Min huma l-benefiċjarji tal-ħidma tal-Eu-OSHA?

Intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju

L-EU-OSHA ġiet stabbilita b’għan sempliċi u sinifikanti: biex tagħmel lill-Ewropa post tax-xogħol aktar sigur, li jġib ’il quddiem aktar is-saħħa u aktar produttiv. L-objettiv tagħha hu li żżid l-għarfien u tqajjem sensibilizzazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol u tippromwovi titjib fl-OSH, filwaqt li tilħaq lil dawk li jfasslu l-politika, lin-negozji u lill-postijiet tax-xogħol u tipprovdi informazzjoni awtoritattiva u għodod prattiċi.

Intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jiffurmaw il-biċċa l-kbira tan-negozji fl-Ewropa, bl-intrapriżi mikro weħidhom jammontaw għaċ-ċifra sorprendenti ta’ 95 %. Għaldaqstant, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u b’mod partikolari intrapriżi mikro u żgħar (MSEs), huma l-udjenza ewlenija tal-EU-OSHA: dawn mhux biss jammontaw għal aktar min-nofs il-forza tax-xogħol tal-UE iżda jsofru minn perċentwal għoli b’mod disproporzjonat ta’ aċċidenti u ta’ problemi oħrajn tal-OSH. Filwat li intrapriżi ikbar qed ikomplu jinvestu aktar f’politiki tal-OSH, mid-dehra dan hu nieqes f’ħafna SMEs, probabbilment minħabba nuqqas perċeput jew reali ta’ riżorsi u skambju spiss fqir ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni effettiva tal-OSH.

 © EU-OSHA Photo Competition 2009 / Georgy Velichkov

Fl-2001, wara li rrikonoxxiet li l-SMEs kienu l-‘mutur’ tal-Ewropa u kienu jeħtieġu appoġġ, l-UE introduċiet skemi ta’ finanzjament. Fuq stedina tal-Parlament Ewropew, l-EU-OSHA laqgħet dawn l-iskemi u stabbilixxiet skema parallela, li damet għaddejja mill-2001 sal-2003.

Fl-ewwel sena biss tal-iskema, din appoġġat 51 proġett, b’għotjiet li varjaw minn EUR 25 000 sa EUR 190 000 u li b’kollox ammontaw għal EUR 5 miljun. Aktar minn nofs miljun SME ibbenefikaw mill-inizjattiva u ngħataw aktar minn 15 000 siegħa ta’ korsijiet ta’ taħriġ u seminars dwar is-sensibilizzazzjoni tar-riskju u l-prattika tajba. Kif kien mistenni, kompliet tikber il-popolarità tal-iskema u, fit-tieni sena tagħha, 700 000 SME ibbenifikaw minnha.

Dawn l-iskemi ta’ finanzjament ippermettew li l-Aġenzija tilħaq ħafna SMEs fl-Ewropa kollha fis-snin bikrin tagħha u mhux biss tqajjem sensibilizzazzjoni tal-OSH iżda tgħolli il-profil tal-Aġenzija fost l-intrapriżi li tfittex li tappoġġa.

L-MSEs jibqgħu wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-ħidma tal-EU-OSHA. Filwaqt li evolvew mill-Ġimgħa Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, li l-Aġenzija ilha tmexxi sa mis-sena 2000, u, sussegwentement, il-kampanji annwali ta’ informazzjoni dwar l-OSH, il-Kampanji dwar il-Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l quddiem is-Saħħa ewlenin tal-EU-OSHA saru parti kbira ħafna fl-isforzi tagħha biex tilħaq negozji żgħar. Dawn il-kampanji ta’ sentejn għandhom l-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni ta’ suġġetti pertinenti relatati mal-OSH permezz ta’ skambju ta’ prattika tajba u l-produzzjoni u t-tixrid ta’ materjal ta’ informazzjoni u għodod prattiċi u riżorsi. Il-materjal kollu tal-kampanji huwa mfassal b’mod li jkun faċli biex jinftiehem u jintuża mingħajr ħlas, u b’hekk huwa intiż għall-ħtiġijiet ta’ negozji żgħar, li jista’ jkollhom diffikultà biex jallokaw ħin u flus għall-OSH.

L-ewwel waħda minn dawn il-kampanji ta’ sentejn, li tnediet fl-2008, iffokat fuq il-valutazzjoni tar-riskju, li tissottolinja l-prattika effettiva kollha tal-OSH. Bħala parti minn dan, twieldet il-pjattaforma tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA). L-OiRA hija intiża speċifikament biex tgħin lill-MSEs. Din tippermetti l-ħolqien ta’ għodod settorjali bbażati fuq il-web li jippermettu li r-riskji jkunu vvvalutati u ġestiti b’mod effettiv. L-OiRA issa għenet ħafna eluf ta’ kumpaniji żgħar biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskji b’mod sempliċi u kosteffettiv.

© EU-OSHA - Il-konferenza ta’ livell għoli tal-EU-OSHA dwar is-sigurtà u s-saħħa fl-MSEs - 19 ta’ Ġunju 2018, Brussell

F’Ġunju 2018, l-EU-OSHA ospitat konferenza fi Brussell dwar it-titjib tal-OSH fin-negozji żgħar tal-Ewropa. L-UE, il-partijiet ikkonċernati nazzjonali u dawk internazzjonali ddiskutew il-konklużjonijiet tal-proġett SESAME (Intrapriżi Żgħar u Mikro Siguri) fuq tliet snin. Rakkomandazzjoni ewlenija kienet l-impenn tal-partijiet ikkonċernati kollha, u l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom, meta jippruvaw jilħqu lill-MSEs. Il-proġett ipproduċa wkoll varjetà kbira ta’ eżempji ta’ prattika tajba, imfasslin apposta għall-ħtiġijiet tal-MSEs f’aktar minn 60 settur.

Min iktar?

Filwaqt li l-SMEs huma l-udjenza ewlenija fil-mira tal-ħidma tal-EU-OSHA, dawn żgur mhumiex biss l-uniċi benefiċjarji. Oħrajn jinkludu:

  • dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali
  • ħaddiema u impjegaturi u r-rappreżentanti tagħhom
  • professjonisti u riċerkaturi tal-OSH
  • gvernijiet nazzjonali.

Jidher ċar li n-numru ta’ benefiċjarji tal-ħidma tal-UE-OSHA huwa enormi. Madankollu l-għan tal-Aġenzija jibqa’ ċar u kruċjali bħal qatt qabel: li tagħmel il-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa aktar siguri, li jġibu aktar ’l quddiem is-saħħa u jkunu aktar produttivi.