Il-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (Workplace health promotion - WHP) hija l-isforz ikkombinat ta’ dawk li jħaddmu, l-impjegati u s-soċjetà biex itejbu s-saħħa u l-benesseri tan-nies fuq il-post tax-xogħol. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ taħlita ta’: titjib fl-organizzazzjoni u l-ambjent ta' fuq ix-xogħol; il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-proċess sħiħ tal-WHP; il-possibiltà li jittieħdu deċiżjonijiet favur is-saħħa, u inkoraġġiment għal żvilupp personali.
WHP ma tfissirx biss li wieħed jissodisfa r-rekwiżiti legali fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, iżda tfisser ukoll li min iħaddem ikun impenjat bis-sħiħ biex jgħin lill-persunal tiegħu jtejbu s-saħħa ġenerali u l-benesseri tagħhom. F’dan il-proċess’ huwa essenzjali li tinvolvi lill-impjegati u tikkonsidra l-ħtiġijiet u l-fehmiet tagħhom dwar kif jorganizzaw ix-xogħol u l-post tax-xogħol.
Meta l-ħaddiema jħossuhom aħjar u aktar f'saħħithom, il-promozzjoni għal postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu jwasslu għal ħafna konsegwenzi pożittivi bħat-tnaqqis fit-ternover u l-assenteiżmu, motivazzjoni għola u produttività mtejba, kif ukoll titjib fil-mod kif tidher il-kumpanija bħala organizzazzjoni pożittiva u serja.
Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ġeneralment ikollha diversi għanijiet u tkun marbuta mal-valutazzjoni tar-riskju. Xi wħud mill-aspetti tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol huma:
- Il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-proċess tat-titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol
- L-involviment attiv u l-konsultazzjoni tal-impjegati fuq it-titjib tal-ambjent tax-xogħol tagħhom
- Il-miżuri kollha mmirati għall-benesseri fuq il-post tax-xogħol, pereżempju l-permess għall-ħinijiet ta' xogħol flessibbli jew ix-xogħol mid-dar
- Taħdit fuq it-tema ta' ikel bnin fuq il-post tax-xogħol, iktar informazzjoni fuq nutrizzjoni bnina kif ukoll il-possibiltà li jiġi offrut ikel bnin fuq ix-xogħol jew faċilitajiet li jippreparaw l-ikel tagħhom stess
- Il-kuxjenza fuq il-ħsara tat-tabakk, fosthom l-istedina għal parteċipazzjoni b'xejn fi programmi ta' waqfien mit-tipjip kif ukoll dikjarazzjoni ta' projbizzjoni ta' tipjip fil-kumpanija
- Il-promozzjoni ta' saħħa mentali, billi jiġu offruti korsijiet għall-maniġers fuq kif tegħleb l-istress u t-tensjoni fi ħdan it-tim tagħhom, u l-possibiltà għal konsultazzjoni psikoloġika anonima għall-impjegati kollha
- il-promozzjoni ta' eżerċizzji u attività fiżika, korsijiet sportivi, il-promozzjoni ta' kultura attiva u vivaċi fuq ix-xogħol, monitoraġġ tas-saħħa fuq ix-xogħol, testijiet tal-pressjoni jew il-livelli tal-kolesterol.
Sib iktar informazzjoni mill-paġni tagħna "Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati" u "Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol għal min iħaddem". Il-każijiet ta' studju tagħna fuq il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol fihom ħafna soluzzjonijiet prattiċi fejn juru kif diversi kumpaniji Ewropej implimentaw il-promozzjoni tas-saħħa.
Il-prevenzjoni ta' impatt negattiv tad-duħħan tat-tabakk fuq il-post tax-xogħol
L-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk hija ħażina kemm għas-saħħa ta' min ipejjep kif ukoll għas-saħħa ta' dawk li ma jpejpux. Tista' tikkawża problemi serji bħal mard kardjovaskulari u mard respiratorju, u jista' jkollha effetti ħżiena fuq ir-riproduzzjoni. Barra minn hekk, tista' tikkawża mewt minħabba kanċers (b'mod partikolari kanċer tal-pulmun), mard tal-qalb koronarju jew puplesija.
Madankollu eluf ta' ħaddiema għadhom esposti għad-duħħan tat-tabakk fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Skont l-istimi tal-EU-OSHA, li huma msejsa fuq id-data tal-ILO, fl-2008 fl-EU-27 mietu iżjed minn 9,000 impjegat minħabba kanċer fil-pulmun ikkawżat mill-ETS fuq il-post tax-xogħol.
Barra mis-sofferenzi tal-individwi, l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk timponi spejjeż sinifikanti fuq l-ekonomija, inkluż spejjeż diretti li joriġinaw minn infiq miżjud fuq il-kura tas-saħħa u spejjeż indiretti relatati mat-telf fil-produttività.
Huwa fl-interess ta' kulħadd li titwaqqaf l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk!
- Min iħaddem jista' jelimina l-espożizzjoni għal duħħan tat-tabakk fl-ambjent (ETS - environmental tobacco smoke) billi jintroduċi politika ħielsa mid-duħħan u jappoġġa lil ħaddiema li jpejpu billi jistabbilixxi programm ta' waqfien mit-tipjip.
- Ħaddiem li jpejjep għandu jagħti kas ta' ħaddieħor u ma għandux jesponi lil min jaħdem miegħu, u għandu jieħu vantaġġ mill-programmi ta' waqfien mit-tipjip sabiex ma jibqax ipejjep.
- Ħaddiem li ma jpejjipx jista' jqajjem il-kwistjoni ma' min iħaddem u ma' kollega li jpejjep sabiex ikun hemm post tax-xogħol ħieles mit-tipjip
L-informazzjoni ta' prattika tajba tal-EU-OSHA dwar il-prevenzjoni ta' espożizzjoni għal duħħan tat-tabakk fuq il-post tax-xogħol
Aktar informazzjoni
- Konsultazzjoni tas-sħab soċjali Ewropej dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esponiment għal duħħan tat-tabakk ambjentali fuq il-post tax-xogħol
- Informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar smoke free-environments u l-kampanja tagħha "GĦIN – Għal ħajja mingħajr tabakk"
- Smoke-free partnership

Factsheet 94 - Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-Impjegati

