Stqarrijiet għall-istampa
GĦAL RILAXX IMMEDJAT - 21/10/2019 - 01:30

Ingħaqad mal-EU-OSHA biex tiċċelebra l-Gimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

Bejn l-21 u l-25 ta’ Ottubru, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u n-netwerk tagħha ta’ sħab jiċċelebraw pass sinifikanti fil-Kampanja ta’ Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa. Il-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol timmira lejn is-sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u tippromwovi l-prevenzjoni tar-riskju attiva u parteċipattiva. Il-Ġimgħa Ewropea ta’ din is-sena tappoġġa l-kampanja attwali — Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi

Skont studju tal-Ewrobarometru, li wettaq stħarriġ fost kważi 28,000 persuna fi 28 pajjiż, 65 % jinsabu mħassba dwar l-esponiment tagħhom għall-kimiċi perikolużi. Huwa hawnhekk li l-għodda elettronika tal-EU-OSHA dwar is-sustanzi perikolużi tista’ tgħin. Filwaqt li tintuża bla ħlas, din tipprovdi lill-impjegaturi l-pariri u l-appoġġ li għandhom bżonn biex jimmaniġġaw b’mod effettiv is-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol. 

Miljuni ta’ ħaddiema fl-Ewropa kollha spiss jiġu f’kuntatt ma’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u l-użu ta’ sustanzi bħal dawn qed jikber. Dan l-esponiment jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-ħaddiema u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu fuq medda twila ta’ żmien, għalhekk il-prevenzjoni hija estremament importanti. Mijiet ta’ avvenimenti u attivitajiet organizzati biex tkun iċċelebrata l-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jimmiraw lejn is-sensibilizzazzjoni ta’ din il-kwistjoni u jħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattika biex tiġi żgurata l-prevenzjoni effettiva tar-riskji.

Christa Sedlatschek, id-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, temmen li huwa essenzjali li l-kumpaniji Ewropej kollha jkollhom aċċess għall-għarfien u r-riżorsi li jeħtieġu biex itejbu l-ġestjoni tar-riskju tagħhom u tenfasizza r-rwol pivotali li l-Kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa kellha biex tiżgura dan: ‘Skont studju tal-Ewrobarometru, li wettaq stħarriġ fost kważi 28,000 persuna fi 28 pajjiż, 65 % jinsabu mħassba dwar l-esponiment tagħhom għall-kimiċi perikolużi. Huwa hawnhekk li l-għodda elettronika tal-EU-OSHA dwar is-sustanzi perikolużi tista’ tgħin. Filwaqt li tintuża bla ħlas, din tipprovdi lill-impjegaturi l-pariri u l-appoġġ li għandhom bżonn biex jimmaniġġaw b’mod effettiv is-sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol.’ 

L-għodda elettronika interattiva — maħluqa b’mod speċifiku għall-intrapriżi mikro u żgħar (MSEs) — tgħin lin-negozji biex jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskji dwar l-użu tagħhom ta’ sustanzi perikolużi u tipprovdilhom pariri imfasslin apposta dwar il-prattika tajba u kif japplikaw miżuri effettivi fuq il-post tax-xogħol. Numru impressjonanti ta’ 26,000 żjara kien irreġistrat mit-tnedija tal-għodda f’Mejju 2018, u hija mfassla l-Iżlanda, in-Norveġja u il-Portugall. 

L-EU-OSHA taħdem mill-qrib man-netwerk ta’ sħab estensiv tagħha biex tippromwovi l-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u tiżgura s-suċċess tagħha. L-Aġenzija tirringrazzja l-punti fokali nazzjonali, is-sħab uffiċjali tal-kampanja u s-sħab tal-midja tagħha b’mod partikolari għall-appoġġ tagħhom, li huwa essenzjali għas-suċċess tal-Ġimgħa Ewropea.

Il-punti fokali nazzjonali organizzaw varjetà wiesgħa ta’ avvenimenti matul il-ġimgħa. Avvenimenti li jagħlqu l-kampanja nazzjonali biex jirrieżaminaw il-punti ewlenin tal-kampanja, jiskambjaw il-prattika tajba u jirriflettu fuq it-tagħlimiet li ttieħdu jinżammu fl- Awstrija, fil- Litwanja, fl-Italja u fis- Slovakkja.

 Fi Spanja, konferenza f’Barċelona tiffoka fuq it-tnaqqis tal-esponiment għall-karċinoġeni, filwaqt li workshop f’Madrid jenfasizza l-importanza ta’ kultura qawwija għall-prevenzjoni tar-riskji fil-ġestjoni tas-sustanzi perikolużi. U konferenza fil-Finlandja tiddiskuti l-immaniġġar sigur ta’ aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol u toffri pariri prattiċi lill-parteċipanti.

 

Aktar minn hekk, is-sħab tal-kampanja, is-sħab tal-midja u s-sostenituri impenjati jorganizzaw ħafna avvenimenti iżgħar fl-Ewropa kollha, u kollha għandhom l-istess għan — li jnaqqsu r-riskji minn sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa.

 

Involvi ruħek!

Kulħadd — minn impjegati u impjegaturi sa esperti tal-OSH u l-partijiet ikkonċernati — jistgħu jipparteċipaw fil-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Biex tgħin tippromwovi postijiet tax-xogħol aktar siguri u aktar b’saħħithom, inti tista’:

 

  • tniżżel u tqassam ir-riżorsi tal-kampanja li huma bla ħlas;
  • torganizza avveniment jew attività fiż-żona tiegħek;
  • issegwina fuq il-midja soċjali permezz ta’ #EUhealthyworkplaces u tikkondividi posts u materjali promozzjonali;
  • tipparteċipa f’avvenimenti u f’kompetizzjonijiet.

 

Links:

Noti lill-editur: 
1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, Twitter, LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

http://osha.europa.eu

2.

Il-kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi 2018-19 toħloq sensibilizzazzjoni dwar is-sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol u tipprovdi informazzjoni dwar kif jiġu evitati r-riskji assoċjati magħhom. Il-kampanja tiffoka b’mod partikolari fuq il-ħaddiema bi ħtiġijiet speċifiċi u timmira gruppi li huma partikolarment sensittivi għar-riskji, bħalma huma l-ħaddiema migranti u ż-żgħażagħ. Bħal Kampanji Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa preċedenti, din hija kkoordinata fuq livell nazzjonali minn punti fokali tal-EU-OSHA u appoġġjata minn sħab uffiċjali tal-kampanja u sħab tal-midja.

Il-kampanja tnediet f’April 2018. Dati ewlenin fil-kalendarju tal-kampanja jinkludu l-Ġimgħat Ewropej għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Ottubru 2018 u 2019) u ċ-ċerimonji tal-Premju tal-Films Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2018 u 2019). Il-kampanja sejra tagħlaq bis-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2019), meta dawk kollha li jkunu kkontribwixxew għall-kampanja jingħaqdu mal-EU-OSHA biex jivvalutaw il-kisbiet tal-kampanja u t-tagħlimiet li nkisbu minnha.