Stqarrijiet għall-istampa
GĦAL RILAXX IMMEDJAT - 12/11/2019 - 14:00

Is-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa jippromwovi l-aħjar prattika għall-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol

Illum, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tilqa’ l-partijiet ikkonċernati Ewropej dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) f’Bilbao, Spanja, għas-Summit 2019 dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa. Wara kampanja oħra ta’ suċċess ta’ sentejn, dan is-summit jipprovdi l-opportunità perfetta biex nirriflettu fuq it-tagħlimiet meħuda u nikkondividu l-aħjar prattika għall-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol.

Rajna livell ta' involviment li qatt ma kien ntlaħaq qabel fil-kampanja tal-2018–2019. Ġew oganizzati aktar minn 350 attività mill-punti fokali tal-EU-OSHA f’aktar minn 30 pajjiż li involvew aktar minn 17,000 parteċipant.

Esperti ewlenin tal-OSH u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mill-Ewropa kollha jingħaqdu mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-punti fokali nazzjonali tal-EU-OSHA, is-sħab uffiċjali tal-kampanja, is-sħab tal-midja u s-sħab soċjali biex jirriflettu dwar il-kisbiet u t-tagħlimiet meħuda mill-kampanja 2018-19 Il-Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi. Billi jagħmlu dan, jikkondividu l-għarfien u l-aħjar prattika u jesploraw strateġiji futuri għall-prevenzjoni effettiva u għall-ġestjoni sostenibbli tas-sustanzi perikolużi.

Ħafna ħaddiema Ewropej huma esposti għal sustanzi perikolużi ta’ kuljum, u l-użu ta’ kimiċi perikolużi qed jiżdied. L-aħħar stħarriġ tagħna ESENER-3 tal-2019 jikkonferma li 38 % tal-intrapriżi Ewropej jirrappurtaw sustanzi kimiċi jew bijoloġiċi potenzjalment perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. [1] Il-kampanja 2018-19 tal-EU-OSHA rnexxielha ħafna żżid s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji li jinħolqu għall-ħaddiema u biex tippromwovi kultura ta’ prevenzjoni.

Christa Sedlatschek, id-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, tenfasizza d-determinazzjoni tal-Aġenzija li toħloq kultura ta’ prevenzjoni tar-riskju u kif dan ġie rifless fis-suċċess tal-kampanja:

"Kien hemm livell ta' involviment li qatt ma rajna qabel fil-kampanja tal-2018–2019. Ġew organizzati aktar minn 350 attività mill-punti fokali tal-EU-OSHA f’aktar minn 30 pajjiż li involvew aktar minn 17,000 parteċipant. Is-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu jimmarka t-tmiem ta’ din il-kampanja ta’ suċċess, li se titkompla aktar billi nipprovdu għodod u gwida prattiċi lill-udjenzi tagħna u bl-involviment kontinwu tagħna fil-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni."

Workshops paralleli — organizzati biex iħeġġu diskussjoni fost id-delegati — jiffukaw fuq:

  • il-miżuri ta’ prevenzjoni biex jitnaqqas l-esponiment għal karċinoġeni fuq ix-xogħol
  • prattiki tajbin u interventi
  • il-ġestjoni sostenibbli u s-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-proċessi ta' produzzjoni
  • l-isfidi futuri għal prevenzjoni effettiva 

Il-qofol tas-summit huwa ċ-ċerimonja tal-Premjijiet għal Prattika Tajba għal Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa, li tiċċelebra l-kontributi innovattivi tal-intrapriżi biex itejbu l-OSH u l-promozzjoni tal-aħjar prattika. Din is-sena, 10 organizzazzjonijiet ġew ippremjati u mfaħħra għall-approċċi proattivi u sostenibbli tagħhom biex jipproteġu lill-ħaddiema minn sustanzi perikolużi.

Fid-diskors ewlieni, Greet Schoeters mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tat il-perspettiva tagħha dwar kif nistgħu nużaw it-tagħlimiet tal-passat biex ninformaw u ntejbu l-prattika futura.

Is-sessjoni finali tal-avveniment tagħti ħarsa lejn it-tħejjijiet li hemm għaddejjin bħalissa għall-kampanja 2020-22 — Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jnaqqsu l-Piż. Din il-kampanja — l-ewwel waħda li damet għaddejja 3 snin — timmira lejn is-sensibilizzazzjon dwar il-mard muskoloskeletali relatat max-xogħol (MSDs) u tippromwovi l-ġestjoni u l-prevenzjoni ta' din il-kwistjoni mifruxa u rilevanti ħafna.

Is-summit jiġi trażmess live online, u s-sessjonijiet kollha paralleli se jiġu rrekordjati u jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-EU-OSHA.

Links:

[1] L-ewwel sejbiet — It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar l-Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-3), EU-OSHA, 2019, li għandu jiġi ppubblikat aktar tard fl-2019

Noti lill-editur: 
1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, Twitter, LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

http://osha.europa.eu

2.

Il-kampanja Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi 2018-19 toħloq sensibilizzazzjoni dwar is-sustanzi perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol u tipprovdi informazzjoni dwar kif jiġu evitati r-riskji assoċjati magħhom. Il-kampanja tiffoka b’mod partikolari fuq il-ħaddiema bi ħtiġijiet speċifiċi u timmira gruppi li huma partikolarment sensittivi għar-riskji, bħalma huma l-ħaddiema migranti u ż-żgħażagħ. Bħal Kampanji Postijiet tax-Xogħol li jġibu ’l quddiem is-Saħħa preċedenti, din hija kkoordinata fuq livell nazzjonali minn punti fokali tal-EU-OSHA u appoġġjata minn sħab uffiċjali tal-kampanja u sħab tal-midja.

Il-kampanja tnediet f’April 2018. Dati ewlenin fil-kalendarju tal-kampanja jinkludu l-Ġimgħat Ewropej għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Ottubru 2018 u 2019) u ċ-ċerimonji tal-Premju tal-Films Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2018 u 2019). Il-kampanja sejra tagħlaq bis-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa (Novembru 2019), meta dawk kollha li jkunu kkontribwixxew għall-kampanja jingħaqdu mal-EU-OSHA biex jivvalutaw il-kisbiet tal-kampanja u t-tagħlimiet li nkisbu minnha.