L-EU-OSHA tħares lura 25 sena lejn it-twaqqif tagħha

Fl-2019, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), tiċċelebra 25 sena li matulhom bniet u mmobilizzat b'suċċess netwerk pan-Ewropew ta' sħab, li huma lkoll impenjati biex jagħmlu l-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa aktar siguri, tajbin għas-saħħa u produttivi.

Is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema huma parti integrali mis-sigurtà tal-bniedem … Xogħol sigur mhuwiex biss politika ekonomika tajba, iżda dritt bażiku tal-bniedem.
Kofi Annan, diskors fil-Jum ta' Tifkira tal-Ħaddiema, New York, 28 ta' April 2002

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) ilhom jiffurmaw parti integrali mill-proġett Ewropew sa mill-bidu nett tiegħu. Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) li nħolqot fl-1951, li kienet il-pedament ta' dik li aktar tard saret il-Komunità Ekonomika Ewropea u mbagħad l-Unjoni Ewropea (UE), laqqgħet flimkien l-industriji tal-faħam u tal-azzar tal-Ewropa fi sforz biex tissewwa Ewropa li kienet maqsuma u jiġi segwit futur kollaborattiv. Permezz ta' dan, f'daqqa waħda, tnejn mill-aktar ambjenti tax-xogħol perikolużi ta' dak iż-żmien tqiegħdu fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Dan ta bidu għal wieħed mill-objettivi ewlenin tal-KEFA: li tiżgura "l-ugwaljanza u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema" fl-industriji msemmija hawn fuq.

Madankollu, kien biss wara l-1985 li l-approċċ tripartitiku għall-OSH qabad ir-ritmu fl-Ewropa. Bis-saħħa tal-inizjattiva ta' Jacques Delors, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ta' dak iż-żmien, il-kunċett ta' "djalogu soċjali" ngħata mandat kostituzzjonali fl-UE, li witta t-triq għall-pubblikazzjoni tad-Direttiva Qafas (89/391/KEE) fl-1989, li tiċċelebra t-30 anniversarju tagħha fl-2019. Dan l-istadju importanti sinifikanti għall-OSH mhux biss stabbilixxa rekwiżiti minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fl-UE, iżda qiegħed il-kunċett rivoluzzjonarju tal-valutazzjoni tar-riskju fil-qalba tagħha.

Wara d-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni Ewropea nediet kampanja madwar l-Ewropa kollha li kellha l-għan li verament tixħet l-attenzjoni fuq l-OSH u l-effetti negattivi ta' ambjenti tax-xogħol mhux siguri: hija ddikjarat l-1992 bħala s-Sena Ewropea għas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Dan sar b’reazzjoni għaċ-ċifri xokkanti mill-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa — 4 miljun aċċident fuq il-post tax-xogħol, li 8,000 minnhom kienu fatali, ġew irrappurtati kull sena fil-bidu tas-snin disgħin, li swew lill-Ewropa EUR 20 miljun. Is-Sena Ewropea kellha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-OSH u l-leġiżlazzjoni rilevanti u li tenfasizza x-xogħol li kien qed isir biex jitjiebu l-istandards tas-sigurtà.

Is-Sena Ewropea tal-1992 u l-volum ta' leġiżlazzjoni li dejjem kien qed jiżdied dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol stabbilixxew is-sisien għall-ħolqien ta' aġenzija ddedikata għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol — l-EU-OSHA.

Id-deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-Aġenzija saret f'Summit tal-Kunsill f'Ottubru 1993, u sussegwentement fl-1994 ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 2062/1994 li jistabbilixxi l-EU-OSHA, b'emenda żgħira li tidħol fis-seħħ fl-2019. 

Kienet esperjenza meraviljuża li ffurmajt parti minn tim li jistabbilixxi istituzzjoni ġdida f'qasam ta' importanza kbira li fih seta' jsir ħafna ġid. L-għan kien li jiżdied l-istandard tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-postijiet tax-xogħol madwar l-UE, sabiex il-ħaddiema f'kull pajjiż jibbenefikaw mill-istess protezzjoni.
Hans-Horst Konkolewsky, eks-Direttur tal-EU-OSHA

Mill-bidu nett tagħha, l-EU-OSHA kienet allinjata mal-istrateġiji tal-OSH tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea, u din kienet attur ewlieni f'dawn l-istrateġiji u fil-komunikazzjoni relatata.

Il-missjoni u l-viżjoni tal-EU-OSHA kienu ċari sa mill-bidu nett:

  • li tiżviluppa, tiġbor u tipprovdi informazzjoni b'assigurazzjoni tal-kwalità, analiżi u għodod biex l-għarfien jimxi 'l quddiem, li żżid is-sensibilizzazzjoni u tagħmel skambju tal-informazzjoni u l-prattika tajba tal-OSH
  • li tkun mexxej rikonoxxut li jippromwovi postijiet tax-xogħol siguri u li jġibu ‘l quddiem is-saħħa fl-Ewropa biex tiġi żgurata ekonomija intelliġenti, sostenibbli, produttiva u inklużiva.

Il-fatt li l-Aġenzija rnexxielha tissodisfa b'suċċess dawn l-objettivi matul dawn l-aħħar 25 sena jista' jintrabat maż-żewġ punti ta' saħħa tagħha: in-netwerk ta' punti fokali tagħha u l-mod tripartitiku ta' kif din taħdem.

Il-mudell tripartitiku jagħmilha possibbli biex l-opinjonijiet tal-gvernijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-unions tal-ħaddiema jiġu kemm rispettati kif ukoll rappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u dan isaħħaħ il-valuri tal-kollaborazzjoni u tas-sħubija tal-EU-OSHA. Il-kombinazzjoni ta' dan il-mudell man-netwerk estensiv tal-punti fokali u tas-sħab tal-EU-OSHA fil-livell nazzjonali kellu effett doppju:

  • Dan kien essenzjali biex jiġi stabbilit fehim komuni tar-riskji fuq il-postijiet tax-xogħol u kif dawn għandhom jiġu indirizzati fil-futur.
  • Dan ippermetta lill-Aġenzija tiżviluppa u tippromwovi b'mod effettiv il-kultura tal-prevenzjoni tar-riskju fil-postijiet tax-xogħol tal-Ewropa.

Dawn il-kisbiet għenu biex itejbu b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Istati Membri tal-UE.

J'alla jkollna 25 sena oħra ta' kollaborazzjoni u dedikazzjoni ta' suċċess għas-sensibilizzazzjoni u għall-promozzjoni tal-prattika tajba fil-qasam tal-OSH! Kompli segwina għal aktar artikli f'din is-serje.