Stqarrijiet għall-istampa
GĦAL RILAXX IMMEDJAT - 08/05/2020 - 01:45

ESENER 2019 jiżvela l-akbar tħassib għall-postijiet tax-xogħol Ewropej – id-disturbi muskoloskeletali u r-riskji psikosoċjali

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tniedi r-riżultati tal-iStħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER) tal-2019 lejlet Jum l-Ewropa. Is-sejbiet jipprovdu stampa aġġornata ta’ kif il-postijiet tax-xogħol Ewropej bħalissa jimmaniġġjaw is-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali (OSH). Sommarju tal-politika jippreżenta s-sejbiet ewlenin tal-istħarriġ, u jitfa’ dawl fuq il-fatturi ta’ riskju ewlenin irrapportati mill-postijiet tax-xogħol, ir-riskji emerġenti u xi xejriet inkwetanti.

Is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jibqgħu essenzjali f’dawn iż-żminijiet kritiċi u aktar ma l-kumpaniji jagħtu attenzjoni għal dan, aktar ikunu jistgħu jirkupraw malajr mill-effetti tal-pandemija.

Filwaqt li kkummenta dwar l-Istħarriġ, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit qal: “Il-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema, il-kumpaniji, u s-soċjetà inġenerali saru saħansitra aktar vitali f’dawn l-aħħar xhur. Ma hemm l-ebda dubju li t-tħassib imressaq f’dan l-istudju ġie aggravat mill-kriżi tal-Covid19. Hemm bżonn li nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali tal-ħaddiema u nindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni, minħabba ż-żieda qawwija reċenti fit-telexogħol. Il-qafas tal-istrateġija dwar l-OSH li jmiss se jipprovdi l-opportunità li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.”

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EU-OSHA, Dr Christa Sedlatschek, tenfasizza li “matul il-kriżi attwali tal-coronavirus, in-negozji kollha, irrispettivament mid-daqs, qegħdin jiffaċċjaw theddid ekonomiku serju. Iżda s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jibqgħu essenzjali f’dawn iż-żminijiet kritiċi u aktar ma l-kumpaniji jagħtu attenzjoni għal dan, aktar ikunu jistgħu jirkupraw malajr mill-effetti tal-pandemija. ESENER huwa riżors siewi, li dawk li jfasslu l-politika u l-postijiet tax-xogħol jistgħu jużaw sabiex jiżguraw prevenzjoni bbażata fuq l-evidenza effettiva”.

Is-sejbiet jiżvelaw li d-disturbi muskoloskeletali (MSDs) u r-riskji psikosoċjali huma l-kwistjonijiet li l-aktar jiġu rrapportati mill-postijiet tax-xogħol Ewropej. Movimenti repetittivi tal-idejn jew tad-dirgħajn (irrapportati minn 65 % tal-postijiet tax-xogħol fl-UE27_2020), pożizzjoni bilqiegħda għal ħin twil (61 %) – punt ġdid fl-istħarriġ – u l-fatt li wieħed ikollu jiffaċċja klijenti, pazjenti, studenti, eċċ. diffiċli (59 %) huma l-aktar tliet riskji li jiġu rrapportati.

L-istħarriġ iħares ukoll lejn kif il-kumpaniji jindirizzaw dawn ir-riskji u jidentifika xi xejriet inkwetanti. Pereżempju, minkejja l-proporzjon għoli ta’ postijiet tax-xogħol li jirrapportaw riskji ta’ MSD, mill-2014 ’l hawn kien hemm tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ postijiet tax-xogħol li jadottaw miżuri biex jevitawhom. Barra minn hekk, 29 % biss tal-kumpaniji jgħidu li jintervjenu biex iwaqqfu lill-impjegati li jaħdmu sigħat eċċessivament twal biex jimmaniġġjaw ir-riskji psikosoċjali.

Xi kumpaniji jirrapportaw li ma għandhom l-ebda fattur ta’ riskju. Dan huwa partikolarment minnu għan-negozji ż-żgħar – aktar ma tkun żgħira l-intrapriża, aktar ikun probabbli li tirrapporta li ma jkollha l-ebda fattur ta’ riskju, b’mod partikolari fatturi ta’ riskju psikosoċjali, li jenfasizza nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni inkwetanti dwar dan it-tip ta’ riskju. In-nuqqas ta’ rieda li wieħed jitkellem b’mod miftuħ dwar kwistjonijiet tidher li hija l-ostaklu ewlieni għall-indirizzar ta’ dawn ir-riskji.

