Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema
Huwa importanti li l-ħaddiema jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju. Huma jafu l-problemi u d-dettalji ta' x'jiġri verament meta jwettqu d-doveri jew l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu involuti fl-evalwazzjoni. Ħafna drabi, l-għarfien prattiku jew il-kompetenza tagħhom huma wkoll bżonnjużi biex jiġu żviluppati miżuri preventivi.
Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema m'hix biss dritt, hija fundamentali sabiex il-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol minn dawk li jħaddmu tkun effettiva u effiċjenti.
Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt/dover li:
- ikunu kkonsultati dwar l-arranġamenti għall-organizzazzjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju u għall-ħatra ta' dawk li ser jaċċettaw il-kompitu.
- jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju
- jiġbdu l-attenzjoni tal-kontrolluri tagħhom jew ta' min iħaddimhom rigward riskji li qed jaraw
- jirrappurtaw kull tibdil fil-post tax-xogħol
- ikunu infurmati bir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u bil-miżuri neċessarji sabiex dawn ir-riskji jiġu eliminati jew imnaqqsa
- ikunu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni dwar il-miżuri preventivi u protettivi li jridu jiġu stabbiliti
- jitolbu lil min iħaddimhom sabiex jistabbilixxi miżuri xierqa u jissottomettu proposti li jnaqqsu l-perikli jew li jeliminaw il-periklu mis-sors
- jikkooperaw sabiex jgħinu lil min iħaddem biex jassigura li l-ambjent tax-xogħol huwa sigur
- ikunu mħarrġa/jirċievu istruzzjonijiet dwar il-miżuri li se jiġu stabbiliti
- sa fejn ikun possibbli jieħdu ħsieb tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u ta' persuni oħra affettwati mill-azzjonijiet tagħhom skond it-taħriġ u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddem
Barra dan, huwa importanti li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu mħarrġa sabiex jifhmu l-evalwazzjoni tar-riskju u r-rwol tagħhom fiha.