Stqarrijiet għall-istampa
GĦAL RILAXX IMMEDJAT - 05/11/2019 - 08:00

Il-Premju tal-Films għall-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa jingħata lil Bird Island fil-festival taċ-ċinema internazzjonali ta’ Dok Leipzig

Ir-rebbieħ ta’ din is-sena huwa Bird Island ta’ Sergio da Costa u Maya Kosa mill-Iżvizzera. Mill-2009, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) ippreżentat il-Premju tal-Films għall-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa kull sena fil-Festival Internazzjonali ta’ Leipzig għad-Dokumentarji u l-Films (DOK Leipzig) biex tippremja films innovattivi dwar suġġetti relatati max-xogħol.

Il-ġurija kienet impressjonata mill-“approċċ intelliġenti, empatiku u anke umoristiku għall-fraġilità tal-bniedem” tal-film, li joħloq “analoġija li tolqtok mill-qrib bejn l-irkupru tal-għasafar feruti u r-riabilitazzjoni tal-protagonist ewlieni”.

Il-film rebbieħ juri żagħżugħ, Antonin, li jbati minn għeja bħala riżultat ta’ marda fit-tul, u jsegwih hekk kif jibda jaħdem f’santwarju tal-għasafar. Il-film jgħaqqad ir-rappurtar ta’ Antonin fil-format ta’ djarju mal-filmat fi stil ta’ dokumentarju tal-interazzjonijiet tiegħu mal-kollegi u mal-għasafar li qed jirkupraw. Ir-riżultat huwa storja li tolqtok mill-qrib dwar ir-riabilitazzjoni b’paċenzja u b’kura, irrakuntata b’mod minimalist iżda b’saħħtu.

Il-ġurija kienet impressjonata mill-“approċċ intelliġenti, empatiku u anke umoristiku għall-fraġilità tal-bniedem” tal-film, li joħloq “analoġija li tolqtok mill-qrib bejn l-irkupru tal-għasafar feruti u r-riabilitazzjoni tal-protagonist ewlieni”.

Il-Premju tal-Films għall-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa jirrikonoxxi d-diretturi b’talent li jitfgħu dawl fuq ir-riskji u l-isfidi li n-nies jiffaċċjaw fuq il-post tax-xogħol illum l-ġurnata. L-għan huwa li jitħeġġu d-diskussjonijiet tant meħtieġa dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH). Id-dokumentarju jew il-film animat rebbieħ huwa magħżul għar-rappreżentazzjoni kreattiva tiegħu ta’ kwistjonijiet importanti marbuta mal-OSH, inklużi:

  • il-benesseri fiżiku u mentali tal-ħaddiema;
  • l-effetti tal-bidla politika u ekonomika fl-ambjent tax-xogħol;
  • id-drittijiet tal-ħaddiema;
  • gruppi li qed jiffaċċjaw sfidi partikolari, bħal ħaddiema migranti jew li qed jikbru fl-età.

L-EU-OSHA hija kburija li tappoġġa l-premju, li jqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-OSH u jfittex li jippromwovi kultura ta’ prevenzjoni fl-Ewropa kollha. Kull sena, id-direttur tal-film rebbieħ jingħata premju ta’ EUR 5 000. Il-film ingħata sottotitli b’diversi lingwi Ewropej u tqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta’ pjattaforma elettronika għan-netwerk ta’ punti ċentrali nazzjonali tal-EU-OSHA, li jorganizzaw wirjiet tal-film.

Il-films innominati din is-sena jkopru numru ta’ kwistjonijiet topiċi u importanti. Pereżempju, il-film Taljan Never Whistle Alone jagħti ħarsa lejn l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fil-post tax-xogħol modern; My English Cousin jitfa’ dawl fuq l-esperjenzi tax-xogħol ta’ migrant Alġerin fir-Renju Unit; Taste of Hope jsegwi l-ħaddiema huma u jiffurmaw koperattiva u jieħdu f’idejhom il-fabbrika tat-te Franċiża fejn jaħdmu; u l-film mimli tensjoni Nothing to Be Afraid Of jiddokumenta x-xogħol ta’ ħames nisa li jwettqu x-xogħol perikoluż tat-tneħħija tal-minjieri fl-Azerbajġan.

DOK Leipzig, li huwa pjattaforma importanti għad-dokumentarji u l-films animati, jattira aktar minn 47,000 viżitatur kull sena. Il-festival jippreżenta aktar minn 300 film minn aktar minn 50 pajjiż u jorganizza aktar minn 100 premier fid-dinja u fuq livell internazzjonali, u jħeġġeġ dibattitu dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi.

Links:

Noti lill-editur: 
1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, Twitter, LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

http://osha.europa.eu