Stqarrijiet għall-istampa
GĦAL RILAXX IMMEDJAT - 17/09/2019 - 01:30

Premjijiet ta’ Prattika Tajba għal Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa jenfasizzaw eżempji ta’ kif għandhom jiġu ġestiti sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol

L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tħabbar eżempji ta’ organizzazzjonijiet ippremjati u mfaħħra li jieħdu approċċ innovattiv biex jindirizzaw b’suċċess ir-riskji kkawżati minn sustanzi perikolużi, bħala parti mill-14-il kompetizzjoni tagħha tal-Premjijiet ta’ Prattika Tajba. Il-premjijiet jirrikonoxxu organizzazzjonijiet b’impenn eċċellenti lejn is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) u jippromwovu prattiki li jipproteġu lill-ħaddiema u jagħtu spinta lill-produttività.

L-eżempji rebbieħa ġejjin minn intrapriżi u organizzazzjonijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ daqsijiet u minn diversi setturi, kollha b’għan komuni: li tinħoloq kultura ta’ prevenzjoni u li l-ħaddiema jiġu protetti minn sustanzi perikolużi.

Il-kompetizzjoni tal-2018–19 hija parti ewlenija mill-kampanja tal-EU-OSHA dwar Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw Is-sustanzi Perikolużi. Dr Christa Sedlatschek, id-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, ikkummentat dwar il-mertu tal-premjijiet: “Ninsabu kuntenti ħafna b'dan l-għadd kbir ta' eżempji tassew b'saħħithom u varjati ta’ prattika tajba ta’ sikurezza u saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ sustanzi perikolużi. L-eżempji rebbieħa ġejjin minn intrapriżi u organizzazzjonijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ daqsijiet u minn diversi setturi, kollha b’għan komuni: li tinħoloq kultura ta’ prevenzjoni u li l-ħaddiema jiġu protetti minn sustanzi perikolużi."

Sitt organizzazzjonijiet ġew ippremjati:

  • il-kumpanija farmaċewtika Ċeka VAKOS XT, a.s., li ħadmet mal-Ministeru tal-Intern biex tiżviluppa programm ta’ miżuri biex tipproteġi lill-persunal tas-servizz pubbliku mill-esponiment għal narkotiċi illegali waqt azzjonijiet tal-pulizija f’laboratorji illegali ta’ drogi, eċċ.;
  • Eiffage Infrastructures, kumpanija kbira Franċiża fis-settur tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tat-toroq li żviluppat teknika ġdida biex telimina kompletament l-użu ta’ solventi perikolużi fil-laboratorji analitiċi tagħha;
  • l-Assoċjazzjoni Federali Ġermaniża ta’ Snajja tal-Vitrara, li żviluppat u ffaċilitat l-implimentazzjoni ta' teknika sikura u ekonomika għall-immaniġġjar ta’ materjali li fihom l-asbestos;
  • Peluquería Elvira, salon żgħir tal-parrukiera u tas-sbuħija li elimina sustanzi perikolużi u ttrasforma wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’salons oħra madwar Spanja;
  • Atlas Copco Industrial Technique AB, kumpanija tal-manifattura mill-Iżvezja li rawmet kultura ta’ parteċipazzjoni u kollaborazzjoni u implimentat miżuri kollettivi biex tipproteġi lill-ħaddiema minn nanotubi tal-karbonju potenzjalment perikolużi;
  • negozju żgħir tal-biedja fin-Netherlands, Mansholt BV, li, b'kollaborazzjoni mal-korp settorjali nazzjonali għall-OSH, implimenta firxa ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi biex jipproteġi lill-ħaddiema minn trab perikoluż.

Ġew imfaħħra erba' organizzazzjonijiet oħra: l-Uffiċċju tal-Ombuds ta’ Vjenna għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Awstrija; il-kumpanija tal-kostruzzjoni BAM Ireland, l-Irlanda; Gorenje, d.d., kumpanija tal-manifattura Slovena; u l-British Occupational Hygiene Society, ir-Renju Unit.

Ir-reġistrazzjonijiet l-ewwel ġew iġġudikati fuq livell nazzjonali u sa żewġ rebbieħa minn kull pajjiż ġew innominati għall-kompetizzjoni pan-Ewropea. Il-ġurija Ewropea ħarset lejn kif ġew implimentati prattiki tajba, kif kienet twettqet valutazzjoni tar-riskju u kif ġie segwit il-prinċipju STOP — jiġifieri, kif ittieħed approċċ ġerarkiku għall-prevenzjoni, il-prijoritizzazzjoni tas-sostituzzjoni, segwit minn miżuri tekniċi, organizzattivi u, finalment, protettivi personali. Il-ġurija kkunsidrat ukoll jekk l-interventi jwasslux għal titjib reali u dimostrabbli fl-OSH permezz ta’ approċċ olistiku li jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-impenn tal-maniġment. L-interventi magħżula huma sostenibbli maż-żmien, trasferibbli għal organizzazzjonijiet jew Stati Membri oħra, u jmorru lil hinn mir-rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali.

Biex tiċċelebra l-kontributi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa u biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-prattiki tajbin implimentati, kull waħda mill-organizzazzjonijiet ippremjati ser tirċievi trofew u kull waħda mill-organizzazzjonijiet imfaħħra ser tirċievi ċertifikat waqt ċerimonja speċjali fis-Summit dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa f'Bilbao f'Novembru.

Aqra aktar dwar l-applikazzjonijiet ippremjati u mfaħħra fil-Ktejjeb tal-Premjijiet ta’ Prattika Tajba

Żur is-sit web Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi

Noti lill-editur: 
1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, Twitter, LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

http://osha.europa.eu