L-istħarriġ il-ġdid juri li r-radjazzjoni UV u l-emissjonijiet tad-diżil huma l-aktar esponimenti frekwenti għar-riskju tal-kanċer fil-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa

Press releases

Back to press releases
Hold on for press release until 20/11/2023 - 09:00

L-istħarriġ il-ġdid juri li r-radjazzjoni UV u l-emissjonijiet tad-diżil huma l-aktar esponimenti frekwenti għar-riskju tal-kanċer fil-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa

Illum, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) qed tniedi l-ewwel sejbiet tal-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema għal fatturi ta’ riskju tal-kanċer (WES) fl-Ewropa, li sar fost eluf ta’ ħaddiema f’sitt Stati Membri tal-UE biex jipprovdi data preċiża li tista’ tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kanċer okkupazzjonali. 

Din hija l-ewwel darba li għandna studju li jikkunsidra l-esponiment kombinat u li jilħaq ħaddiema li normalment ma jkunux koperti, bħal dawk li jaħdmu għal rashom jew impjegati f’organizzazzjonijiet mikro u żgħar, f’kull tip ta’ okkupazzjoni. Ċertament se jikkontribwixxi għat-titjib tal-miżuri preventivi u għall-aġġornament tal-politika bbażata fuq l-evidenza.

William Cockburn
Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA

Kull sena, il-karċinoġeni jikkontribwixxu għal madwar 100,000 mewta okkupazzjonali bil-kanċer fl-UE skont il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2021-27. Biex tiġi indirizzata din il-problema fuq il-post tax-xogħol, huwa fundamentali li jkun hemm data attwali u affidabbli dwar l-esponiment tal-ħaddiema għal riskji li jistgħu jwasslu għall-marda. Il-WES ġie żviluppat biex jiġi stmat l-esponiment probabbli tal-ħaddiema għal 24 fattur magħruf ta’ riskju tal-kanċer, li jinkludu sustanzi kimiċi industrijali, sustanzi u taħlitiet iġġenerati minn proċess, u fatturi ta’ riskju fiżiku. 

L-aktar esponimenti okkupazzjonali probabbli frekwenti identifikati kienu r-radjazzjoni ultravjola solari (UV), l-emissjonijiet tal-egżost mill-magni diżil, il-benżen, is-silika kristallina respirabbli (RCS) u l-formaldeid. L-istħarriġ ikkunsidra wkoll l-individwi li kellhom esponimenti multipli matul l-aħħar ġimgħa tax-xogħol tagħhom qabel l-istħarriġ, li jfisser esponiment għal mill-inqas żewġ fatturi ta’ riskju tal-kanċer, li mhux neċessarjament iseħħu fl-istess ħin jew matul l-istess proċess ta’ ħidma. Id-data turi li aktar minn 60 % tal-ħaddiema f’attivitajiet fil-minjieri u barrieri u f’attivitajiet ta’ kostruzzjoni kellhom diversi esponimenti.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, William Cockburn, iddikjara: “L-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema l-ġdid jinvestiga bir-reqqa d-data rilevanti li se tgħinna nifhmu x-xenarju attwali tal-esponiment għar-riskju tal-kanċer fuq il-postijiet tax-xogħol. Din hija l-ewwel darba li għandna studju li jikkunsidra l-esponiment kombinat u li jilħaq il-ħaddiema li normalment ma jkunux koperti, bħal dawk li jaħdmu għal rashom jew impjegati f’organizzazzjonijiet mikro u żgħar, f’kull tip ta’ okkupazzjoni. Ċertament se jikkontribwixxi għat-titjib tal-miżuri preventivi u għall-aġġornament tal-politika bbażata fuq l-evidenza”.

Il-kwestjonarji ġew applikati għal individwi li għandhom 15-il sena jew aktar, li jaħdmu fis-setturi kollha tal-attività ekonomika fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fi Spanja, fi Franza, fl-Ungerija u fil-Finlandja. L-istħarriġ seta’ jiġbor 24,402 intervisti validi għall-analiżi. L-informazzjoni mill-istudju tista’ tappoġġa proposti futuri possibbli għal emenda għad-Direttiva dwar is-Sustanzi Karċinoġeni, Mutaġeni u Tossiċi għar-Riproduzzjoni, u tavvanza l-azzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. Barra minn hekk, tista’ ttejjeb il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol, speċjalment il-kanċer, li huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar l-OSH 2021-27.

Ir-riżultati tal-istħarriġ se jiġu mnedija f’diversi fażijiet. L-ewwel sejbiet qed jiġu ppreżentati għall-ewwel darba matul il-konferenza “Preventing Work-Related Cancer” (Il-Prevenzjoni tal-Kanċer Relatat max-Xogħol), li se ssir bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru f’Madrid, Spanja. L-avveniment huwa parti mill-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni, inizjattiva li se tibbenefika wkoll mid-data pprovduta mill-WES, peress li tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji mill-esponiment għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol u tiskambja prattiki tajbin bejn il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet.

Ħoloq:

Notes to editor:

Stħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema għal fatturi ta’ riskju tal-kanċer (WES) fl-Ewropa

L-Istħarriġ dwar l-Esponiment tal-Ħaddiema għal fatturi ta’ riskju tal-kanċer (WES) fl-Ewropa għandu l-għan li jipprovdi data attwali u affidabbli dwar l-esponiment tal-ħaddiema għal riskji li jistgħu jwasslu għal din il-marda. Il-kanċer huwa waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa li jiffaċċjaw il-postijiet tax-xogħol Ewropej, u l-istħarriġ huwa għodda fundamentali biex tiġi indirizzata din il-problema. Permezz tal-WES, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tista’ tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-tfassil tal-politika, u fl-aħħar mill-aħħar tgħin fil-ġlieda kontra l-kanċer okkupazzjonali.

Dwar l-EU-OSHA

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, X (Twitter), LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

https://osha.europa.eu/mt