq il-post u skrinjar tal-films, joħolqu modi innovattivi għat-tixrid ta’ sensibilizzazzjoni permezz ta’ formati ġodda bħal stejjer jew podcasts, kif ukoll jikkollaboraw ma’ sħab oħra.

Il-kampanja tal-2020-22 dwar id-disturbi muskoloskeletali rat lis-sħab uffiċjali tal-kampanja jinvolvu ruħhom fi 393 attività u jimplimentaw kważi 1000 azzjoni ta’ sensibilizzazzjoni. Ċifri simili huma mistennija minn din il-kampanja, li tibda b’żewġ avvenimenti ta’ “Skambju ta’ Prattika Tajba” li se jseħħu fl-2024 u li huma organizzati mill-OCPs Boehringer Ingelheim fil-Ġermanja u ZF fil-Portugall għas-sħab tagħhom. Dawn l-attivitajiet joffrulhom l-opportunità li jikkooperaw, jaqsmu l-prattiki tajba tal-OSH u jiddiskutu approċċi strateġiċi u ta’ politika biex jindirizzaw it-tħassib dwar l-OSH.

Għall-impenn tagħhom, is-sħab igawdu viżibbiltà akbar, aċċess esklużiv għall-għodod u l-materjali tal-kampanja, opportunitajiet ta’ networking u parteċipazzjoni f’avvenimenti u inizjattivi oħra ta’ kondiviżjoni tal-għarfien.

Il-kampanja se tiġi appoġġjata wkoll min-network siewi tal-EU-OSHA ta’ punti fokali, ambaxxaturi tal-EEN OSH u sħab tal-media, lesti biex jamplifikaw il-messaġġi tal-kampanja u jżidu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-kanali differenti tagħhom.

Notes to editor:

Dwar il-Kampanji fuq Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa

Dwar il-Kampanji fuq Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa

Il-kampanji dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa huma fil-qalba tal-missjoni tal-EU-OSHA lejn postijiet tax-xogħol aktar siguri u aktar b’saħħithom madwar l-Ewropa. Huma waħda mill-attività ewlenija ta’ sensibilizzazzjoni tal-aġenzija, li twassal messaġġ ċentrali: Is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jikkonċernaw lil kulħadd. Tajjeb għalik. Tajjeb għall-kumpanija. Sa mis-sena 2000, il-kampanji issa saru l-akbar tat-tip tagħhom fid-dinja. Ħafna informazzjoni u riżorsi fil-forma ta’ gwidi u għodod prattiċi huma disponibbli għal kwalunkwe organizzazzjoni jew kumpanija li jħarsu lejn it-titjib tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Il-kampanji jinkludu miri ewlenin, inklużi l-Premjijiet ta’ Prattika Tajba u l-Premju tal-Films għal Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa li jirrikonoxxu u jiċċelebraw kontribuzzjonijiet eċċezzjonali fil-promozzjoni tal-OSH, kif ukoll il-Ġimgħat Ewropej għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, li jsiru kull Ottubru.

Edizzjonijiet preċedenti ffukaw fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ disturbi muskoloskeletali (MSDs) relatati max-xogħol, l-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi u l-promozzjoni ta’ postijiet tax-xogħol li jieħdu ħsieb is-saħħa f’kull età. 

Dwar l-EU-OSHA

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, X (Twitter), LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

https://osha.europa.eu/mt