ESENER 2019 juri biċ-ċar kwistjonijiet ta’ tħassib oħra tal-OSH. Aktar minn terz tal-postijiet tax-xogħol tal-UE jirrapportaw li ma għandhom l-ebda tip ta’ rappreżentanza tal-impjegati u aktar minn terz jirrapportaw nuqqas ta’ ħin jew ta’ persunal bħala ostaklu għall-ġestjoni tal-OSH. Bejn l-2014 u l-2019, il-proporzjon tal-postijiet tax-xogħol li rrapportaw żjara mill-ispettorat tax-xogħol fit-3 snin preċedenti naqas fi kważi l-pajjiżi kollha.

Il-kwistjoni emerġenti tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ġiet inkluża għall-ewwel darba f’ESENER 2019. Dan juri, pereżempju, li 24 % biss tal-postijiet tax-xogħol li jużaw teknoloġija diġitali rrapportaw li ddiskutew l-impatt potenzjali ta’ teknoloġiji bħal dawn fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema tagħhom. B’fokus fuq l-impatti possibbli li ġew diskussi, il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu biex il-ħiliet jinżammu aġġornati jiġi l-ewwel (77 % tal-postijiet tax-xogħol fl-UE27_2020), segwita minn pożizzjoni bilqiegħda għal ħin twil (65 %) u aktar flessibbiltà għall-impjegati f’termini tal-post tax-xogħol u tal-ħinijiet tax-xogħol (63 %).

Il-proġetti tal-EU-OSHA dwar id-diġitalizzazzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li dawk li jfasslu l-politika u l-postijiet tax-xogħol għandhom l-informazzjoni li jeħtieġu biex jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tal-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li jipproteġu lill-impjegati. Id-diġitalizzazzjoni se tkun ukoll il-fokus tal-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol Li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa tal-2023 tal-EU-OSHA, hekk kif l-Aġenzija tingħaqad mas-sħab tagħha biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet u r-riskji assoċjati mad-diġitalizzazzjoni.

Links:

Noti lill-editur: 
1.

It-tielet edizzjoni tal-iStħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER 2019) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) ġabret tweġibiet dwar il-ġestjoni tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali (OSH) u r-riskji fuq il-post tax-xogħol mingħand dawk li jafu l-aktar dwar is-sigurtà u s-saħħa fil-kumpanija tagħhom.

Fir-rebbiegħa/sajf tal-2019, 45,420 post tax-xogħol li jimpjegaw mill-inqas ħames persuni mis-setturi kollha fi 33 pajjiż – l-UE-27, kif ukoll l-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit – ipparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Il-kwestjonarju baqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dak li ntuża għal ESENER 2014, għall-finijiet ta’ paragun; madankollu, ġiet inkluża taqsima ġdida dwar id-diġitalizzazzjoni.

Id-data nġabret prinċipalment permezz ta’ intervistar personali assistit minn telefon (CATI) u l-kampjuni ta’ referenza nazzjonali ngħataw spinta fi tliet pajjiżi, iffinanzjati mill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi: l-Irlanda (+ 1 250), in-Norveġja (+ 450) u s-Slovenja (+ 300).

2.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tikkontribwixxi biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, aktar produttiv u li jġib aktar ’il quddiem is-saħħa. L-Aġenzija tirriċerka, tiżviluppa u tqassam informazzjoni affidabbli, ibbilanċjata u imparzjali dwar is-saħħa u s-sigurtà u torganizza kampanji pan-Ewropej ta’ sensibilizzazzjoni. Stabbilita mill-Unjoni Ewropea fl-1994 u bbażata f’Bilbao, Spanja, l-Aġenzija ġġib flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-esperti ewlenin f’kull wieħed mill-Istati Membri u lil hinn minnhom.

Issa tista' ssegwina fuq Facebook, Twitter, LinkedIn, YouTube jew tabbona għall-bulettin tagħna ta' kull xahar OSHmail. Tista' tirreġistra wkoll għal aħbarijiet u informazzjoni regolari mill-EU-OSHA permezz ta' RSS feeds.

http://osha.europa.eu